Il-Papa f’Santa Marta: Ġesu jistedinna għall-ikla tas-saltna


It-Tlieta, 6 ta’ November 2018: Spiss nimmaġinaw is-Saltna t’Alla bħala ikla. Ġesù jistedinna nagħmlu festa miegħu, imma kemm drabi nsibu skużi biex nirrifjutaw l-istedina tiegħu? Imma Ġesu hu twajjeb ħafna u ġust ukoll.

Is-silta tal-Vanġelu tal-lum hi meħuda mill-kapitlu erbatax ta’ San Luqa. Kollha mibnija fuq ikla organizzata minn wieħed kap tal-fariżej li stieden għaliha wkoll lil Ġesù. Dis-silta tkompli ma’ dik li qrajna fil-Vanġelu tal-bieraħ, osserva l-Papa.

Ġesù kien fejjaq wieħed raġel u nduna li ħafna mill-mistednin bdew ifittxu l-ewwel postijiet. Għalhekk irrikmanda lill-fariżew biex għall-pranzu jistieden lil tal-aħħar, lil min ma jkunx jista’ jroddlu lura l-istedina.

F’waqt minnhom waqt il-pranzu, il-punt minn fejn tibda’ s-silta tal-lum, wieħed minn tal-mejda jistqarr: Imberkin dawk li jieħdu sehem fl-ikla tas-Saltna t’Alla! Hija s-silta tar-rifjut doppju, osserva Franġisku. Għalhekk Ġesù jirrakkonta l-istorja tar-raġel li għamel ikla kbira u bagħat ħafna inviti. Il-qaddejja jgħidu lill-mistednin: Ejjew, kollox lest! Imma lkoll jibdew iġibu l-iskużi biex ma jmorrux min għax xtara għalqa, min għax xtara l-barrin, min għax għadu kif iżżewweġ. U skużi biss. Li tiskuża ruħek hu mod edukat biex tgħid: “Le, marridx, b’mod edukat!

Allura s-sid jibgħat lill-qaddejja jsejħu ‘l-foqra, lill-morda, lill-magħtubin, liz-zopop, lill-għomja, u dawn jiġu għall-festa. Is-silta tal-Vanġelu, afferma Franġisku, tintemm bit-tieni rifjut, imma did-darba minn fomm Ġesù. Lil min jirrifjutah, Ġesù jistennih, itih it-tieni opportunità, forsi wkol it-tielet, ir-raba’, il-ħames… Imma fl-aħħar jkun Hu li jirrifjuta.

Dan għandu jħassibna għax xi drabi Ġesù jsejħilna biex nagħmlu festa miegħu, biex inkunu qribu, biex nibdlu ħajjitna. Naħsbu ftit: Hu jsejjaħ lill-aktar ħbieb intimi u huma jirrifjutaw! Imbagħad ifittex lill-foqra u dawn imorru.. forsi xi ħadd minnhom irrifjuta wkoll. Kemm drabi nisimgħu s-sejħa ta’ Ġesù biex immorru għandu, biex nagħmlu opra ta’ karità, biex nitolbu, biex niltaqgħu miegħu u aħna ngħidulu: Skużani, Mulej, għandi x’nagħmel, m’għandix ħin. Għada niġi… U Ġesù jibqa’ hemmhekk, jistenna.

Kemm drabi aħna wkoll nitolbu lil Ġesù jiskużana meta Hu jistedinna biex niltaqgħu flimkien, biex nitkellmu u nagħmlu xi diskursata. Aħna wkoll nirrifjutaw l-istedina ta’ Ġesù. Naħsbu ftit dwarna nfusna: kemm drabi ġarrabt l-ispirazzjoni tal-Ispirtu s-Santu biex nagħmel opra ta’ karita, niltaqa’ ma’ Ġesù f’dik l-opra li nagħmel, biex immur nitlob, biex nibdel ħajti, biex nara fejn minix sejjer tajjeb? U dejjem sibt skuża, raġuni biex nirrifjuta.

Franġisku ssokta jgħid li fl-aħħar mill-aħħar, fis-Saltna t’Alla jidħol kull min ma jirrifjutax lil Ġesù u min ma jkunx miċħud minnu. U lil min jaħseb li Ġesù huwa tant tajjeb li fl-aħħar jaħfer kollox, il-Papa wissih: minnu li hu ħanin, imma huwa ġust. U jekk inti ssakkar il-bieb ta’ qalbek minn ġewwa, Hu ma jkunx jista’ jiftaħ, għax jirrispetta dak li għandna f’qalbna. U ħadd minna, fil-ħin li jirrifjuta lil Ġesù, ma tiġih f’moħħu li lil Ġesù qed isakkarlu l-bieb minn ġewwa.

Iżda hemm element ieħor li ġibed l-attenzjoni dwaru l-Papa Bergoglio: min ħallas għall-ikla? Ħallas għaliha Ġesù. Fl-ewwel qari, l-Appostlu Pawlu jurina l-kont ta’ din il-festa meta jgħid li Ġesù tneżża’ minn kollox u ħa s-sura ta’ lsir, ċekken lilu nnifsu sal-mewt fuq is-salib.

Bil-ħajja tiegħu, temm jgħid il-Papa, Ġesù ħallas għall-festa. U jien ngħidlu: ma nistax! Jalla l-Mulej itina l-grazzja li nifhmu dan il-misteru ta’ ebusija tal-qalb, tar-ras iebsa, ta’ rifjut u jtina wkoll il-grazzja li nibku.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Joe Huber.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.