Illum il-Knisja tfakkar lil San Djonisju


Fid-9 ta’ Ottubru l-Knisja tfakkar lil San Djonisju, Isqof Martri u Sħabu li ħadu l-martirju għall-ħabta tas-sena 258.

Skont tradizzjoni, San Djonisju, magħruf ukoll bħala San Denis, twieled l-Italja.

Għall-ħabta tas-sena 250 mar Franza flimkien ma’ sitta minn sħabu, u sar l-ewwel Isqof ta’ Pariġi, u flimkien ma’ San Rustiku, qassis, u mad-djaknu San Elewterju, ħa l-martirju mhux ’il bogħod minn Pariġi.

It-tradizzjoni tgħid li l-ħidma tagħhom biex jikkonvertu lin-nies għall-Kristjaneżmu kienet tant effettiva li l-qassisin pagani instigaw lill-Gvernatur Ruman biex jarrestahom. Wara li żammewhom żmien twil fil-ħabs, qatluhom bil-qtugħ tar-ras, u tefgħu ġisimhom fix-xmara Siene, fis-sena 258.

Katulla, mara Nisranija, ħadet l-iġsma tagħhom u difnithom qrib il-post fejn inqatlu. L-Insara bnew daqsxejn ta’ knisja fuq qabarhom, u biż-żmien inbniet l-abbazija famuża ta’ Saint-Denis, fejn huma miżmuma r-relikwi ta’ dawn it-tliet qaddisin, u fejn ukoll, għal żmien twil kienu jindifnu s-Slaten ta’ Franza.

Fl-arti jġibu lil San Djonisju bħala Isqof qed iżomm rasu f’idejh, għax hemm leġġenda li tgħid li hu sofra l-martirju f’Montmartre (Għolja tal-Martri), f’Pariġi, imma reġa’ qam mill-mewt u minn hemm mexa b’rasu f’idejh lejn il-post fejn kellu jiġi midfun, illum hemm l-abbazija li ġġib ismu.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com