Il-Papa sejjer l-Ġappun u t-Tajlandja


Il-Papa Franġisku finalment se jaqta’ xewqtu u jkun missjunarju għall-Ġappun kif ukoll it-Tajlandja meta se jżur dawn il-pajjiżi bejn l-20-26 ta’ Novembru.

japan.jpegIl-Papa Franġisku se jħalli Ruma fid-19 ta’ Novembru għat-Tajlandja u wara se jtir lejn il-Ġappun u jżur Tokjo, Nagasaki u Hiroshima (Nov 23-26).

L-Isqfijiet tat-Tajlandja għażlu l-motto — Dixxipli ta’ Kristu … Dixxipli Missjunarji — bħala tema tal-mawra fil-pajjiż. Din il-mawra se tfakkar it-350 sena tal-“Il-Vigarjat Appostoliku tal-Missjoni Siam”.

Din is-sena tfakkar il-50 anniversaju mill-bidu tar-relazzjonijiet diplomatici bejn ir-Renju tat-Tajlandja u s-Santa Sede fl-1969, u il-35 anniversarju mill-aħħar żjara papali għat-Tajlanda, li saret minn Ġwanni Pawlu II fl-1984.

Min-naħa tagħhom, l-isqfijiet tal-Ġappun għażlu l-motto — Ħarsien għal kull ħajja — li hija frażi mit-talba miktuba mill-Papa Franġisku u nkluża fl-enċiklika “Laudato Si” fuq il-ħarsein tal-ħolqien.

L-isqfijiet tal-pajjiż qalu li fil-Ġappun tal-lum hemm għadd kbir ta’ problemi relatati mal-ħajja u l-paċi, li magħhom hemm il-kwistjonijiet tal-ekonomija, l-ambjent u r-relazzjonijiet mal-pajjiżi ġirien, barra li l-pajjiż irid jerġa’ lura għan-normal wara diżastri naturali u inċidenti minn impjanti nukleari, li huma problemi persistenti.

Il-Papa Franġisku, kien qal li ngħaqad mal-Ġiżwiti għax xtaq isir missjunarju fil-Ġappun fil-passi ta’ San Franġisk Saverju u membri oħra. Spiss jitkellem dwar l-ammirazzjoni tiegħu għall-Kattoliċi Ġappuniżi li żammew sħiħ minkejja snin ta’ persekuzzjoni.

Rapport mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija