Pajjiż jibqa’ ħaj skont kemm is-soċjetà tgħożż liż-żgħar u l-anzjani. Dan qalu l-Papa Franġisku waqt omelija minn Dar Santa Marta nhar it-Tnejn 30 ta’ Settembru. Huwa qal li l-imħabba t’Alla għall-poplu tiegħu ma tafx bi skart, hija kbira. Madankollu, fil-familji u fis-soċjetajiet tal-lum it-tfal u l-anzjani huma traskurati u dan ifisser li hemm nuqqas tal-preżenza t’Alla.
Huwa kompla jgħid li Alla jħobb lill-poplu tiegħu u hu għajjur għalih minkejja li l-poplu huwa infidil. Il-qari jgħidilna tal-quddiesa ta’ dakinhar kien jgħid li l-pjazez ta’ Ġerusalemm għad jerġgħu joqogħdu fihom ix-xjuħ, irġiel u nisa, kulħadd bil-bastun f’idu minħabba t-tul ta’ għomru. U l-pjazez tal-belt jimtlew bi tfal subien u bniet, jilagħbu fil-wesgħat tagħha.
Il-kura tal-anzjani u tat-tfal hi l-garanzija tal-futur, qal Franġisku. Huma s-sinjal tal-preżenza tal-Mulej. Iżda l-kultura tal-iskart hija rovina. Rovina meta lit-trabi nerġgħu nibgaħtuhom għand min tahomlna u lill-anzjani naqfluhom ximkien għax m’għadhomx produttivi u huma xkiel għar-rutina tagħna.
Is-soċjetajiet moderni qed jixjieħu u f’ċerti pajjiżi qed tibda xitwa demografika għax se jkun hemm aktar pensjonanti mill-nies jaħdmu. Din hi traġedja, osserva l-Qdusija Tiegħu.
L-anzjani huma l-memorja u t-tfal huma l-futur tas-soċjetajiet u tal-Knisja. Għalhekk il-messaġġ ta’ Alla huwa l-kultura tat-tama rappreżenatat miż-żgħar u mill-anzjani. Pajjiż jibqa’ ħaj skont kemm is-soċjetà tgħożż lil dawn iż-żewġ friegħi tagħha.
Il-Papa temm ifakkar kemm tkun sabiħa x-xena kull meta fil-vjaġġi tiegħu madwar id-dinja jara lill-ommijiet jerfgħu ‘l fuq lit-trabi tagħhom biex hu jberikomlhom.
Rapport minn Joe Huber