Il-paċi hi mixja ta’ umiltà, ħlewwa u ġenerożità


Il-Ġimgħa, 26 ta’ Ottubru 2018. Illum, waqt il-quddiesa fil-kappella tad-Dar Santa Marta, il-Papa Franġisku għamel stedina biex ‘nagħmlu’ u ‘nsaħħu’ d-dinja tal-lum li fiha l-istituzzjonijiet internazzjonali qed iħossuhom bla ħila li jsibu ftehim għall-paċi.

L-umiltà, il-ħlewwa u l-ġenerożità huma t-triq biex ikun hawn il-paċi fid-dinja, fis-soċjetajiet tagħna u wkoll fil-familji tagħna. Il-Papa Franġisku għamel din l-affermazzjoni dalgħodu, waqt l-omelija tal-quddiesa fid-Dar Santa Marta, hu u jirrifletti fuq l-ewwel qari tal-liturġija meħud mill-Ittra ta’ San Pawl lill-Efesin.

Franġisku fakkar kif mis-solitudni tal-ħabs Pawlu jagħti ‘innu ta’ għaqda’ lill-Insara u jħeġġiġhom biex iħarsu d-dinjità tal-vokazzjoni tagħhom.

Hija s-solitudni, innota l-Papa Franġisku, il-kumpanija tal-Appostlu, solitudni li tibqa’ miegħu sal-mewt fit-Tre Fontane, għax l-Insara – żied josserva – huma wisq medhijin fit-taqbid ta’ bejniethom. Ġesù nnifsu, qabel ma miet, waqt l-Aħħar Ikla, talab lill-Missier il-grazzja tal-għaqda bejnietna lkoll. Madankollu, qal il-Papa, illum ‘drajna li t-taqbid huwa n-nifs li nieħdu’ kuljum: it-televixin, il-gazzetti, jitkellmu dwar it-taqbid, waħda wara l-oħra, gwerer,… mingħajr paċi, mingħajr għaqda.

Anke jekk isiru t-trattati biex iwaqqfu kull taqbid, innota Franġisku, malajr jintesew. B’hekk il-karriera tal-armamenti, tat-tħejjija għall-gwerer, għad-distruzzjoni, tibqa’ għaddejja. Illum naraw li anke l-istituzzjonijiet dinjija, maħluqin bl-aħjar rieda li jgħinu l-umanità tikseb il-paċi, iħossuhom bla ħila li jsibu ftehim bejniethom:  min jagħmel veto hawn u min hemm, min għandu interess hawn u min hemm… U jsibuha bi tqila biex jaslu għal ftehim ta’ paċi.

U fl-istess ħin it-tfal m’għandhomx x’jieklu, ma jmorrux l-iskola, ma jkollhomx edukazzjoni, m’hemmx sptarijiet, għax il-gwerra tkisser kollox. Għandna tendenza għad-distruzzjoni, għall-gwerra, għall-firda. Hi t-tendenza li jiżra’ fi qlubna l-għadu tagħna, il-qerried tal-umanità: ix-xitan. Dwar dan Pawlu jgħallimna t-triq lejn l-għaqda meta hu jgħid li l-paċi tmexxi lejn l-għqada.

Allura għandna twiddiba biex inġibu ruħna skont is-sejħa li rċevejna, bl-umiltà, bil-ħlewwa u bil-ġenerożità. Biex inġibu l-paċi, l-għaqda bejnietna: umiltà u ħlewwa, aħna li mdorrijin nitgħajru u ngħollu leħinna ma’ xulxin. Tista’ tinkiseb il-paċi fid-dinja b’dawn it-tliet virtujiet tant żgħar? Iva, din hi t-triq. Nistgħu naslu għall-għaqda? Iva. It-triq hi: umiltà, ħlewwa u ġenerożità. U Pawlu hu prattiku u jkompli b’parir prattiku ħafna: ‘Aħmlu lil xulxin bl-imħabba.’ Naħmlu lil xulxin. Mhux faċli, għax il-ġudizzju, il-kundanna, li jnisslu l-firda, it-tbegħid, dejjem fuq fommna.

Jiġri, innota l-Papa, anke meta tinħoloq ċerta distanza bejn membri tal-istess familja. U b’hekk ix-xitan jifraħ, jifraħ li bdiet il-gwerra. Il-parir għalhekk hu ‘nissaportu’, għax aħna lkoll b’xi mod nagħtu fastidju lil ħaddieħor, nitilfu l-paċenzja, għax aħna lkoll – fakkarna – għandna d-difetti tagħna.

San Pawl, issokta Franġisku, jirrikmanda: ‘Żommu spirtu wieħed bir-rabta tal-paċi,’ żgur imnebbaħ minn kliem Ġesù fl-Aħħar Ikla: ‘ġisem wieħed u ruħ waħda’.  Imbagħad ikompli billi jurina x-xefaq tal-paċi ma’ Alla, l-istess kif Ġesù wriena x-xefaq tal-paċi bit-talba: ‘Missier ħa jkunu ħaġa waħda kif jiena fiK u Inti fija.’

Il-Qdusija Tiegħu fakkar li fil-qari tal-Vanġelu tal-ġurnata, meħud minn San Luqa, Ġesù jirrikmandalna li nfittxu l-ftehim mal-għadu tagħna ‘meta nkunu għadna fit-triq’: parir sabiħ, ikkummenta Franġisku, għax meta l-konflitt ikun għadu fil-bidu, mhux diffiċli li jinstab il-ftehim.

Il-parir ta’ Ġesù hu: ftiehem fil-bidu, agħmel paċi mill-ewwel.  Din hi l-umiltà, din hi l-ħlewwa, din hi l-ġenerożità. B’dawn l-affarijiet żgħar nistgħu nibnu l-paċi fid-dinja, għax dawn l-atteġġjamenti huma l-atteġġjamenti ta’ Ġesù: umli, manswet, jaħfer kollox.

Id-dinja tal-lum teħtieġ il-paċi, aħna neħtieġu l-paċi, il-familji tagħna jeħtieġu l-paċi, is-soċjetà tagħna teħtieġ il-paċi. Nibdew inħaddmu dawn it-tliet affarijiet sempliċi: ġenerożità, ħlewwa, umiltà. Nimxu ‘l quddiem f’dit-triq li dejjem inġibu l-għaqda, insaħħu l-għaqda. Jalla l-Mulej jgħinna f’dil-mixja.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Joe Huber.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.