Lectio Divina tal-24 Ħadd. Sena “B”


Vanġelu (Mk 8, 27-35): “Min jgħidu n-nies li jien?” Ġesu jagħmel il-proposta tiegħu għall-ħajja, u jitob lin-nies biex jimxu warajh u fuq dil-proposta. Il-prezz hu għoli għax aħna ħajja waħda għandna. Qabel ma niddeċiedu irridu nkunu naf sew min hu dan Ġesu, u fejn se jwassalna. Anki d-dixxipli spiss kienu jsaqsu: “Min hu dan Ġesu?” e.g. wara l-fejqan tal-imxajtan, tal-paralitiku (“min hu dan biex jaħfer id-dnubiet?”), jew meta waqqaf it-tempesta (“min hu dan biex anki ir-riħ u l-mewġ jobduh?”). Qabel ma jikkommettu ruħhom għall-proposta tiegħu riedu jkunu ċerti min hu tassew.

  1. “Imma intom min tgħidu li jien?” Pietru wieġeb imma ma fehemx id-domanda, għax Ġesu fil-fatt qed isaqsi: “Jien x’jien għalikom? Qed tifhmu x’qed nipproponi għall-bnedmin: dinja ġdida fejn tirrenja l-imħabba bla limiti u kundizzjonijiet? Jien kemm niswa f’ħajjitkom?” Illum qed isaqsi lili wkoll: “Jien kemm niswa f’ħajtek? Kull għażla li tagħmel iżżommni quddiem għajnejk?” Għax dan mhux impenn ta’ devozzjoni ‘l hawn u att ta’ karita’ ‘l hemm, imma impenn ta’ ħajja sħiħa, bħal dik il-ħalfa serja ta’ għarusa lill-għarus f’jum it-tieġ – sakemm il-mewt tifridna. Mela Ġesu qed jitlobni: “Trid torbot ħajtek kollha ma’ ħajti biex tkun bniedem skond il-proposti tiegħi u mhux skond dawk tal-bnedmin tad-dinja?” It-tweġiba tiegħi se tirrifletti kemm nemmen u kemm qed ninpenja ruħi fuq il-ħajja li fassal għalija Alla. Jekk nitqarben kif suppost, jien inkun konxju li, meta nilqa’ lil Ġesu fija, inkun qed naċċetta mhux biss lilu imma l-proposti Tiegħu ukoll. Hawn ħafna rġiel li jirreferu għall-mara tagħhom bħala “teżor” (l-istess in-nisa għall-żwieġhom). Din tixbah lin-Nisrani li, meta jsib lil Kristu, ikun sab teżor. Dan ma jfissirx li nfittxu lil Kristu għall-favuri u mirakli biss. Min jagħmel hekk se jibqa’ diżappuntat. Oħrajn meta jisimgħu il-proposta ta’ Ġesu għal dinja ġdida ta’ mħabba u maħfra jgħidulu: “Bravu! Imma din ħolma sabiħa li qatt ma tista’ titwettaq.” X’se tkun it-tweġiba tiegħi illum? Din hi importanti ħafna għax fuqha jiddependu l-għażliet kollha li bi ħsiebni nagħmel.
  2. “Imbagħad ordnalhom biex ma jitkellmu xejn ma’ ħadd ” Dan għaliex kien jaf li għadhom ma fehmux kompletament min Hu. Għalhekk setgħu jagħtu ideja żbaljata tiegħu, bħalma kellhom il-Lhud dwar x’suppost kellu jkun il-Messija. Għalhekk Ġesu jkompli  jiċċara din l-ideja billi “beda jgħallimhom fuq li kien meħtieġ li Bin il-bniedem ibati ħafna … joqtluh, u wara tlett ijiem jerġa’ jqum.” Kif m’għandu jkun hemm l-ebda ħabi bejn koppja għarajjes qabel it-tieġ, hekk Ġesu juri biċ-ċar u bla tlaqlieq l-identita’ Tiegħu. “Jien se mmur nagħti ħajti.” Il-frażi “Bin il-bniedem” tfisser bin Adam, bniedem veru, i.e. uman awtentiku, il-prototipu ta’ bniedem. Ġesu qed jgħallem lit-tnax li nies bħal Kajfa, Erodi, Tiberju m’humiex bnedmin li rnexxew, avolja ħafna Lhud kienu jqisuhom hekk, għax, kull fejn ikunu dawn, kulħadd kien jinkina quddiemhom.  Dan għaliex il-poter kisbuh b’ingann, gideb  u vjolenza. Il-bniedem li jirnexxi tassew bħala uman, mela, hu dak li jagħti ħajtu għall-oħrajn.
  3. “Pietru ġibdu lejh u beda jlumu.” Għall-kelma “jlumu” jintuża l-istess verb li kien juża’ Ġesu meta kien jgħajjat max-xjaten biex joħorġu min-nies. Dan ifisser li Pietru qabad jgħajjat ma’ Ġesu u jgħidlu: “Qed tgħid ereżija kontra Alla. Żgur li x-xitan qed idaħħallek dawn il-ħsibijiet f’moħħok.” Pietru għadu bl-ideja żbaljata ta’ min hu l-bniedem awtentiku. Nikkompatuh, għax fl-Iskrittura kien imdorri jaqra li kollox sew imur għall-bniedem ġust: “Dirgħajn il-ħażin jitkissru, imma l-Mulej iżomm il-ġusti…. qatt ma rajt il-ġust minsi jew uliedu jittalbu ħobżhom” (Salm 37: 16, 25). Imma issa Ġesu qed jgħid li se jagħti ħajtu u l-ħżiena se jmorru minn fuq. Jinsisti fuq hekk billi jdur lejn Pietru u jċanfru: “Ix-xitan mhux lili qed jinfluwenza imma lilek, għax mhux qed iħallik tara l-ewwel il-ħwejjeġ t’Alla imma tal-bnedmin. Itlaq minn quddiemi u ejja warajja ħalli ssegwi l-passi tiegħi, biex int ukoll tiġi tagħti ħajtek.”
  4. “Sejjaħ lejh in-nies.” Fil-bidu tas-silta Ġesu kien waħdu mad-dixxipli. Għalhekk dan it-tagħlim li ġej hu għalina. Tajjeb li naraw jekk aħna hux parti mill-folla jew mid-dixxipli: il-folla entużjasta għal Ġesu, imma għadha ma fehmitx min hu tassew. Id-dixxipli bdew jifhmu xi ftit. “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja…jerfa’ salibu.” Din hi proposta ta’ mħabba. M’hemm l-ebda impożizzjoni jew pressjoni. L-ebda għarusa ma tista’ tħobb raġel bil-fors għax tkun imġiegħla. Dan hu punt għal kull Nisrani l-aktar għas-saċerdoti u katekisti. Jekk, wara li nippreżentaw lil Kristu, ma jiġix aċċettat bil-liberta’ kollha, jkun kollu għal xejn.  Veru li rridu nsostnu li min ma jgħix il-Vanġelu jkun qed jaħli ħajtu fix-xejn.
  5. “Jiċħad lilu nnifsu.” L-istess verb se jintuża meta Pietru jiċħad lil Kristu, i.e. jaħlef li qatt ma kellu rapport miegħu u, jekk kellu, dan qata’ kull kuntatt miegħu. Mela, “jiċħad lilu nnnifsu” tfisser li jaqta’ kull kuntatt miegħu innifsu, i.e. mal-interessi u l-egoiżmu tiegħu. Irid imur kontra l-istint naturali li jwasslu biex ikejjel l-għażliet li jagħmel skond kemm se jdaħħal fil-but. L-għarus wara t-tieġ ma jibqax sid tiegħu innifsu, imma jsir jappartjeni għall-mara. Issa, f’kull għażla li jagħmel irid jaħseb l-ewwel fl-imħabba u mhux fih innifsu. Din hi forma ta’ mewt, imma li twassal għall-ferħ u l-ħajja vera.
  6. “Jerfa’ salibu.” Ma jfissirx li nieħdu paċenzja bl-inkwiet u l-mard tal-ħajja, l-anqas li nagħżlu s-sofferenza bħala mod kif nogħġbu lil Alla. Alla ma jridx dan imma mħabba. L-ilsir kien jerfa’ s-salib, għax dan mhux sid tiegħu innifsu u jkollu jagħmel li jordnawlu. Ġesu qed jgħid li d-dixxiplu irid jieħu pożizzjoni ta’ lsir, ma jibqax sid tiegħu innifsu u joqgħod għad-dispożizzjoni tal-bżonnijiet tal-proxxmu.
  7. “Jimxi warajja.” Biex timxi wara xi ħadd trid tibqa’ tarah il-ħin kollu quddiemek. Dan tagħmlu billi jkollok relazzjoni intima miegħu l-aktar fil-ħin ta’ talb spontanju fil-kwiet, u fir-riflessjoni fuq siltiet mill-Vanġelu.

Sors: lachiesa.it/liturgia/omelie/padrefernando armellini

Author: laikosblog

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.