Lectio Divina tat-3 Ħadd tal-Għid. Sena “Ċ”

Print Friendly, PDF & Email

Vanġelu (Ġw 21, 1-19): Il-ġrajja tal-lum seħħet f’Tabga (minn Eptapegon=7 għejjun tal-ilma), fejn il-baħar ta’ Tiberija. Importanti li ma niqfux biss fuq il-fatti storiċi imma li nieħdu t-tagħlim li dawn ituna. E.g. (i) Għaliex id-dixxipli qishom raw l-Irxoxt l-ewwel darba? (b) Għax skantaw bil-qabda tal-ħut? (ċ) Għaliex Pietru u sħabu reġgħu lura ‘l Galilija jistadu wara li raw lil Ġesu rxoxt, qishom insew it-tliet snin li għaddew? It-tweġibiet jiħtieġ infittxuhom fil-fond u fid-dawl tal-lingwaġġ Bibliku.

  1. “Ġesu reġa’ wera ruħu lid-dixxipli.” Ġa rawh nhar il-Qawmien u ġimgħa wara meta kien hemm Tumas. Dan ta bidu biex l-Insara jiltaqgħu ma’ Kristu Rxoxt kull nhar ta’ Ħadd u biex jaqsmu l-Ħobż bejniethom. Illum naraw li Ġesu ma deherx il-Ħadd u l-anqas f’kamra (simbolu ta’ Knisja) imma fuq il-baħar, waqt ix-xogħol tagħhom ta’ sajjieda. Il-messaġġ hu li Kristu Rxoxt irid jiltaqa’ magħna fost il-ġimgħa wkoll, id-dar u fuq ix-xogħol. Ġwanni jsejjaħ l-Għadira ta’ Tiberija baħar għax dan, fil-moħħ semitiku, iqanqal immaġini ta’ xogħol iebes, diffikultajiet u riskju ta’ xi għarqa. Dan hu xebħ ta’ kemm id-dixxipli se jkollhom jaqdfu kontra l-kurrent biex iwasslu l-messaġġ ta’ Kristu.  Tiġbed il-ħut mill-ħalel tal-baħar għal fuq id-dgħajsa  jfisser issalva n-nies mill-vizzji li jkunu qed jgħarrquhom, u ddaħalhom lura fil-Komunita’. Din l-Għadira qabel kien jisimha “tal-Galilija” imma Erodi semmiha għal Tiberju biex jilgħaq lir-Rumani. Ġwanni jagħżel dan l-isem biex juri kemm kienet kbira l-influwenza pagana f’dawk l-inħawi.  Anki llum ngħixu f’baħar ta’ paganiżmu. Għalhekk aħna d-dixxipli tal-lum imsejħin biex ma naqtgħux qalbna u nkomplu nevanġelizzaw il-Ħadd u fost il-ġimgħa, fil-Knisja, d-dar u fuq il-post tax-xogħol, spalla ma’ spalla ma’ Kristu Rxoxt.
  2. Ġesu “dehrilhom hekk.” Mhux huma lemħuh imma Hu deher lilhom. Id-dixxipli kienu l-ewwel membri tal-Knisja Nisranija. Pietru kien dak li sabha iebsa biex jaċċetta l-ideja tal-bniedem li jirnexxi skont il-kriterji ta’ Ġesu, i.e. li jagħti ħajtu bħala rigal għall-oħrajn. Tumas (tewmi ma’ kull min jagħmel bħalu) sabha iebsa jgħix f’komunita’ u biex jemmen, għax ried provi xjentifiċi. Natanjel “taħt it-tina” jfisser li kien jistenna dik il-paċi mħabbra mill-profeti. Hekk, b’qalbu safja, kif iltaqa’ ma’ Kristu, emmen. Ġwanni u Ġakbu kienu l-fanatiċi li jaħsbu li huma biss jistgħu jagħmlu l-ġid. Moħħhom biex jitolbu n-nar jaqa’ fuq il-midinbin. Dawn kollha huma karattri li nsibu bħalhom fil-Knisja llum. Fuq id-dgħajsa kien hemm tnejn oħra li m’għandniex isimhom. Dawk l-Insara li ma jixbhux l-ewwel ħamsa aktarx jixbhu lill-aħħar tnejn. F’did-Dgħajsa hemm post għal kulħadd, għal kull min jixtieq jipprova jwettaq id-dinja l-ġdida kif fassalha Kristu.  
  3. “Sejjer nistad.” Pietru ma jordnax, imma l-eżempju tiegħu ikaxkar l-oħrajn miegħu: “Itimgħu l-merħliet fdati f’idejkom u ndukrawhom, mhux fuq qalbkom imma b’ġenerożita’, mhux tikkmandawhom imma tkunu ta’ mudell għalihom” (1 Pietru). Issa r-rakkont  jieħu forma ta’ parabbola: L-ewwel stadu bil-lejl. Mingħajr id-dawl, “is-sajda” ma tatx frott. Il-ħidma bil-lejl issir min-nies li jsegwu l-kriterji tal-bnedmin. Il-jum Lhudi kien jibda lejliet ma’ nżul ix-xemx. Mela l-ewwel għandek lejl diżuman ta’ paganiżmu. Mas-sebħ jitfaċċa d-dawl: “Min jemmen tassew, jaf kif għandu jilqa’ dan id-dawl ta’ ‘jum ġdid’” (S. Pawl). “Ġesu kien ix-xatt, wieqaf,” għax irxoxta u għax temm il-vjaġġ Tiegħu. Imma ma jabbandunax lil min għadu jbaħħar u jitħabat għall-għixien. M’għarfuhx għax, għalkemm Hu baqa’ l-istess persuna, issa kien f’kundizzjoni differenti minn qabel.  “Uliedi, għandkom xi ħaġa tal-ikel li jikkumplimenta dak li għandi diġa’?”  Ġesu jsejħilhom ‘uliedi’ biex juri l-imħabba u l-attenzjoni li kellu għal dawn il-“ħbieb tal-Għarus.” Id-dixxiplu hu dejjem imsejjaħ biex jipprovdi “l-kontorni” għall-Ħobż Imqaddes. “Ma qbadna xejn.” Kemm-il darba jiġrilna li, minkejja l-impenn fil-ħidma pastorali, ma narawx frott. U kemm sforzi biex neqirdu l-gwerer, il-ġuħ, eċċ? Jekk dawn isiru bi kriterji umani u egoistiċi biss, ma jistgħux jirnexxu. Jiħtieġ nisimgħu il-Kelma li l-Mulej ħallielna: “Waddbu x-xibka n-naħa tal-lemin.” Il-lemin hi n-naħa t-tajba tal-bniedem. Din tgħin lid-dixxiplu joħroġ lil ħuh mill-vizzji bil-ħlewwa, bil-kelma t-tajba u bl-imħabba. Hekk jurih it-tajjeb li hemm fih. Bil-kundanni, bl-għajjat u bl-insulti ma jasal imkien.
  4. “Il-Mulej dan.” Dan id-dixxiplu bla isem hu kull min li, fost l-ilħna li jisma’ kuljum (min jgħajjat l-iktar) jaf jagħraf dak tal-Mulej. Imbagħad jindika lill-oħrajn kif jagħrfuh. “Pietru xeħet fuqu l-libsa.”  Il-verb “libes” użat hawn hu l-istess bħal meta Ġesu libes il-fardal. Pietru mela qed jgħid: “ Mhux se nirrifjuta l-fardal kif għamilt fl-Aħħar Ċena, imma issa lest biex naqdi.”  “Intefa’ l-baħar” biex jindika li jrid jibda bil-Magħmudija. Min jogħdos fl-ilma jgħarraq l-egoiżmu u l-vizzju tiegħu, u joħroġ mill-ilma liebes l-imħabba altruista u l-virtuijiet kollha: “Ilbsu lil Kristu” (Rum). Kull min jiltaqa’ ma dan id-dixxiplu eżemplari  se jagħraf lil Kristu.
  5. “Id-dixxipli l-oħra resqu bid-dgħajsa”. Għalkemm żgħira din għandha missjoni kbira, għax din hi l-Knisja li n-nies li qegħdin  f’sitwazzjoni ta’ mewt ittellagħhom għal ħajja. Waslu l-art u sabu faħam, ħut (iktus – Ġesu Kristu Iben Alla Salvatur), u ħobż (Kristu magħmul ikel għall-bnedmin). “Ġibuli l-ħut”. Pietru jġiblu ħut mid-dgħajsa. Dan ifisser li s-suċċess tal-missjoni tad-dixxipli  jseħħ meta jsalvaw l-umanita’ kollha (153=numru li juri totalita’) mit-telfien u jeħduha għand Kristu.  Is-silta tispiċċa f’kuntest Ewkaristiku: “qabad il-ħobż u newwilulhom”, għax is-suċċes li semmejna ma jistax iseħħ mingħajr l-Ewkaristija.

Sors: lachiesa.it/liturgia/omelie/padrefernandoarmellini

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading