It-Tabor!


Din is-sena l-Mulej tani l-grazzja nippriedka t-Tridu tal-Festa tat-Trasfigurazzjoni tal-Mulej. Liema festa, b’mod popolari, nafuha bħala dik tas-Salvatur!

Kemm ħadt gost l-aħwa li l-Mulej tani din l-esperjenza sabiħa! Fir-raħal tant sabiħ li jipproduċi tant larinġ bnin! Jiġifieri Ħal Lija! Għalija din l-esperjenza kienet waħda ta’ trasfigurazzjoni tassew. Mill-bidu sal-aħħar! Kif qatt nista’ ninsa dik l-istatwa brillanti li, l-Ispirtu s-Santu, kien żgur webbel biha biex jiskolpieha lill-istatwarju magħruf Karlu Darmanin! X’maesta dik l-istatwa! Għad-dell tagħha, bħas-salmista, jien għedt lill-Mulej f’kull kelma li, l-Ispirtu s-Santu, tani l-grazzja li nħabbar f’dawk it-tlett ijiem imqaddsa għal ħajti: Għad-dell ta’ ġwenħajk kennini! (Salm 17:8).

U kien il-kenn tiegħu li tani l-grazzja nitla’, ma’ Ġesù, ma’ Pietru, Ġakbu u Ġwanni, l-għolja tat-Tabor. L-għolja tat-Tabor! L-għolja mqaddsa! L-għolja li l-isem tagħha jissuġġerixxi żewġ tagħlimiet kbar għalija u għalik! L-għolja li, jekk ninfetħu għaliha, tiftħilna l-qalb ħanina ta’ Alla tagħna (Lq 1:78) beraħ!

L-ewwel kelma li toffrili l-Għolja tat-Trasfigurazzjoni hija purifikazzjoni! Biex Ġesù tela’ fuq dik il-muntanja ma’ Pietru, Ġakbu u ħuħ Ġwanni, żgur li ma telgħax ifuħ! Għal min mar l-Art Imqaddsa jaf li biex titla’ it-Tabor illum trid titlagħha bil-karozza. Jew bil-van. Inkella, jekk se titlagħha bil-mixi, aqta’ x’ġibda għandek! Issa ejja ma ninsewx li, f’dawk iż-żminijiet, tarmak ma kienx hemm bħallum. Allura Ġesù, flimkien mat-tlett appostli, kellu jitla’ minn bejn is-siġar u dejjem tiela’ għat-telgħa! Mela ara kemm ħarġilhom għaraq biex waslu s’hemm fuq! U kemm kienu jintnu sakemm waslu s’hemm fuq!

U int min qallek li jien u int mhux hekk irridu ngħixu ħajjittna? Mhux anki jien u int irridu nitilgħu t-telgħat tal-ħajja? Jiġifieri, mhux anki int u jien irridu nagħmlu ħafna sagrifiċċji sabiex naslu fil-quċċata tal-glorja li hemm tistenniena? Liema glorja, sintendi, tibda’ minn din il-ħajja stess? Għidli liema ħajja m’għandhiex magħha s-sagrifiċċji?

Naf! Aħna u telgħin it-triq tas-suċċess veru nibdew inħossuna għajjenin. Abbli jiġu mumenti fuqna fejn, forsi bħat-tlett appostli imma żgur mhux bħal Ġesù, nibdew ngħidu: Imma dan ix-xogħol kollu għalfejn? X’ħa nieħu minn din it-tbatija u minn dan is-sagrifiċċju li qed nagħmel? Forsi, f’dak il-waqt, jibda’ jfaqqsilna l-ħsieb li abbli nkunu qiegħdin nitħabtu, u nitħabtu għal xejn. Abbli nibdew nagħmlu l-istess raġunament tal-appostli: Mgħallem, għamilna lejl sħiħ nitħabtu u ma qbadna xejn(Lq 5:5). Mhux l-ewwel darba hux veru li nsibuna ngħidu l-istess kliem ta’ Pietru li, f’dan il-passaġġ tal-vanġelu, veru kien diżappuntat. Għamilna lejl sħiħ! Jiġifieri tajna dak kollu li stajna nagħtu. Tħabatna. Ma nafx x’għamilniex! Tlajna t-telgħa fix-xemx tiżreġ. F’dik ix-xemx li taqli l-ġrieden. Imma ħej x’ħadna? Ma qbadna xejn! Mela bqajna fejn konna! Jekk ma morniex lura wkoll!

Imma anki hawn, quddiem id-diżappunt u l-qtiegħ il-qalb, ejjew noħduha bi grazzja liema bħalha. Dan l-għaliex il-Mulej irid, b’saħħtu kollu, ineżżagħna minn pretensjonijiet li ma jagħmlulniex ġid. Aħseb u ara mela kemm se jagħmlulna ġieħ! Le! Mhux possibbli li nsir sinjur f’daqqa! Fi kwistjoni ta’ ftit xhur! Le! Mhux normali li għandi dak kollu li għandi f’qasir żmien! U le! Mhux sewwa li nippretendi dak, dik jew dawk minn għand ħaddieħor! Le ħabib! Irrid nitgħallem inxammar il-kmiem ħa nagħti sehmi. L-għaliex xejn ma jaqa’ mis-sema u kollox jiġi mogħti mill-Mulej. Nemmen jew ma nemminx! Eżatt mela kif tgħidli l-Kelma ta’ Alla meta tfakkarni f’dan il-fatt fl-Ittra ta’ San Ġakbu: Kull ħaġa tajba li tingħata u kull don perfett jiġi mis-sema, jinżel mingħand il-Missier, l-għajn tad-dawl, li fih ma hemm ebda tibdil u anqas dell ta’ tidwir (Ġak 1:17). Mela, la dan hu l-fatt sagrosant, ejja nagħmel is-sagrifiċċji tiegħi billi ngħid LE għar-rieda dgħajfa tiegħi u IVA għar-rieda tal-Mulej fija! Jekk f’ħajti rrid tassew nara l-bidla irrid iva nitla’ t-tela’ tat-Tabor sakemm nasal sal-quċċata tagħha fejn hemm il-bidla!

Imbagħad, l-għolja tat-Tabor fakkrittni f’ħaġa oħra importanti: il-muntanja tat-Tabor għallmittni wkoll l-affermazzjoni! Tagħtini ċ-ċertezza! X’qal il-Missier? X’afferma? Dan hu Ibni l-għażiż, isimgħu lilu (Mk 9:7). Il-Missier qalilna: Dan hu! Mela m’hemmx ieħor! Hu t-Triq, il-Verità u l-Ħajja (Ġw 14:6). Hu li joħodna għand il-Missier! Hu li, il-persuna u t-tagħlim tiegħu, huma għalina l-garanzija ta’ ħajja personali, komunitarja u soċjali aktar soda!

Mela f’ħajjitna għandna bżonn iva li jkollna nies li jiftħulna għajnejna billi, bi mħabba u b’ġentilezza liema bħalha, ifakkruna x’inhuma l-prinċipji li rridu nimxu fuqhom! Le ħbieb! Ma nistgħux ngħixu ħajja ta’ żfin mal-prinċipji. Lanqas ma tagħmlilna ġieħ tip ta’ ħajja fejn, il-prinċipju aħħari, dejjem ikun dak tal-utilità. U allura, dak li mhux tajjeb armih! Il-ħajja umana tibqa’ sagra. Anki meta jiġu mumenti fejn ma tantx tidher utli l-għaliex il-persuna ma tkunx tista’ tipproduċi dak li kienet tipproduċi qabel. Jew, minkejja ċ-ċirkustanzi diffiċli, dik il-persuna ma tkunx tista’ fil-fatt tipproduċi xejn minħabba d-diżabilità tagħha.

L-għejxien tas-sagrifiċċju flimkien mat-tħaddin tal-prinċipji jiftħuna għall-bidliet kbar fil-ħajja personali u soċjali tagħna. Għax, il-bidla veru, ma sseħħx minħabba l-kurrenti ta’ barra tal-opinjoni pubblika imma minn dawk ta’ ġewwa. Mill-qalb sinċiera tal-bniedem. Mela nkunu nies ta’ sagrifiċċju u anki ta’ prinċipju u hekk, it-Tabor, nkunu aħna stess! Irrilevanti jekk aħniex Lijani jew le!

 

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.