Il-Papa f’Santa Marta: L-indifferenza hija l-maqlub tal-imħabba


Alla jagħmel l-ewwel pass u jħobb lill-umanità li ma tafx tħobb, għax jagħder u jħenn, filwaqt li aħna, anki jekk aħna tajbin, ħafna drabi ma nifhmux il-ħtiġijiet tal-oħrajn u nibqgħu indifferenti forsi għax l-imħabba t’Alla ma daħlitx fi qlubna.

Fl-omelija li għamel illum it-Tlieta 8 ta’ Jannar, fil-kappella tad-Dar Santa Marta, fil-quddiesa li hu ddedika lill-arċisqof Giorgio Zur, li kien joqgħod fl-istess dar u li miet mal-lejl li għadda, il-Qdusija Tiegħu ħa spunt mil-liturġija tal-ġurnata, mill-eżortazzjoni għall-imħabba li naqraw fl-ewwel qari meħud mill-ittra ta’ San Ġwann Appostlu u mill-Vanġelu li jirrakkonta l-miraklu tat-tkattir tal-ħobż u l-ħut.

Inħobbu lil xulxin għax l-imħabba ġejja minn Alla. L-Appostlu, spjega l-Papa, jurina kif l-imħabba t’Alla dehret fina. Alla bagħat lill-Ibnu l-waħdieni fid-dinja biex itina s-salvazzjoni permezz tiegħu. Dan hu l-misteru tal-imħabba, kien Alla li ħabbna l-ewwel. Hu għamel l-ewwel pass lejn l-umanità li ma tafx tħobb, li teħtieġ it-tħaddin ta’ Alla biex tħobb, għandha bżonn ix-xhieda ta’ Alla. U l-ewwel pass ta’ Alla kien Ibnu li Hu bagħtu biex isalvana u jagħti sens lill-ħajja, biex iġeddidna, biex joħloqna mill-ġdid.

Il-Papa għadda biex jirrifletti fuq il-Vanġelu tat-tkattir tal-ħobż u l-ħut. Għaliex għamel dan, Alla?, staqsa l-Papa. Minħabba l-ħniena li ġietu mill-folla kbira li ra meta niżel mid-dgħajsa fuq ix-xatt ta’ Tiberija, għax kienu qieshom nagħaġ mingħajr ragħaj.

Il-qalb ta’ Alla, il-qalb ta’ Ġesù, tħassrithom u ma setgħetx tibqa’ indifferenti. L-imħabba hi nkwieta, ma tittollerax l-indifferenza. L-imħabba tagħder. Imma li tagħder ifisser li inti tirriskja qalbek. Tirriskja għall-oħrajn: din hi l-imħabba.

Il-Papa kompla jgħid li f’dix-xena Ġesù jgħallem ħafna ħwejjeġ lin-nies u fl-aħħar, id-dixxipli ddejqu għax Ġesù kien itenni l-istess affarijiet. U filwaqt li Ġesù kien jgħallem bl-imħabba u l-ħniena, forsi qabdu jitkellmu bejniethom. Imbagħad ħarsu lejn l-arloġġ u ndunaw li kien sar ħafna ħin…

San Mark ikompli jgħidilna li l-post kien imwarrab u kien sar il-ħin: ibgħathom fil-villaġġi tal-madwar biex isibu x’jieklu. Fi kliem ieħor riedu jgħidu: ħa jaħsbu għal rashom u jixtru l-ħobż huma. Imma nistgħu nkunu żguri – ikkummenta l-Papa – li huma kienu jafu li kellhom il-ħobż għalihom u riedu jħarsuh: din hija l-indifferenza. Id-dixxipli ma kellhomx interess fin-nies, imma f’Ġesù għax kienu jħobbuh. Ma kienux ħżiena, kienu indifferenti. Ma kienux jafu xi jfissr li tħobb, ma kienux jafu xi jfisser li tagħder. Ma kienux jafu x’inhi l-indifferenza. Kellhom jidinbu, jittradixxu lill-Imgħallem, biex jifhmu l-essenza tal-mogħdrija u tal-ħniena.

It-tweġiba ta’ Ġesù taqta’ fil-laħam il-ħaj: Agħtuhom intom x’jieklu. Hudhom fuq spallejk. Din hi t-taqbida bejn il-ħniena ta’ Ġesù u l-indifferenza li qatt ma għebet mill-istorja. Hemm tant nies twajba li ma jifhmux il-ħtiġijiet tal-oħrajn, m’għandhomx ħila jagħdru. Huma nies twajba li forsi fi qlubhom ma daħlitx l-imħabba t’Alla, jew inkella ma ħallewhiex tidħol.

F’dal-punt il-Papa Franġisku ddeskriva ritratt li jinsab fl-Elemożinerija Appostolika: ritratt li ħa fotografu Ruman tajjeb u li offrieh lill-Elemożinerija, Daniele Garofno li llum hu fotografu tal-Osservatore Romano. Ir-ritratt ħadu hu u ġej lura flimkien mal-Kardinal Krajewski wara li qassmu l-ikel lin-nies bla dar.

Lejl xitwi, li jidher mill-ilbies tan-nies ħerġin minnn ristorant. Kollha mgeddsin sew u sodisfatti bl-ikel u l-kumpanija. Hemmhekk kien hemm raġel mixħut fuq mal-art li ħareġ idu biex jitlob il-karità. Il-fotografu qabad eżatt il-mument li fih dawn in-nies dawwru wiċċhom in-naħa l-oħra biex ma jħarsux lejh. Din hi l-kultura tal-indifferenza, ikkummenta Franġisku. Dan għamlu l-Appostli: ibagħthom jiġru fil-kampanja, fid-dlam, bil-ġuħ, ħa jirranġaw huma, il-problema hi tagħhom, għalina hemm biżżejjed: ħames ħobżiet u żewġ ħutiet.

L-imħabba t’Alla tiġi dejjem qabel, tenna l-Papa Franġisku, hija mħabba ta’ mogħdrija. Hu minnu li l-oppost tal-imħabba hi l-mibgħeda, imma ħafna nies dil-mibgħeda mhumiex konxji tagħha.

Il-maqlub tal-imħabba t’Alla, tal-ħniena tiegħu, fil-ħajja ta’ kuljum hi l-indifferenza. Jien sodisfatt, ma jonqosni xejn, kollox ċert f’ħajti… u l-eternità wkoll għax immr il-quddies kull nhar ta’ Ħadd u jien nisrani tajjeb.
Imma meta noħroġ mir-ristorant inħares in-naħa l-oħra. Naħsbu ftit, issokta l-Papa

Bergoglio: dan Alla jagħmel l-ewwel pass, mimli mogħdrija, mimli ħniena u ħafna drabi l-atteġġjament tagħna hu l-indifferenza.

Nitolbu lill-Mulej, temm jgħid il-Qdusija Tiegħu, biex ifejjaq lill-umanità, ibda minna, sabiex qalbna tfiq minn dil-marda tal-kultura tal-indifferenza.

Fi tmiem l-omelija l-Papa sellem lil Kiko Arguello, il-fundatur tal-Mixja Neokatekumenali, f’għeluq it-tmenin sena tiegħu u raddlu ħajr għaż-żelu appostoliku li bih jaħdem fil-Knisja.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Joe Huber.