L-Evanġelju tat-Tlieta 11 ta’ Settembru 2018


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Lq 6, 12-19

F’dawn it-tmin versi minn kapitlu sitta tal-Evanġelju tiegħu San Luqa qed jara l-Knisja kif tasse whi diġa fi żmienu. Hija Knisja pproġettata fil-futur u hekk għada sallum minkejja d-dgħufijiet u d-dnubiet kollha ta’ dawk li jagħmluha, dawk li għandhom il-mard tagħhom u mħabbtin mill-ispirti mniġġsa li kultant jieħdu r-riedni f’idejhom, anke fi żmienna, u jaħsbu li qed imexxu huma. San Luqa jurina kif Ġesù ried u għadu jrid li tkun il-Knisja tiegħu f’kull żmien, mibnija minnu f’għaqda mal-Missier magħmula minn nies li huwa għażel, anke dak li jittradih, minn kull ġens u poplu, fil-wita, dawk li jimxu warjah u dawk li huma mxennqa għall-kelma u għall-fejqan tiegħu. San Luqa jurina l-universalità tal-Knisja li l-bnedmin kollha, b’xi mod jew ieħor, min għal raġuni u min għal oħra, jħossuhom miġbudi lejha, jitkellmu dwarha u kurjużi dwar dak li jinsab fiha.

Il-lejl jgħaddih fit-talb. Kien mibgħut biex jagħmel ir-rieda tal-Missier u hekk ried jibqa’ jagħmel sal-aħħar. L-għarfien tar-rieda tal-Missier ma jiġix mix-xejn, lanqas ma jiġi minn dak li wieħed jisspoponi, lanqas minn xi rivelazzjoni li sseħħ darba u tieqaf. Ir-rieda tal-Missier Ġesù jistħarreġ dwarha u jagħrafah u jilqagħha fil-lejl fit-talb. Wieħed jistaqsi, jekk hu stess jgħid li hu u l-Missier huma ħaġa waħda, għalfejn ifittex li jitlob, li jingħaqad mal-Missier, jitkellem miegħu u jisimigħu. L-intimità ma’ min tħobb hija l-qofol tal-imħabba li minna tiġi kull enerġija bie xtgħix għal dik il-persuna. Il-Konċilju Vatikan II, dwar il-Liturġija, li hija l-qima l-membri tal-Knisja flimkien jagħtu lil Alla u li fiha jisimgħuh jitkellem u jieħdu fihom il-ħajja tiegħu, jgħid li hija l-quċċata u l-fus tal-ħajja ta’ min jemmen. Ix-xewqa tal-imħabba għal Alla twassal il-ħajja ta’ dawk li jemmnu biex tilħaq il-quċċata tagħha, il-milja tagħha, tgħix dak li hu tas-sema minn hawn stess, fuq din l-art li ħafna drabi tippretendi li hi l-ġenna li ma tintemmx; fl-istess ħin it-talb fil-Liturġija huwa l-fus li miegħu iddur il-ħajja ta’ kull min jemmen. Il-Liturġija mhix ir-riti esterni imma dak li r-riti esterni jfissru u jissimboliżżaw. Hija l-għaqda ma’ Alla fuq il-għoljiet li hija l-quċċata u l-fus tal-ħajja tal-Knisja.

Fl-isfond ta’ din l-għaqda mal-Missier hemm l-għażla ta’ bnedmin li jaħdmu id f’id ma’ Ġesù. Kienu perfetti? Nafu fiċ-ċert li ma kienux. Kienu l-aqwa nies, l-aħjar kandidati, l-iktar lejali, l-iktar edukati, l-iktar iffurmati akkademikament? Żgur li le. Wieħed minnhom ittradih, ieħor ċaħdu, ħafna minnhom għosfru u lkoll kemm huma ħallew it-twerwir jaħkimhom għax kienu bħalna, bnedmin tad-demm u l-laħam. San Luqa meta jitkellem fuq l-arblu tar-razza ta’ Ġesù, il-linja vertikali li turina minn fejn hu ġej, isemmi ħafna nies tajbin iżda jsemmi wkoll nies li kienu magħduda u forsi setgħu kienu hekk ukoll, l-irmixk tas-soċjetà; ried jurina li fir-razza ta’ Ġesù kien hemm iktar minn paljazza waħda. Meta jitkellem dwar dawk li Ġesù stess għażel, il-linja orizzontali tal-kollaboraturi tiegħu daħħal varjetà ta’ karattri kkulurita daqs il-qawsalla. Fit-tnax-il Appostlu nistgħu naraw mhux biss lilna lkoll iżda wkoll lilna nfusna bil-burdati, il-merti, id-dgħufijjiet u l-kapriċċi kollha tagħna. Ħadd m’hu ħażin jew nieqes biżżejjed biex jaħrab is-sejħa ta’ Ġesù. Il-passaturi aħna nużawhom imma meta nużawhom inkunu qe dimmeru lil Alla nnifsu li ma jeskludi lil ħadd.

F’dan l-isfond tal-intimità ma Alla u s-sejħa tal-kollaboraturi ta’ Ġesù, il-Knisja tidher f’wita, fejn m’hemmx għoljiet u ħofor, tidher kbira, folol kbar, minn kull ġens, Lhud u nies mid-dinja kollha ġejjin minn Tir u Sidon, iż-żewġ portijiet fuq il-Lvant tax-xatt tal-Mediterran, bibien għal nies minn kullimkien. Huma n-nies tad-dinja li jiġu biex jisimgħuh u biex ifiqu. Jisimgħuh u mhux bilfors jaċċettawh, imma jiġu; għalfejn għandna ngerrxuhom! Jiġu biex ifiqu; mela huma morda; għalfejn ngħidulhom li bie xikunu magħna jridu jkunu f’saħħithom!

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.