Għażiltu għax ħabbejtu!


Mhux soltu tiegħi li nitħaddet hekk fil-pubbliku. Għalkemm il-kotba u l-istudju li saru u għad isuru fuqi donnhom jagħtu xi impressjoni li stajt kont xi protagonist. Bil-kliem li għedt.

Fil-verità, protagonist ma kont xejn. Anzi! Jien sibt ruħi fi storja. Storja ta’ mħabba kbira. Dejjem ridt li nħobb u nkun maħbub. L-għaliex b’hekk biss stajt ngħix. U, min iwarrab l-imħabba, anki biex jidher li hu xi ‘qaddis’, fil-fehma tiegħi m’hu qaddis xejn! Imma jkun dak li, filwaqt li jiftaħar bil-ġid kbir li l-Ispirtu s-Santu wettaq bil-qaddisin, dan jagħmlu mhux l-għaliex veru jħobb lil Ġesù u l-qaddisin tiegħu daqskemm biex jidher li hu qaddis hu. U hekk iġib lilu nnifsu ħati tal-kundanna għall-mitt darba aktar!

Ma’ missieri u ommi kelli kollox. Kont dak li, fil-frażi idjomatika tagħkom, intom il-Maltin tgħidulu geddumu fix-xgħir. Tibżgħux! Jien kont geddumi fix-xgħir! Għalhekk naf x’qiegħed ngħidilkom. U mhux bilfors li nkun geddumi fix-xgħir jekk kulma ridt ingħatali? Ridt l-avventura? Webbilt lil missieri Pietro biex jonfoqli kemxa flus ġmielha basta immur niġġieled fil-kruċjata! U, wara ħafna iljieli ta’ ħolm biex immur għall-imbierka kruċjata, fl-aħħar il-jum wasalli!

Kemm kont sabiħ f’dak il-jum! Fil-ġenn sħiħ li kelli fuqi kont naħseb li bit-trijonfi li kont se nikseb stajt inkun dak li dejjem xtaqt: maħbub! Fil-ħolm tiegħi diġà kont rajt lit-tfajla ta’ ħajti! Rajtha liebsa libsa mill-isbaħ, b’xagħrha twil, dehbi. Hemm, lesta għalija! Rajt illejla tat-tieġ tiegħi magħha kollha daqq, żfin u ferħ! Ferħ! Kemm hi kelma li lili tassew saħħrittni ħbieb! Kont lest li nagħti ġidi kollu, jew aħjar ġid missieri, basta jkolli nitfa’ minn dak il-ferħ li ma jispiċċax. Imma dan il-ferħ seta’ jiġi għandi?

Mort għall-kruċjata. Iżda f’Peruġja kelli diżażtru! U spiċċajt ukoll priġunier tal-gwerra. Hemm arah il-bniedem li jrid kollox fejn spiċċa! Kemm ħassejtni ħażin f’dak il-waqt li spiċċajt priġunier! Li minn protagonist kelli nibda’ nitgħallem noqgħod fil-post ta’ wara! Imma l-ħajja għallmittni li min biss ikollu l-kuraġġ li jieħu l-post ta’ wara li s-sid jista’ jiġi fuqu u, bil-qawwa kollha ta’ sid li hu, jista’ jgħidlu: Ħabib, itla’ f’post aktar ‘il fuq (Lq 14:10).

Fl-umiljazzjoni tiegħi li nirritorna lejn belti, Assisi, mhux aktar bħala protagonist iżda bħala sempliċi bniedem mifdi mill-ħniena ta’ ħaddieħor, din ma flaħtiex! Tassew iebsa ħbieb li tidher daqs qorqa quddiem sħabek! Kemm għaddewni biż-żmien! Kemm qalu affarijiet fuqi! “Hemm ara! Il-bniedem tal-merkant Pietro! Ara kif spiċċa! Mar għall-kruċjata u, wara ftit, kellu jerġa’ jirritorna lura! U dan iż-żgħażugħ tassew li jaf xi jrid?”

Hekk hu l-mistoqsija tal-mistoqsijiet! Li lili dejjem ħabtitni! Tista’ tgħid sakemm kont għadni daqxejn ta’ nitfa’! Tgħid naf xi rrid? Ngħidilkom il-verità fittixt! Fuq li fittixt! U mort fejn ma nafx xiex! Basta nsib it-tweġiba. Iżda t-tweġiba, għalija, ma kinitx le fin-nies li kont naf. Ma kinitx f’dawk li kont inqatta’, tista’ tgħid, lejliet sħaħ magħhom. Lilhom ippruvajt insaqsihom. Iżda meta rajt kif kienu jgħixu x’ġid stajt nieħu minn għandhom?

Għalhekk din id-darba ridt li l-affari tinħadem mod ieħor. Filgħaxijiet, jew meta kont inħossni tassew ħażin, kont naqbad iż-żiemel u mmur f’post fil-kwiet biex nitħaddet mal-Mulej. Jew, kif Santu Wistin kien qal mas-seba’ sekli qabli, kont nintasab hemm, nisimgħu. Fil-kwiet. U s-sbuħija tal-ħolqien. Kont ngħidlu: Mulej, xi tridni nagħmel? Kemm kont nirrepethielu din il-mistoqsija! Għax din il-mistoqsija kienet toħroġli bħall-mantra. Hekk kif kont nitħaddet mal-Ħallieq u l-Feddej tiegħi.

Sakemm darba mort lejn fejn kien hemm il-knisja mġarrfa ta’ San Damjan. Hemmhekk. F’dan il-post imwarrab. Il-knisja kienet imġarrfa. Iżda fiha kien hemm il-Kurċifiss sabiħ li jgħidu li xi rħieb mill-Lvant kienu kitbuh. Hu x’inhu l-każ jiena mort, inxħett quddiemu, u tlabtu minn qalbi: Mulej, urini int x’għandi nagħmel?

U tibżgħux l-għaliex mill-ewwel urieni! F’dawk l-inħawi kelli niltaqa’ mal-prova tiegħi. L-imġiddmin! Il-morda! Fihom jien rajt x’ried minni l-Mulej. Ma kinitx ħaġa ħafifa għalija li nxammar idi u naqdihom. Jien id-dar kollox kont insib lest. Ommi u missieri kienu jaraw li jien ma kont inkun nieqes minn xejn. U int x’jidhirlek sieħbi minn iben il-merkant tad-drappijiet?

Imma tafu fejn sibtu l-veru ferħ? Meta bdejt naħdem mal-morda! L-għaliex il-morda lili għallmuni ninfatam mir-rieda moqżieża tiegħi u nkun għas-servizz totali tar-rieda ta’ Missieri li hu fis-smewwiet. Il-morda għinuni nitlob u nitlob mill-qalb. Il-morda għenuni nħalli lil ħaddieħor jgħinni filwaqt li fakkruni fid-dmir li ma nħalli lil ħadd imċaħħad mill-preżenza tal-Mulej permezz tiegħi.

U illum, wara aktar minn seba’ mitt sena ta’ storja, jien għadni ngħix f’ħafna Patrijiet, Sorijiet u Lajċi ikkonsagrati li, bħali, għażlu l-vanġelu bħala l-għamla ta’ ħajja għalihom. Oh kemm nitlob għal uliedi mis-sema! U kemm irridhom aktar kif kont jien: mal-Mulej u man-nies! Bħal Ġesù! Kemm irridhom iħennu u mhux jikkalpestaw il-ħajja ta’ xulxin! Kemm irridhom jgħixu ta’ familja. Iva! Dik il-familja li fiha hemm post għal kulħadd. Anki għal min jidher li ma jiffitxjax. Għax min fil-verità jiffitja? Ħa jkunu jafu wliedi li ħadd m’hu aħjar minn ħadd minnhom! Mela ħa jilqgħu lil xulxin u jħallu lil xulxin jgħixu fil-paċi skont ma jnebbaħhom il-Mulej, kull wieħed minnhom b’mod individwali. U bla ebda impożizzjoni imma b’libertà sħiħa jgħixu l-ħajja tagħhom flimkien.

Fl-aħħar nett, jalla uliedi jibqgħu joħduni magħhom fl-isptarjiet! L-għaliex jien hemm naf il-konverżjoni tiegħi. Jekk jogħġobkom uliedi, tkeċċunix ‘il barra mill-isptarijiet tagħkom f’Malta u f’Għawdex! Għax kull ħarba mix-xogħol tal-qadi tal-morda fl-isptar hija ħarba minn Ġesù Kristu nnifsu li jien u ħafna minn ħuti taw ħajjithom għalih! Mela itolbu għal uliedi biex ix-xogħol tal-isptar ikun l-ewwel post fil-lista tax-xogħol li għandhom jagħmlu. Ix-xogħol fl-isptar huwa l-aqwa priedka! U l-patri li jaħdem fih huwa l-aqwa u l-vera predikatur!

Ħuti, illum qed tfakkruni! Imma nixtieqkom biss li meta titfakru fija tagħmlu bħali, li tħallu lil Ġesù jiskomodakom! Għax meta tħallu lil Ġesù iċekkinkom quddiemu li bħali tkunu ferħana! U l-ferħ tagħkom jibda’ jittieħed! Għax xejn ma jipperswadi daqs l-umiltà! Din kollox! Il-bqija show biss imma bla essenza ta’ xejn! Mingħajr l-umiltà kollox għar-rimi!

Inberrikkom mis-sema! Jiena Franġisku! Li għażilt lil Kristu għax ħabbejtu!