L-Isqof Galea-Curmi jiltaqa’ mal-edukaturi l-ġodda tal-iskejjel tal-Knisja

Print Friendly, PDF & Email

Bidu tas-Sena Skolastika 2019-2020 fl-iskejjel tal-Knisja

Bi tħejjija għall‑ftuħ tas‑sena skolastika, l‑Isqof Awżiljarju Joseph Galea‑Curmi ltaqa’ mal‑edukaturi l‑ġodda fl‑iskejjel tal‑Knisja waqt seminar organizzat mis‑Segretarjat għall‑Edukazzjoni Nisranija. 

D5W_2175 17/09/2019 11:40:57 Furjana

L‑Isqof rringrazzja lill‑għalliema u wera l‑apprezzament tal‑Knisja f’Malta għall‑ħidma tagħhom. Hu stedinhom biex fis‑servizz li jagħtu jgħaqqdu flimkien żewġ aspetti importanti: il‑professjonalità u x‑xhieda ta’ ħajja Nisranija. Hu qal li l‑edukazzjoni fl‑iskejjel tal‑Knisja għandha tkun sostnuta bil‑valuri tal‑Evanġelju u tgħin lill‑istudenti biex ikollhom l‑għeruq tagħhom f’dawn il‑valuri.

L‑Isqof Galea‑Curmi tkellem dwar l‑importanza li l‑edukazzjoni fl‑iskejjel tal‑Knisja tgħin lill‑istudenti biex fihom jikber impenn soċjali għall‑iżvilupp ta’ soċjetà inklussiva u ġusta li hi fi dmir li toffri wens lil min hu batut. L‑Isqof irrefera għat‑tagħlim tal‑Papa Franġisku dwar ir‑rispett lejn il‑ħolqien u appella biex l‑edukaturi jrawmu fl‑istudenti kuxjenza ambjentali.

Fil‑jiem li ġejjin madwar 17,000 student u aktar minn 2,500 edukatur ser jibdew sena skolastika ġdida fl‑iskejjel tal‑Knisja. L‑istudenti ser ikunu qed jattendu f’waħda mis-60 skola fil‑livelli kindergarten, primarju, sekondarju u s‑sitt sena post‑sekondarja.

Matul dan is‑sajf saru diversi xogħlijiet ta’ tisbiħ u manutenzjoni fl‑iskejjel. Fl‑iskola sekondarja ta’ St Joseph f’Tas‑Sliema u fil‑Kulleġġ ta’ Stella Maris, il‑Gżira, qed isir ukoll xogħol ta’ tkabbir bil‑għan li l‑istudenti jkollhom spazji akbar u aktar moderni. Minbarra r‑reklutaġġ tal‑għalliema, learning support educators (LSEs) u edukaturi tal‑kindergarten, tkompla wkoll il‑programm miftiehem ma’ Jobsplus għall‑impjieg ta’ persuni b’diżabbiltà.

F’din is‑sena skolastika bdiet titħaddem ir‑riforma tas‑sapport tal‑istudenti fl‑ewwel sena kindergarten u qed tkompli r‑riforma tal‑Learning Outcome Framework fit‑tieni sena kindergarten, fir‑raba’ sena primarja u fit‑tieni sena sekondarja.

Is‑Segretarjat għall‑Edukazzjoni Nisranija temm il‑proċess ta’ reġistrazzjoni tat‑tfal fl‑iskejjel tal‑Knisja għas‑sena skolastika l‑ġdida, li matulu rċieva mat‑3,700 applikazzjoni għal 1,585 post vakanti.

Sors: www.knisja.mt
Ritratti: www.knisja.mt/ritratti

Leave a Reply

%d bloggers like this: