Is-setgħa fuq ħaddieħor hi responsabbiltà


L-Erbgħa, 2 ta’ Ottubru 2019: L-Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra Quddiesa għall-membri tal-Forzi Armati ta’ Malta f’Jum l-Armata, fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta.

L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna – Fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta

L-ewwel żewġ lezzjonijiet jipprovdulna deskrizzjoni pjuttost dettaljata tal-armatura li kienet tintuża meta nkiteb il-Ktieb ta’ Samwel, fil-każ tal-Ewwel Qari, u meta nkitbet l-Ittra ta’ San Pawl lill-Efesin, qed ngħidu qisu 400 sena wara. Imma dejjem 2000 sena ilu u iżjed.

Id-deskrizzjoni li tingħata tal-armatura tal-ġgant Gulija li biha jintimida, jisfida lill-poplu Iżrael, hija propju deskrizzjoni dettaljata apposta għaliex peress li mbagħad jispiċċa maqtul minn David b’ħames ċagħkiet, allura hemm dan il-kuntrast kbir bejn l-armi bħala espressjoni ta’ prepotenza u arroganza, u l-arma sempliċi imma qawwija ta’ David.

Li tkun kustodju, ħarries, huwa wkoll ir-rwol importanti tal-Armata.

San Pawl Missierna jiddeskrivi armatura spiritwali billi jieħu wkoll l-immaġini tal-armatura ta’ persuna tal-militar u jitkellem fuq “il-kurazza, it-tħażżim, ix-xabla, it-tarka, l-elmu” (ara Efes 6:11-17). Hawnhekk it-tixbiha mhijiex fiżika imma hija pjuttost tixbiha spiritwali li turina li l-armatura hija essenzjali għad-difiża u għat-taqbida kontra l-ħażen.

Nistgħu ngħidu li bejn l-Ewwel Qari u t-Tieni Qari hemm dan il-passaġġ: l-armatura bħala espressjoni ta’ vjolenza u arroganza, imbagħad fi-tixbiha li jagħtina l-Appostlu Missierna San Pawl l-armatura ssir tixbiha ta’ taqbida spiritwali bejn it-tajjeb u l-ħażin u fl-istess ħin mezz ta’ difiża u mezz ukoll ta’ taqbida.

Aħna qegħdin niltaqgħu hawnhekk biex nitolbu l-barka t’Alla fuq l-Armata fil-jum li fih fil-Knisja kollha nfakkru l-Anġli Kustodji, dawk l-ispirti magħżula minn Alla biex ikunu messaġġiera tal-ispirazzjonijiet tiegħu u jmexxuna fit-triq it-tajba. Li tkun kustodju, ħarries, huwa wkoll ir-rwol importanti tal-Armata. L-Armata bit-training li jkollkom, b’dak kollu li jipprovdi l-Istat, bid-dixxiplina interna, bil-mekkaniżmu u l-armi li tużaw, qiegħda hemm biex tħares it-territorju tal-pajjiż u tkun ta’ servizz fejn hemm l-iktar bżonn.

Jiena nawgura u fl-istess ħin nirringrazzja l-Armata talli fid-diversi sezzjonjiet u riġmenti tagħha hija ta’ servizz għas-sikurezza tal-pajjiż, ukoll ta’ servizz umanitarju b’mod speċjali fuq l-ibħra. Imma nafu wkoll kemm drabi, anke meta jiġri xi inċident ikrah fuq l-art tissejħu għall-għajnuna speċjalizzata; fl-isplussivi u fejn hemm il-bżonn ta’ salvataġġ. Biex ngħidu hekk id-djarju ta’ matulek ja sena [is-sena liturġika] jippreżantakom, għeżież membri tal-Armata bħala l-anġli kustodji tagħna. Intom tistgħu titbissmu u tgħidu: ‘ma tantx aħna anġli, ta’.

L-anġlu huwa wkoll ħabbar; mhux qed nippretendi li se toqogħdu tiġru bid-dijadema mwaħħla ma’ raskom, imma nixtieq nippreżentalkom dan il-personaġġ li tant ikkomwova lil Ġesù, dan iċ-ċenturjun, ma nafux x’kien jismu. L-Evanġelju ta’ San Mattew jippreżentahulna bħala ċenturjun li mar jiltaqa ma’ Ġesù fil-belt li Ġesù kien addotta bħala l-hub tal-missjoni tiegħu: il-belt ta’ Kafarnahum, li hija belt illum sit arkeoloġiku. Kienet belt mibnija propju fuq l-għadira ta’ Tiberijade, tal-Baħar kbir tal-Galilja, kif nafuh.

Dak iż-żmien Kafarnahum kienet belt fejn jiltaqgħu diversi popli, kien hemm sinagoga importanti ħafna u tradizzjonalment kien hemm ukoll id-dar ta’ Pietru. F’Kafarnahum, Ġesù għamel id-dar tiegħu wara li telaq minn Nazaret u għalhekk in-nies kienu jmorru jfittxuh hemmhekk. U jiġi dan iċ-ċenturjun. Waħda mill-affarijiet li wieħed jinnota hi li ma talabx għat-tifel tiegħu jew għal xi ħadd tal-familja, imma għal wieħed mill-qaddejja tiegħu. Kien bniedem, għalkemm kien suldat u mrobbi u mdorri fid-dixxiplina tal-armata anzi tal-armata Rumana – għalhekk ċenturjun, li ma nesiex il-qalb umana tiegħu u meta kellu wieħed mill-qaddejja li kien marid ħafna, għamel kulma seta’ biex ifejqu u saħansitra jagħmel il-vjaġġ biex isib lil dan il-profeta li għandu d-don tal-fejqan u jitolbu: “Għandi qaddej u batut wisq” (Mt 8:6). Ġesù mill-ewwel jifhem: “Niġi jien infejqu” (v.7). Ġesù ma jagħmilx distinzjonijiet bejn Lhud u pagani, il-fejqan li jġib għal kulħadd. Ma qagħadx joqgħod jgħidlu: ‘imma trid issir Lhudi, ta’. “Niġi u nfejqu”. Ġesù jara l-bżonn, ma joqgħodx jitlob għat-tessera – qabel fl-antik kien ikun hemm il-bulettin ukoll – “Niġi u nfejqu”.

U dan is-suldat, anzi uffiċjal, joħroġ b’espressjoni li lil Ġesù kkomovitu. Tant hu hekk li l-kliem tiegħu, aħna nirrepetuh f’kull quddiesa. Qabel nitqarbnu, anke llum se nirrepetu l-kliem ta’ dan l-uffiċjal. “Ma jistħoqqlix li tidħol taħt is-saqaf tiegħi iżda għid biss kelma” (Mt 6:8), ma ngħidux lill-qaddej tiegħek ‘u ruħi tkun imfejqa’. Aħna naddottaw il-kliem ta’ dan iċ-ċenturjun, l-uffiċjal tal-armata Rumana, għall-ħajja tagħna – għalina personali, għal ruħna imma hu kien qed jgħid għad-dar fiżika tiegħu.

U Ġesù jinduna li dan iċ-ċenturjun tant kellu fiduċja u fidi f’Ġesù li kien kapaċi jgħidlu: ‘ll-kelma tiegħek biżżejjed, m’hemmx għalfejn tiġi inti. Għid kelma waħda biss, il-kelma tiegħek u l-qaddej tiegħi jfiq’. U hekk ġara. Il-kelma ta’ Ġesù, li hi aqwa mill-ispazju u mill-ħin, tfejjaq il-qaddej ta’ dak iċ-ċenturjun. L-Evanġelju jispiċċa: “Il-qaddej fieq dak il-ħin stess. Mur ħa jsirlek kif emmint” (Mt 5:13). Nistgħu ngħidu li l-fejqan ta’ dan il-qaddej huwa frott il-fidi tal-uffiċjal.

Hemm messaġġ għalikom f’dan l-Evanġelju? L-ewwel nett għandkom tkunu kburin b’dan il-kollega li kien jgħix 2,000 sena ilu għax jagħmlilkom tassew unur. Jekk ikollna niġbdu xi tagħlima żgħira: tista’ tkun uffiċjal tal-armata u temmen, m’hemmx għalfejn tinża l-fidi tiegħek barra l-barracks, qabel tidħol l-barracks. Dan kien ċenturjun, ma kienx Lhudi imma sema’ b’Ġesù u emmen fih. U Ġesù kkomwova ruħu bil-fidi ta’ dan l-uffiċjal. L-ewwel ħsieb mela: tista’ tkun suldat tajjeb u tkun bniedem li tafda u temmen f’Ġesù.

Għalkemm iċ-ċenturjun kien jaf li għandu s-setgħa fuq ħaddieħor, għalih is-setgħa kienet responsabbiltà. Hu u jħaddem is-setgħa tiegħu, kien verament preokkupat fil-ġid psikoloġiku, fil-ġid u s-saħħa ta’ min kellu taħtu.

It-tieni: iċ-ċenturjun jifhem li hu biedem ta’ dixxiplina. Jgħid li għandu min hu fuqu u għandu wkoll min irid jobdih. U jispjega lil Ġesù, jgħidlu: “Jiena stess għandi suldati taħti, lil wieħed ngħidlu mur u jmur, lil ieħor ngħidlu ejja u jiġi, lill-ilsir, il-qaddej tiegħi, ngħidlu għamel dan u jagħmlu” (Mt 6:9). Bniedem li kien jaf x’inhi d-dixxiplina imma ma nesiex xi jfisser ir-rispett. Lil Ġesù jgħidlu: ‘sinjur avolja’ mhux qed ikellem fizjal jew suldat ieħor, dan iċ-ċenturjun li kien dara fid-dixxiplia stretta tal-armata u l-leġjuni Rumani, kien jaf xi jfisser ir-rispett, ir-rispett li tgħallem fl-armata użah ukoll ma’ Ġesù u mal-proxxmu. Kellu rispett għall-qaddejja tiegħu tant li għamel vjaġġ biex il-qaddej tiegħu jfiq. Għalkemm kien jaf li hu superjur u għandu d-dritt jordna, għal qalbu kien ukoll il-welfare, il-ġid, is-saħħa ta’ min hu taħtu għax kien responsabbli tagħhom.

It-tagħlima li nistgħu niġbdu fil-psikoloġija li jirrakkontalna l-Evanġelju ta’ San Mattew f’dan il-kollokju bejn iċ-ċenturjun u Ġesù huwa li għalkemm iċ-ċenturjun ta’ raġel tajjeb li kien, kien jaf li għandu s-setgħa fuq ħaddieħor, għalih is-setgħa kienet responsabbiltà. Hu u jħaddem is-setgħa tiegħu, kien verament preokkupat fil-ġid psikoloġiku, fil-ġid u s-saħħa ta’ min kellu taħtu.

Dan l-awgurju li nagħmel lilkom ukoll, li għalkemm intom tħaddnu għax intom korp tal-armata, id-dixxiplina f’ġerarkija stabbilita u ċara, intom mistednin li timitaw lil dan iċ-ċenturjun tajjeb u tieħdu ħsieb xulxin. Il-fatt li jiena fuq xi ħadd m’għandi l-ebda dritt li jien nistmah ta’ ħażin, ħa ngħid hekk, mhux ma noqgħodx inżewwaqha, anzi hija responsabbiltà. U meta jien għandi xi ħadd fuqi, jiena responsabbli lejh, nitlob lil Alla li min hu fuqi jieħu ħsiebu wkoll. Imma dik ħalliha, mhux dejjem tiġik żewġ fil-ħajja. Imma ħafna drabi jista’ jkun li għax aħna niġu ttrattati ħażin, donnu dik il-ħaġa tagħtina d-dritt nittrattaw lil ħaddieħor ħażin. Hemm bżonn xi ħadd ikun ġeneruż biżżejjed biex jgħid: ‘lili meta kont fit-training, meta kont għadni fizzjal minuri jew inkella anke issa, qed jitrattawni ħażin mela lil ta’ taħti jien se nagħmlilhom ħajjithom infern, mhux sew inbati jien biss’. Min hu veru raġel jgħid: ‘Jiena nagħmel stonku xiref u naqla’ imma mhux se ngħaddiha lill-oħrajn, dak li qed ngħaddi minnu jien, jekk ikun negattiv.

U dina titlob niskata qawwija ta’ ġenerożità kif nafu, imma kif intom ukoll fis-sikurezza tal-Istat għandkom is-sejħa speċjali li jekk tiġi vjolenza kontra r-Repubblika, kontra l-Istat, kontra s- sikurezza tiqfulha biex ma tkomplix il-mewġa, hekk ukoll fil-ħajja tagħna. Aħna rridu nkunu tarka biex jekk għandna hard time m’hemmx għalfejn ngħadduh lill-oħrajn. Dan hu l-awgurju u t-talba li nagħmel fuqkom u għalikom.

✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Eżodu 23: 20-23a
Salm: 90
Evanġelju: Mt 18: 1-5.10

Sors: www.knisja.mt

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.