Tberik tat-Tarbija fil-Ġuf


Nhar il-Ħadd 30 ta’ Ġunju 2019 filgħodu, fis-Santwarju Ta’ Pinu, Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, mexxa quddiesa li fiha sar ir-Rit tat-Tberik tat-Tarbija fil-Ġuf, li ġiet organizzata minn Dar Ġużeppa Debono. Fi tmiem il-quddiesa, dawk il-familji li qed jistennew tarbija daħlu fil-Kappella tal-Madonna biex jafdawlha l-ħajja ġdida li qed tikber fil-ġuf u, skont ix-xewqa li l-Omm tas-Sema stess qasmet ma’ Karmni Grima, talbuha flimkien tliet Avemarijiet.

Tberik-tat-Tarbija-Flyer_June.jpg

Fl-omelija Mons Grech qal li soċjetà li hija xħiħa mal-ħajja umana ma għandhiex futur għalhekk soċjetà li tħares lejn il-futur hija soċjetà li tiċċelebra l-ħajja – soċjetà li fir-rispett tal-prinċipji etiċi tgħin u twieżen lil dawk il-koppji ġenerużi li jridu jikkoperaw mal-Ħallieq biex titnissel il-ħajja.

Il-ħajja hija don ta’ Alla u aħna fid-dmir li nħarsuha sa mill-mument tat-tnissil u daqskemm huwa nuqqas serju meta ssir vjolenza fuq persuna adulta, daqshekk ieħor huwa gravi meta tiġi mmanipulata l-ħajja fil-ġuf. Ebda raġuni ma tiġġustifika li ssir selezzjoni bejn embrijun “perfett” u ieħor “mhux perfett”.

L-Isqof t’Għawdex semma wkoll il-familji li huma eżemplari fl-għożża li juru ma’ wliedhom diżabbli u żied jgħid li tagħmel sewwa ħafna l-komunità li tieqaf ma’ dawn il-familji. Il-ħajja fil-ġuf għandha dinjità daqs il-ħajja li titwieled; anzi, il-ħajja fil-ġuf tgħajjat b’aktar qawwa għall-protezzjoni, għax hija ħajja fi stat dgħajjef.

Rapport mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija