Il-Papa Franġisku f’laqa’ ma’ Putin


Il-Ħamis 4 ta’ Lulju, il-Papa Franġisku laqa’ lil Vladimir Putin f’udjenza fil-Vatikan. Din kienet is-sitt żjara tal-President Russu fil-Vatikan u t-tielet waħda mal-Papa Franġisku.

Wara l-laqgħa li damet madwar siegħa, l-Uffiċċju Stampa tas-Santa Sede ħareġ komunikat fejn intqal li l-Papa rċieva l-President tal-Federazzjoni Russa fil-Palazz Appostoliku u li wara l-President Putin iltaqa’ mas-Segretarju tal-Istat tal-Vatikan, il-Kardinal Pietro Parolin u mal-Arċisqof Paul Richard Gallagher li huwa s-Segretarju għar-Relazzjonijiet mal-Istati.

Matul id-diskussjoni kordjali ż-żewġ partijiet esprimew is-sodisfazzjon tagħhom għall-iżvilupp tar-relazzjonijiet bilaterali li komplew jissaħħew bl-iffirmar ta’ protokoll ta’ ftehim rigward kollaborazzjoni bejn l-Isptar Pedjatriku Bambino Gesù u l-isptarijiet pedjatriċi tal-Federazzjoni Russa.

Ġiet diskussa wkoll ir-rilevanza tal-Knisja Kattolika fir-Russja kif ukoll il-kwistjoni ekoloġika u bosta temi marbuta ta’ affarijiet internazzjonali fosthom is-sitwazzjoni fis-Sirja, fl-Ukrajna u l-Venezwela.

Mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija