IL-MAĦFRA TAL-GĦEDEWWA


17. It-Tlieta wara t-Tielet Ħadd tal-Għid

Kitba ta’ Angelo Xuereb

Imbagħad niżel għarkupptejh u għajjat b’leħen għoli: “Mulej, tqishulhomx dan id-dnub. U kif qal hekk, miet” (Atti 7, 60).

Dan il-vers huwa meħud mill-Atti tal-Appostli li jirrakkonta l-martirju ta’ San Stiefnu. Għalkemm huwa kien qiegħed jiġi mħaġġar inġustament u għar-raġuni biss li kien qiegħed ixandar lil Kristu, xorta waħda ħafer lill-għedewwa. Dan ma għamlux biss f’qalbu iżda billi niżel għarkupptejh u għajat karba ta’ maħfra.

Hawnhekk naraw lil San Stiefnu qiegħed jimxi fuq il-passi ta’ Kristu li minn fuq is-salib ħafer lill-għedewwa tiegħu billi qal: “Missier, aħfrilhom għax ma jafux x’inhuma jagħmlu.” (Lq 23, 34). Hekk dan il-martri, mhux biss jissieħeb ma’ Kristu fil-mewt, iżda li wasslitu għal rebħa sħiħa.

L-att ta’ San Stiefnu ma kienx wieħed ta’ dgħufija anzi ta’ kuraġġ kbir tant li jissemma fl-Iskrittura. B’dan il-mod San Stiefnu ssieħeb fil-misteru tal-Għid … mewt kiefra għal Kristu iżda li wasslitu għall-glorja.

Għandna wisq x’nitgħallmu minn dan ir-rakkont. Min jaħfer ikun jissieħeb fil-misteru tal-Għid. Veru li biex wieħed jaħfer irid ikollu ċertu kuraġġ iżda mhux talli mhu ser jitlef xejn anzi jirbaħ. Ikun jirbaħ minn din id-dinja stess billi jevita ħafna inkwiet tal-qalb u jasal fil-ħajja eterna. F’kelma waħda, ikun qiegħed imut għall-bniedem il-qadim bit-tama fi Kristu li jitwieled fi bniedem ġdid li bil-grazzja ta’ Alla jkun kapaċi jaħfer.

Dan huwa l-qofol tal-misteru tal-Għid; wieħed irid jgħaddi mit-tbatija u ċ-ċaħda mhux b’sens ta’ telf iżda f’xebh ma’ Kristu li qam rebbieħ fit-tielet jum. Għax kif Kristu wkoll ħafer lil dawk li kienu sallbuh, San Stiefnu ried jixbhu billi ħafer lil dawk li ħaġġruh għall-mewt. U aħna ma nistgħux nippretendu li nwebbsu qalbna u ma naħfrux lil min hu ħati għalina, jekk irridu nidħlu fl-istess glorja ta’ dejjem.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.