Irħam jieħu n-nifs!


L-irħam! Kemm hu sabiħ! Biżżejjed tmur naqra sal-Kon-Katidral ta’ San Ġwann u aqta’ kemm titgħaxxaq, biex ma ngħidx, togħxa bl-irħamijiet li hemm! Biċċa rħama isbaħ minn oħra! U irħam ta’ kull lewn. Imma l-irħam jieħu n-nifs?

Tajba din dalgħodu! L-irħam jieħu n-nifs? Safejn naf jien l-ebda ġebla ma tieħu n-nifs. Ara kemm hawn ġebel f’pajjiżna jew konkrit. Qatt ma naf li xi ħadd minnhom ma ħareġ in-nifs minn fommu u fommha! Jekk dejjem għandhom fomm! Imma ħej meta dawn il-ħwejjeġ jiġu mxebbħa mal-bniedem allura stenna minn kollox. Dan l-għaliex, il-bniedem, huwa misteru. Mhux biss fis-sens li ġie maħluq mill-Mulej. Allura mit-tjubija u l-qdusija. Ejjew ma ninsewx li l-unika qdusija u tjubija Hu. L-għaliex Hu waħdu hu l-awtur ta’ dak li hu tajjeb u qaddis.

Il-bniedem miġnun! Għax irrid ikun spisjat li, bħala bniedem, nagħżel il-ħażin mit-tajjeb. Irrid inkun bla raġuni biex nagħżel li nimxi ma’ dak li nħoss fil-mument biex imbagħad insib lili nnifsi ġo sqaq. Issa din jaħasra mhix kwistjoni ta’ skola tafux! Hawn Dutturi bil-PH.D’s u anki bil-Masters li huma dutturi u Masters ta’ kollox għajr ta’ dak li jħossu. Dan l-għaliex dak li jħossu jagħmluh. Jeżiżtu dutturi bil-PH.D’s u anki bil-Masters li, biex jiddenfendu “unurhom”, jibqgħu mwaħħla ma’ deċiżjonijiet żbaljati li jkunu ħadu. Meta kienu bihom. Bil-buri! Imbagħad, għal ġieħna, ma jkollhomx il-gazz li jibdluhom. Li ma jmurx ta’ madwarhom jaħsbuhom li m’humiex tough. Jagħmlu minn kollox biex jagħtu l-impressjoni li dak li jgħidu jagħmluh. Li m’humiex pinnuri. U, mal-lista ta’ dawn, inżid, l-ewwel u qabel kollox lili nnifsi tafux!

Imma, ngħid jien, pinnur l-għaliex intbaħt li jien qiegħed fil-ħażin u dort lura? Pinnur l-għaliex, b’umiltà li żgur ġejja mill-Mulej, jiena għamilt deċiżjoni li ndur lejn is-sewwa? Wara kollox x’inhu l-importanti f’ħajti ħbieb? Kif nidher quddiem sħabi? Kif nidher quddiem dawk li jafuni? Jew kif nidher quddiem il-Mulej? Li, minn imġiebti bħalissa, jien stess dħalt f’mixja jekk irridx li noqgħod miegħu jew inkella ‘il bogħod minnu għall-eternità?

Issa l-irħam, f’dan kollu, fejn jidħol? Iva! Hawn persuni li donnhom saru irħam għall-persuni oħra. Fil-ħajja, jiżbalja kulħadd. Jien l-ewwel wieħed. Għalhekk ilkoll, u nibda’ minni nnifsi l-ewwel, għandu għalfejn iħabbat fuq sidru u sidirha l-għaliex żbalja u żbaljat. Xi kultant ċertu żbalji jsiru minħabba l-qalb ħanina li jkollha persuna. Daqskemm tkun trid tħobb. Imbagħad x’jiġri? Jidħol dak ta’ denbu twil, (li għalih hemm is-soluzzjoni tad-deheb li nitolbu t-talba tal-barbeque, jiġifieri t-talba ta’ San Mikiel Arkanġlu, ħa jħallina bi kwietna, jrid jew ma jridx) u aqta’ kemm jibda’ ikabbar l-istorja fl-imħuħ!

U ġieli jirnexxielu. Mhux l-għaliex hu aqwa mill-Mulej tafux! Jew anki minna meta nkunu ħaġa waħda ma’ Ġesù! Le ħbieb! Imma, l-għaliex aħna niftħulu! Nibdew inħalluh jinseġ f’moħħna ħafna idejat kontra dawk u l-oħrajn. Nibdew inħalluh ideffsilna f’moħħna u f’qalbna stejjer u idejat kontra n-nies li jaħasra, meta nkunu nafu tassew qalbhom, aqta’ kemm ikunu ħabbewna! U kemm iħobbuna! U aħna, l-għaliex boloħ, nibdew inħalluh ifesfilna dawn l-idejat infernali tiegħu.

It-tattika ta’ denbu twil ma nbidlitx ħbieb! It-tixwix tiegħu baqa’ l-istess. Ma rridux xi għerf kbir biex nintebħu li baqa’ ma tbiddilx mill-ktieb tal-Ġenesi tallum. Baqa’ ixewwex. Iħarref. Jaqla’ l-istejjer. Ijassar lin-nies b’raġunamenti li ma jeżiżtux. Għax baqa’ jagħfas il-korda tal-biża’. Baqa’ jilgħabilna ma’ moħħna billi jitfagħlna d-dubju. Baqa’ ifesfilna f’moħħna li l-Mulej telaqna. U baqa’ jurina li l-bnedmin ħutna, li huma differenti minna, huma mostri u mhux ħutna!

Dawn l-elementi moqżieża, l-għaliex ma tistax ma issejħilhomx hekk, huma ilkoll misjuba fil-kumment li ta’ denbu twil, is-serp, bihom mela ras Eva. Isimgħu dan id-djalogu u araw ftit jekk intom, bħali, tiġux attakkati fuq nies oħra b’dan il-mod.

U s-serp kien l-aktar wieħed li jilħaqlu fost l-annimali selvaġġi kollha, li kien għamel il-Mulej Alla. U qal lill-mara: “Tassew li Alla qalilkom: ‘La tiklux mis-siġar kollha tal-ġnien’?” U l-mara wieġbet lis-serp: “Mill-frott tas-siġar fil-ġnien nistgħu nieklu. Imma mill-frott li hemm f’nofs il-ġnien, Alla qalilna: ‘La tiklux minnu, u lanqas ma għandkom tmissuh, inkella tmutu.’” U s-serp qal lill-mara: “Le, żgur ma tmutux. Imma Alla jaf li dak in-nhar li tieklu minnu jinfetħu għajnejkom u ssiru bħal allat, li jafu t-tajjeb u l-ħażin” (Ġen 3:1-5).

Is-serp żera’ id-dubju. Għax il-mara bdiet titħaddet miegħu. U mas-serp, ma ta’ denbu twil, ma tagħmilx konverżazzjonijiet! Il-mara qaltu x’qalilhom il-Mulej. U s-serp waqqa’ il-kelma tal-Mulej bir-raġunamenti infernali ta’ moħħu. L-għaliex kien l-aktar wieħed li jilħaqlu fost l-annimali selvaġġi kollha (Ġen 3:1). Jgħid lil mara eżattament bil-kontra ta’ dak li qalilha l-Mulej Alla li kien għamel (Gen 3:1) lilu, lis-serp. U jippreżentala gidba fuq platt tad-deheb: Imma Alla jaf li dak in-nhar li tieklu minnu jinfetħu għajnejkom u ssiru bħal allat, li jafu t-tajjeb u l-ħażin (Gen 3:5). Kemm hu giddieb! U mela s-serp jista’ qatt ikun jaf bil-pjan tal-Mulej x’kull waħda tnejn! Mela jagħti lil mara “soluzzjoni” li ma teżiżtix!

Issa, għidli ftit, jekk int u jien ninfetħu għall-gideb infernali ta’ dan is-serp misħut, jiġifieri tax-xitan, nimtlewx bir-rabja tal-infern għall-persuni oħra? Kliemu kontriehom jxewwek. Tant li nibdew narawhom mostri u mhux bnedmin! U nafu nidħaru għalihom bil-pulit! Biċ-ċertifikati jew mingħajrhom! U quddiemhom insiru tal-irħam! Ma nkellmuhomx! Qishom ma jeżiżtux! U meta jiġrilna hekk xi jkun qed iseħħ fina?

Is-serp idaħħlilna d-dubju. Tgħid dak jew dik irid jew trid tagħmilli l-ħsara? Imbagħad, is-serp, jibda’ jilgħab ma’ moħħna. U int, meta tarah jew taraha, tkellimux. Tkellimhiex. L-aqwa li ma tobgħodux! U tobgħodhiex! U wara li jdaħħlilna din il-gidba s-serp iserħilna rasna. Int trid tipproteġi lilek innifsek hux! Inkella jagħmluk tapit! U mbagħad, biex ikompli jżejnilna aktar l-istorja, is-serp jgħidilna: U mbagħad aqta’ kemm tħossok ferħan u ferħana meta lil dak jew lil dik ma tkellmux u ma tkellimhiex!

Żinn! Ħares lejn wiċċi ħi ħa tara kemm jien ferħan u ferħana! Jien li jien irħama quddiemek nieħu n-nifs! Għax ngħaddi minn ħdejk u ma nkellmikx! U mela l-Mulej ħalaqli wiċċi biex ikun tal-irħam? Mela l-Mulej ħalaqli wiċċi biex jitqarras u jimtela’ bl-imrar tal-mibegħda pulita taċ-“ċertifikati”? Kemm hu ikrah għeżież dan l-ispirtu ħażin tal-mibegħda “illawrjata”! Kemm qed ijassar nies li, mingħalihom, jafu ħafna imma ma jafu xejn! L-għaliex iħallu lix-xitan jilgħab bihom u jitfagħhom fil-mibegħda! Għax jagħmilhom irħam jieħdu n-nifs meta jkunu jew jiltaqgħu ma’ ċertu persuni!

Jekk għandi xi ngħid ma’ xi ħadd ħa nitħaddet miegħu u magħha u hekk nikxef lix-xitan ħalli nerġgħu nsiru ħbieb. Fil-ħajja jiżbalja kulħadd. Imma ejja, f’ġieħ il-ħniena li l-Mulej jurina l-ħin kollu, nibdew nuruha lil xulxin. Ħa niftakru sewwa x’qalilna Ġesù: Għax jekk intom taħfru lill-bnedmin il-ħtijiet tagħhom, Missierkom li hu fis-smewwiet jaħfer lilkom ukoll. Imma jekk intom ma taħfrux lill-bnedmin il-ħtijiet tagħhom, anqas Missierkom ma jaħfer lilkom il-ħtijiet tagħkom (Mt 6 :14-15).

Ejjew naħfru! Għax min jaħfer se jidħol hemm fuq! U mhux min hu illawrjat jew illawrjata! L-irħam qiegħed hemm biex iżejjen lil djarna u l-knejjes tagħna imma mhux biex jitpoġġa fuq uċuħna u qalbna. Jekk għandna konflitt nitkellmuh bħall-aħwa. Imma ejjew inwaqqfu din il-mibegħda fina fina u pulita pulita tax-xitan li qed iġġibna irħam nieħdu n-nifs!

Patri Mario Attard OFM Cap