Fil-Yemen qed jinqatlu jew jindarbu tmint itfal kuljum


Rapport tan-Nazzjonijiet Magħquda juri li aktar minn 7,500 tifel u tifla nqatlu jew indarbu fl-aħħar ħames snin u nofs minħabba l-ġlied fil-Yemen u dan juri li t-tfal qed iħallsu l-ogħla prezz minħabba din il-kriżi brutali. Fil-Yemen qed jinqatlu jew jindarbu tmint itfal kuljum u dan il-massakru għandu jieqaf.

yemen-01.jpgĦafna tfal kienu xhieda ta’ atti ta’ vjolenza tal-waħx u l-qerda tal-komunitajiet u d-djar tagħhom. Save the Children hija mħassba dwar l-impatt psikoloġiku tal-vjolenza fuq it-tfal li jixtiequ ħafna jkomplu bil-ħajja normali tagħhom iżda ma jistgħux minħabba l-kunflitt li għaddej bħalissa. Lil hinn mill-bombi, ħafna tfal qed imutu bil-ġuħ u minħabba mard.

Save the Children qed issejjaħ lill-gvernijiet internazzjonali biex jagħmlu pressjoni fuq il-partijiet fi gwerra biex iwaqqfu l-ġlied u jeħilsu l-ħajjiet tat-tfal tal-Yemen li huma maqbuda f’din il-gwerra mdemmija.

Rapport mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija