San Ġorġ Preca u l-Verġni Marija


Kull fundatur ta’ kull kongregazzjoni jew soċjetà reliġjuża xerred bosta devozzjonijiet lejn il-Verġni Marija. Dan kien sinjal ċar li huma kienu ispirati minn Alla. San Ġorġ Preca wkoll ħabb lill-Verġni Marija  b’mod qawwi u ħadem biex aktar nies iħobbuha.

Sinjifikat ġdid lid-devozzjonijiet Marjani

sgp
San Ġorġ Preca u l-Madonna

L-imħabba ta’ San Ġorġ Preca lejn Marija ma kinitx superfiċjali iżda waħda profonda. Fil-fatt hu nqeda bid-devozzjonijiet li kien hawn: il-Labtu tal-Karmnu u l-Midalja Mirakuluża, iżda fittex li jagħtihom it-tifsira oriġinali li kellhom. Ta’ min isemmi li kien hawn massa ta’ nies f”Malta li kienu jipprattikaw dawn id-devozzjonijiet b’mod superfiċjali, iżda San Ġorġ Preca ma kienx kuntent b’dan l-atteġġjament. Ried li l-insara jiskopru l-ispirtu proprju ta’ dawn id-devozzjonijiet.

 

Ta’ min  isemmi li San Ġorġ Preca xerred kemm felaħ id-devozzjoni lejn il-labtu tal-Madonna tal-Karmelu. Ħabb lill-labtu peress li kien proprju fil-festa tal-Karmnu li huwa ġie salvat milli jegħreq, meta kellu biss erba’ jew ħames snin. Kien iħobb itenni fil-konferenzi tiegħu dak li l-Verġni Marija qalet lil San Xmun Stock: “Dawk li jmutu lebsin il-labtu tal-Karmelu jiġu salvati mit-telfien etern.” Kellu ħeġġa kbira biex in-nies jilbsu l-labtu u fil-konferenzi tiegħu kien jagħmel minn kollox biex ixerred din id-drawwa qaddisa.San Ġorġ Preca xerred anki d-devozzjoni lejn il-Midalja Mirakuluza, li l-Verġni Marija tat lil Santa Katarina Labourè. Kien iħobb jgħid li dawk li jilbsu din id-domna jkunu mħarsa mid-deni tar-ruħ u tal-ġisem. Xtaq li l-Kappella tad-Dar Ċentrali tal-Museum, fil-Blata l-Bajda, tkun iddedikata lil Marija taħt  dan it-titlu. U llum l-ġisem ta’ San Ġorġ Preca ilu minn Mejju tas-sena 2001 jistrieħ f’din il-kappella, maġenb l-artal.

Il-Fundatur tas-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija kien konxju li dawn id-devozzjonijiet jistgħu jiġu prattikati b’mod superfiċjali. Għalhekk kien jisħaq illi wieħed ikun jabbuża mill-ħniena ta’ Marija Santissima jekk jidneb filwaqt li jittama li hija tidħol għalih.  San Luiġi Grignon de Montfort jiddeskrivilna wkoll seba’ tipi ta’ persuni li, għalkemm jagħtu qima lil Verġni Marija, mhumiex fit-triq it-tajba. Dan il-qaddis jgħidilna li dawn il-persuni huma fl-iżball, għaliex flok li jħobbu lil Marija, jagħtuha qima b’mod falz. Verament li dawn iż-żewġ qaddisin jaqblu ma’ xulxin.

Ir-Rużarju

San Ġorġ Preca għamel minn kollox biex aktar persuni jħobbu t-talba tar-Rużarju. Kien iħobb jgħid li l-Verġni Marija ddum sa nofs il-lejl tistenniena ngħidu din it-talba. Għalih din it-talba ma kinitx biss vokali, iżda meditattiva u kontemplattiva wkoll. Kien ukoll kreattiv biex ir-Rużarju jingħad aħjar:  billi kiteb il-misteri tad-Dawl, li jixbhu ħafna l-misteri tad-Dawl li għandna issa.

Tant San Ġorġ Preca kien kreattiv fir-Rużarju li ried li nġibu l-misteri quddiem għajnejna. Dan narawh ċar fid-“Direttorju Spiritwali”: “Ipprokura li tagħmel kollezzjoni ta’ stampi mqaddsa li jirrappreżentaw kull misterju tar-Rużarju, u ħares lejhom waqt ir-reċta tiegħu, għax b’hekk tgħin l-immaġinazzjoni tiegħek biex tikkunsidra u biex tikkontempla l-imqaddes Rużarju, li tant tirrikmanda l-Madonna lill-fidili ta’ Ġesù” (Direzzjoni Nru. 604).

Dan il-qaddis jgħallimna li jekk nibbażaw l-imħabba tagħna lejn Alla, lejn Marija u lejn il-qaddisin fuq l-emozzjonijiet nistgħu niżbaljaw. Għalhekk fil-ktieb tiegħu “Ġinnasju Spiritwali” jgħidilna: “Id-devozzjoni sensibbli hija perikoluża minħabba l-vanaglorja u s-sudisfazzjonijiet tal-volontà umana u mhux tal-volontà ta’ Alla. In-natura u x-xitan fis-sentimenti tagħhom huma ta’ min jibża’ minnhom minħabba l-inganni” (Attendenza Nru 96).

Fiż-żmien li fih għex San Ġorġ Preca kien hawn bosta devozzjonijiet lejn Marija. Iżda huwa għaraf li dawn id-devozzjonijiet għandhom jiġu msaħħa permezz tat-tagħlim. Għal dan l-iskop huwa kiteb dawn il-kotba Marjani: “Il-Benedicta”, “Il-Lapidarju”, u l-“Aula Sanctae Matris Virginis”. Fid-“Direttorju Spiritwali” huwa kiteb sittax-il direttiva fuq it-talba tar-Rużarju. B’dan il-mod ried li l-imħabba lejn Marija tissaħħaħ permezz tat-tagħlim tal-Knisja. Fil-“Ktieb il-Kbir” San Ġorġ jesprimi sewwa dan il-ħsieb: “Nipproponu illi nistudjaw il-kelma tal-Knisja fuq Marija SS.ma: ‘Bieb tas-sema’, biex inkabbru fina l-fiduċja fiha.” (Paġna XXXVII).

Dan il-qaddis isejjaħ lil Marija “Bieb tas-sema” għax: “Hija l-veru bieb, li anki Kristu minnu biss ried jiħdol, għax permezz tagħha ried isir bniedem u hekk imut, jirxoxta u jitla’ fis-sema” (Ktieb il-Kbir, Paġna XXXVII).

Marija u l-Inkarnazzjoni

San Ġorġ Preca kien iħobb jimmedita l-waqt meta Marija tat l-“Iva” tagħha biex Kristu jsir bniedem. Fil-ktieb tiegħu s-“Sena tas-Sinjur”, li fih ħsieb għal kull jum tas-sena, fil-25 ta’ Awwissu jistħajjel lil Ġesù jgħidilna: “Jien, bħala veru bniedem, jiena maħluq iżda predestinat naturalment u sustanzjalment veru Iben ta’ Alla sa mit-tnissil tiegħi fil-ġuf purissimu tal-Omm Verġni tiegħi.” Fis-sena 1936 ikkummissjoni lil Kav. Rafel Bonniċi Calì biex jpitter Madonna b’idejha miftuħa, u fuq sidirha jikteb Verbum Dei caro factum est. Fl-1949 reġa’  talab lill-istess pittur biex jagħmel l-istess pittura, b’xi tibdiliet żgħar. L-artist għamel dan u San Ġorġ Preca ħareġ sodisfatt b’dan ir-riżultat. Bħall-awturi kollha Kattoliċi, dan il-qaddis kien jemmen li l-imħabba lejn il-Verġni Marija bl-ebda mod ma teħodha kontra l-imħabba lejn Kristu, anzi ssaħħaħha.

Fil-kotba “Il-Lapidarju” u “Il-Benedicta” naraw kemm San Ġorġ Preca kellu immaġinazzjoni fertili. Fil-“Benedicta” huwa jimmaġina l-Arkanġlu Gabrijiel jirrakkonta veritajiet u fatti fuq il-Verġni Marija filwaqt li fil-“Lapidarju” jimmaġina lil San Ġwann l-appostlu qiegħed jurih lapidi li fuqhom hemm skrizzjonijiet fuq il-Verġni Marija.

San Franġisk ta’ Sales fil-ktieb tiegħu Introduzzjoni għall-“Ħajja Devota” jgħidilna li għandna aktar nammiraw lill-qaddisin milli jimitahom. Iżda aħna nistgħu kemm nammiraw l-imħabba li kellu San Ġorġ Preca lejn il-Verġni Marija kif ukoll nimxu fuq it-tagħlim sabiħ marjoloġiku li tana.

Kitba ta’ Angelo Xuereb