Ħu challenge!


Kemm hu għaqli min jagħmilha man-nies! U, illum, niżżi ħajr bil-bosta lill-Mulej l-għaliex sejjaħli Kapuċċin lili! Għax, il-Kapuċċini, minn dejjem hekk kienu jsejħulna: i frati del popolo! Il-Patrijiet tan-nies! U gwaj għalina jekk ninqagħtu minnkom in-nies! Mela, fuq l-eżempju ta’ Ġesù, ta’ San Franġisk u tat-tradizzjoni Kapuċċina, għal man-nies ħi! Għal ġol veru kunvent, jiġifieri u skont San Franġisk, id-dinja! Man-nies! Għax, min hu tan-nies, ikun man-nies, għan-nies u jitgħallem, bis-sewwa u b’xi naqra dnewwa, ikun ta’ nies!

Intant! Mela ġejt imsejjaħ direttament minn Ġesù, permezz ta’ dawn in-nies, biex inqaddes quddiesa lil dan il-grupp tat-tfal. Mhux faċli ħbieb tqaddes għat-tfal! U mela t-tfal se jifhmu d-dominazzjonijiet, is-setgħat, is-serafini u l-qawwiet? U mela t-tfal se jifhmu xi jfisser tant kliem ieħor li, bilkemm aħna l-kbar, (u forsi għax ma nfittxux ukoll u nitgħażżnu, ħalli issa ngħidu kollox), bilkemm nifhmu? Imma ħi l-Imgħallem, li kien ikun dejjem man-nies u li għallmuh ikun dejjem ta’ nies, hekk iridni. Bħalu!

Sinjur (bla flus), għaliex hekk ħafna minnkom tgħiduli kull meta nindirizzakom b’sinjur u sinjura, jiġifieri ala tal-podju, ġie għalija u bdejna nitħaddtu. Kienet diskursata tassew sabiħa. Illum ngħid li, waqt dik id-diskursata, il-Mulej kien diġà beda jitfagħli x-xlief ħa jaqbadni! Iva mela x’għallimni dan is-sinjur (bla flus?) Li fil-ħajja għandi nadatta ruħi! Għax fil-ħajja hawn nies u nies. U allura n-nies jgħallmuni inkun ta’ nies. Skont il-grad li jifhmu huma kif tkun ta’ nies!

Mela wasalna fil-post. Ridt ngħinu jġorr kaxxa imma kien kapaċi jġorrha waħdu. Dħalna. Imxejna. U mbagħad żbukkajna ħdejn pool mill-isbaħ. X’ħin rajtha, ma nafx għalxiex, telgħetli f’moħħi u f’qalbi l-kanzunetta strumentali ta’ Elton John Song for Guy. Daqskemm kienet rilassanti dik il-pool! U din il-kanzunetta mill-aktar sabiħa, għal min iswegi l-One Radio, kienet ukoll il-kanzunetta li kienet marbuta mal-programm li bħalissa qed intella’ flimkien ma’ Clint Bajada fuq l-istazzjon, bit-titlu: Mill-Iskola tal-ħajja. Insellimlek għażiż Clint!

Intant! Wasalna għall-ħin tal-quddiesa. U, wara li ħadt naqra ilma friska, għax veru kelli għatx klubi, bdejna l-quddiesa. Laqagħtni ħafna l-fatt li l-quddiesa bdiet billi dawn it-tfal tellgħu xemgħa kull wieħed u għamluha forma ta’ salib kbir mal-art quddiem l-artal. X’idea tajba dik eh! Dawn ix-xemgħat kienu kollha mixgħula u sbieħ. U kemm kien oriġinali ħbieb dan is-salib mixgħul isfar!

Ftit qabel bdejna l-quddiesa tlabna l-qawwa tal-Ispirtu s-Santu ħa jgħinna. L-aktar lili! Mela jien naf nikkomunika mat-tfal x’kull waħda tnejn! Isomma! Tlabna ħalli jkun hu l-coach tas-sitwazzjoni. U ħa ngħidilkom mill-ewwel beda jmexxi tafux! L-għaliex, fil-bidu tal-quddiesa, tefgħani f’parlata ma’ dawn it-tfal. Nistaqsihom u jweġbuni. U jweġbuni u nistaqsihom. Ma nafx kif xi ħadd semma l-kelma challenge! U hawn għajnejja xegħlu! Dan l-għaliex, fin-naħa tax-xellug tal-artal, kelli l-borża s-sewda. Eh! Dik! U proprju dik! U x’kien hemm fiha ħi dik il-borża?

Isa! X’taħsbu li kien fiha? Ic-challenge! F’dan il-grupp il-kelma challenge (l-isfida) hi importantissima f’ħajjithom. U mbagħad, wara li jgħaddu minn ma nafx kemm il-challenge, jiksbu l-badge! Ħalli juru lil kulħadd kemm qattgħu bi snienhom fil-ħajja biex fuqhom jistgħu iġorru l-unuri mal-uniformi li jilbsu. Tagħmel sens hux ħbieb!

Mela l-Mulej urieni biex ngħidilhom hekk: “Tridu challenge?” Għajnejn dawn it-tfal xegħlu! “IVA!” weġbuni għalenija. “Arah ġej ic-challenge!” dlonk weġibthom. U, bil-mod il-mod, biex ma nitfixkilx f’dak is-salib tal-xemgħat u nagħmel storja, ġibt din il-borża s-sewda. Sejjaħt tifla minnhom u tlabtha tqassam ic-challenge lil kull persuna. Sintendi, għedtilha: “Jekk jogħġbok ibda’ minni. Għax għandi bżonnu ċ-challenge!”

Wara, meta kulħadd ħa l-palċmina-challenge bi frażi tal-Kelma ta’ Alla fiha, għedtilhom: “Issa, qabel tiftħu dan l-iskroll-challenge ħa tgħixuh, itolbuh hekk lil Ġesù: Mulej Ġesù, għinni ngħix dan iċ-challenge!” Tbissmu t-tfal! U ħadt ir-ruħ magħhom jien ukoll! L-Ispirtu s-Santu ġabna niftehmu ħi! Rajtu kemm jagħmel mirakli! U mhux aħjar mela li nieqaf nparla fil-vojt billi nwaqqgħu għaċ-ċajt għax nemmen aktar lill-moħħi fjakk milli lilU? U hekk nispiċċa Burdatu u Burdata?

Ħbieb, iċ-challenge għallimni ħaġa: kemm jien, biex inkun tan-nies, man-nies u għan-nies, għandi nkun l-ewwel bi Kristu, fi Kristu u ma’ Kristu. Mela ta’ Alla, ma’ Alla u f’Alla! Inkella, jekk ma nkunx hekk, nispiċċa spisjat. U, bħal kanzunetta brillanti ta’ Alice Merton, No Roots, nispiċċa noħlom u mhux ngħix! Għax jekk hawn persuna li saqqajha fl-art hi Ġesù! Għax minn Alla sar bniedem bħalna! Għalhekk ejja nieħdu ċ-challenge tal-Kelma tiegħu fil-palċmina ħa jkollna r-Roots! U, fuq l-istess mużika tal-kanzunetta ta’ Alice Merton, int u jien ikantaw: I’ve got the roots! U, bilħaqq, meta tarani, fakkarni nagħtik iċ-challenge lilek ukoll!

 

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.