L-Isqof Mario Grech f’Jum il-Morda fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħadd, 17 ta’ Frar 2019: Omelija tal-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, f’Jum il-Morda fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.

“HENJIN INTOM IL-MORDA”

Min jitwieled b’kuċċarina tal-fidda f’ħalqu normalment mhux biss ma japprezzax kemm ikunu batew l-antenati tiegħu biex illum huwa għandu l-ġid, imma spiss jiġri li jitla’ mħajjem u ma jħossx li għandu jistinka biex itejjeb is-sitwazzjoni tiegħu. Min għandu geddumu fix-xgħir x’aktarx jaħseb li ma għandu bżonn ħadd. Peress li jkun igawdi minn ċerta awtonomija u sigurtà materjali, faċli jkun ittentat li jiġi jaqa’ u jqum minn ħaddieħor.

Huwa f’dan is-sens li fil-Vanġelu (Lq 6:17,20-26) Ġesù jgħid: “Ħażin għalikom intom l-għonja… ħażin għalikom intom li għalissa mxebbgħin… ħażin għalikom intom li għalissa tidħku”. Ġesù jesprimi dan it-tħassib għax ħafna drabi meta l-bniedem iħossu “mimli” u “komplut”, jispiċċa vittma ta’ illużjoni, għax jekk ma joqgħodx attent u ma jżommx riġlejh mal-art, jaf jasal żmien meta kulma jkollu jsirlu suf u jsib ruħu fixxa. Fl-istorja kien hemm diversi bnedmin li għaddew minn dawn il-kriżijiet – filli kienu jieklu fil-platt tal-fidda u filli sabu ruħhom iħabbtu fuq xi bieb jittallbu x’jieklu! Mhux darba u tnejn kien hemm min l-ewwel il-ħajja daħkitlu, imma mbagħad bikkietu.

Inħoss li l-agħar konsegwenza ta’ din il-kultura affluwenti li ħakmitna hija li llum il-ġid tant tkattar li l-bniedem iċċanta lil Alla! Meta llum inħkimna mill-impressjoni li sibna s-soluzzjoni ta’ kollox u li bil-flus u t-teknoloġija nistgħu nagħmlu l-mirakli, naħsbu li nistgħu ngħaddu mingħajr Alla. Mhux lakemm li f’soċjetà tal-benessri bħal tagħna niftakru f’Alla. Fil-fatt, għandna ħin għal kollox barra għal Alla. Imma jibqa’ l-fatt li aktar ma nifgaw fina nfusna din ix-xewqa għat-traxxendent (għal Alla), inqas inħossuna sodisfatti.

Proprju għalhekk Ġesù jgħid: “Henjin intom il-foqra, għax tagħkom hija s-Saltna ta’ Alla. Henjin intom li għalissa bil-ġuħ, għax tkunu mxebbgħin. Henjin intom li għalissa tibku, għax għad tithennew…”. Ġesù joħroġ b’dawn l-espressjonijiet mhux għax fihom infushom il-faqar, il-ġuħ u l-biki huma xi ħaġa pożittiva, imma għaliex huwa meta l-bniedem isib ruħu f’dawn is-sitwazzjonijiet illi jiġi f’kuntatt mar-realtà tal-ħajja! Fil-ħajja l-miżerja (fis-sens wiesa’ tal-kelma) qisha labra li tifqa’ l-bużżieqa tal-kburija u tas-suppervja. Meta l-bniedem isib ruħu f’qagħda miżera, jintebaħ li min-natura tiegħu huwa ma jistax jgħix jekk mhux f’relazzjoni ma’ ħaddieħor, partikularment f’relazzjoni ma’ Alla. Fil-fatt, il-miżerja taf tkun it-tieqa li minnha Alla jidħol fl-istorja tagħna l-bnedmin.

Għalkemm il-miżerja hija esperjenza negattiva, taf tkun l-ixprun biex il-bniedem isib il-motivazzjoni u l-qawwa biex juża l-enerġija tiegħu ħalli jqum u joħroġ minn dik il-qagħda. Fil-fatt, meta l-bniedem ikun konxju li għadu mhux komplut jew li għadu mhux perfett, dan jgħinu jiskopri li hemm possibbiltà li jista’ jikber u jistagħna. Jekk f’ċertu sens in-nuqqas ta’ xi ħaġa jaf ikun kawża li tnikket lill-bniedem, l-istess dgħufija tista’ tinbidel f’raġuni biex il-bniedem jagħmel passejn ’il quddiem.

Dan jgħodd ukoll fil-ħajja spiritwali. Min jidhirlu li “wasal” fil-perfezzjoni Nisranija jew li jaf kollox f’dak li għandu x’jaqsam mas-sejħa Kristjana (u minn dawn għandna ħafna!), mhux lakemm ser jagħmel pass ’il quddiem; imma meta naċċettaw li aħna spiritwalment imperfetti u li d-dnub huwa parti mill-istorja tagħna, allura nsibu motiv biex nigganċjaw ma’ Ġesù!

Meta llum qegħdin niċċelebraw Jum il-Morda, insellem lit-tobba, l-infermiera u l-istaff kollu tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex. Intom għandkom missjoni delikatissma li tpoġġikom qrib il-marid. Il-ħidma tagħkom tant hija sensittiva li lanqas jekk titħallsu bid-deheb ma tkunu rimunerati biżżejjed. Fix-xogħol tagħkom ma tistgħux ma tittrattawx lill-marid bl-ingwanti – mhux tant biex tħarsu saħħitkom, imma għax meta jintlaqat mill-miżerja tal-mard il-bniedem ikun f’qagħda partikulari għalkollox.

F’ċertu sens, f’din ir-rikorrenza, nistgħu nisimgħu lil Ġesù jgħid: “Henjin il-morda…” – mhux għax il-mard huwa xi ħaġa tajba, imma għax il-mard jaf ikun opportunità tajba għalina.

L-ewwel nett il-marid ikun anzjuż biex jerġa’ jikseb saħħtu. L-istess marda kapaċi ġġibna f’sensina, għax meta nkunu narmu s-saħħa naħsbu li ħadd ma jista’ għalina; imma mbagħad, hekk kif jigdimna dudu, nibdew naqtgħu qalbna u nintebħu kemm ħajjitna hija mdendla fuq ħajta – niskopru li aħna għandna l-limitazzjonijiet tagħna.

Imma mbagħad il-miżerja tal-mard taf tkun it-tieqa li minnha Alla jidħol fl-istorja tagħna l-bnedmin. Dan jgħodd b’mod partikulari meta jkun hemm mard terminali u l-marid ikun qed jintefa bħal xemgħa. Il-marid għandu dritt ikun jaf li jkun riesaq lejn din is-siegħa definittiva ta’ ħajtu; xi drabi jintebaħ waħdu, imma drabi oħra l-affarijiet ma jkunux daqshekk evidenti, imma jista’ jmur għall-agħar f’ħakka t’għajn. Intenni li huwa dritt tal-marid li jkun mgħarraf li jiemu huma magħduda. Mhux sew li naħbulu. Mhux veru sinjal ta’ rispett meta l-istess familjari jagħżlu li jżommu lill-moribond fid-dlam u għalhekk jeliminaw kull sinjal li jista’ jwassal lill-pazjent jinduna li jinsab f’qagħda kritika. (Dan, ngħidu aħna, jiġri meta ma jkunux iridu li l-marid jirċievi s-Sagrament tad-Dilka tal-Morda, jew meta jinsistu mas-saċerdot biex fit-talb li jgħid mal-marid iwarrab kull referenza li tista’ tikxef li jkun qed joqrob, jew meta jitolbu lis-saċerdot biex ma jilbisx stola vjola…). Il-marid gravament għandu dritt li jħejji ruħu sewwa għal xħin jiġi wiċċ imb wiċċ mal-Ħallieq u l-Feddej tiegħu.

Imma l-istess miżerja tal-mard taf tkun dak l-ispazju miftuħ għal Alla fil-ħajja tagħna. Il-punt l-aktar dgħajjef tagħna jaf jinbidel f’punt li jagħmilna qawwija. Għax meta nagħmlu esperjenza tax-xejn tagħna, kapaċi l-għamad jaqa’ minn fuq għajnejna u naraw lil Alla. Hekk ġralhom diversi qaddisin, fosthom Sant’Injazju ta’ Loyola. Il-mard għandu qawwa li jipprovoka fil-bniedem il-mistoqsija dwar Alla. Il-marid jistenna minna li nkunu ħdejn is-sodda u li ngħinuh isib it-tweġiba. Dan ma nagħmluhx b’ħafna kliem, imma bil-kura kollha mħabba u bit-tbissima. Hieni dak il-marid li fil-mard tiegħu (jista’ jkun daħal għal ġurnata fid-Day Ward!) ikun iltaqa’ ma’ Alla.

Inħossni grat ħafna lejn l-istaff kollu tal-Isptar Ġenerali tagħna, u f’din is-Sena Marjana nitlob lill-Madonna tieqaf magħkom biex f’qalbkom ikollkom riżorsa ta’ mħabba u tjubija kbira li tabilitakom biex tgħinu lill-marid ifiq fiżikament u spiritwalment. Henjin intom, tobba, infermiera u staff tal-Isptar, li b’dedikazzjoni u sagrifiċċju qed tieqfu mal-morda tagħna, għax ħlaskom ikun kbir fis-Sema.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading