Il-Patri ferħan


Nhar l-Erbgħa, 16 t’Ottubru, oħtna l-mewt tal-ġisem żaret lil wieħed minn ħuti l-Patrijiet Kapuċċini fl-Isptar Mater Dei, fejn kien qiegħed jingħata l-kura. Huwa ħalla dan il-wied tad-dmugħ fl-għomor ta’ 78 sena. Qiegħed, mingħajr dubju, nirreferi għall-Patri Kapuċċin Żabbari Patri Alfred Baldacchino OFM Cap.

Diġà mal-ewwel sentenzi ta’ dan l-apprezzament, li l-Ispirtu s-Santu qiegħed jagħtini f’dan il-mument li għandi għas-skiet u l-ġabra, id-dmugħ minn għajnejja, u l-aktar dak id-dmugħ li bih hi mxarrba qalbi, qiegħed, bil-mod il-mod, u għall-grazzja tal-Mulej, jinxef. U, iva, qed jinxef dan id-dmugħ l-għaliex Patri Fred kien wieħed minn dawk il-Patrijiet li veru kont tieħu gost titħaddet miegħu. Kien Patri sinċier. U li, fil-kumpanija tiegħu, ma kienx ikellmek b’żewġt iqlub. Għalhekk, meta kont titħaddet miegħu, la kellek għalfejn toqgħod taqra between the lines x’kien jgħidlek u lanqas kellek għalfejn tkun midħla ta’ xi kodiċi speċjali biex iseħħlek taqbad art jew saħansitra li tiddeċifra x’kien tassew qiegħed jgħidlek.

Jiena u naqsam magħkom dawn il-ħsibijiet mill-qalb ċkejkna tiegħi ma nistax ma nimmaġinax lil San Franġisk idur lejn Patri Fred u, filwaqt li jħares lejna, f’għajnejna, ibda’ ovvjament minna l-Patrijiet u spiċċa lejn il-poplu kollu ta’ Alla, jikkwotalna dak stess li hu kien kiteb mat-tmin mitt sena ilu u li joqgħod perfettament għal Patri Fred. Għax veru għexu u mhux qgħad jixxena li taparsi jgħixu. Jgħidilna San Franġisk fit-Tislima lill-Virtujiet li kiteb sekli ilu: Il-Qaddisa Pura Sempliċità tħawwad l-għerf kollu tad-dinja u l-għerf tal-ġisem. Kemm hu veru ħbieb! Għax min hu ikkonsagrat lill-Mulej u jimxi b’moħħu gundalla daqshiex jispiċċa jagħmel! Għax ħarsien tal-Mulej m’għandux! Imma min ikun sempliċi, bħalma kien Patri Fred, dak barka hemm għalih! Paċi! U ħajja ta’ dejjem!

Fi kliem l-eżortazzjoni post-sinodali dwar il-Ħajja Ikkonsagrata, Vita Consecrata, Patri Fred, mal-medda taż-żmien, sar “aktar sempliċi u għani bi grazzji” (no.70) U min ikun sempliċi, għax ma jkollux hidden agendas ta’ poter tad-dinja u li żgur li ma jixraqx lill-ħajja ikkonsagrata, ibqa’ ċert li jġib miegħu l-ferħ tal-Mulej kulfejn joħduh riġlejh! Iva ħbieb! Dak l-istess ferħ li wassal lil San Franġisk biex, fit-Tifħir lil Alla l-Għoli, jgħannilu hekk lill-Mulej: Int hena u ferħ, int tama tagħna, int ġustizzja.

Għax il-ferħ li bih kien mimli Patri Fred ma kienx dak imqanżaħ. Dak il-ferħ sintetiku. Artifiċjali. Li jinten u jnitten. L-għaliex il-gideb u t-tnassis li hemm fih il-ħin kollu jikxfu l-għera moqżieża u ħażina tiegħu quddiem kulħadd. Le! Il-ferħ ta’ Patri Fred kien ġenwin. Sabiħ. Li jferraħ u mhux la jdgħarras u anqas inikket lill-qalb! Allura, ferħ Patri Fred, kien il-ferħ ta’ Ġesù nnifsu! Dak il-ferħ tal-qdusija! Il-ferħ Franġiskan! Il-ferħ li kien, iva, jikkonvolġik! Tant li jagħmlek parti minnu! Biex tifraħ miegħu u taqsmu mal-oħrajn!

X’memorji sbieħ għandi meta kien ikun magħna fir-refittorju jirrakonta! U jikkummenta! Ajma! L-aktar meta kienu jilgħabu l-Inter u t-Taljani! U kienu jirbħu! Kemm kien akkanit għalihom! Fil-fatt, f’waħda mill-konverżazzjonijiet li kelli miegħu dan l-aħħar, jien li jien Juventin, għedtlu: “Patri Fred! Jalla tirbħuħ intom il-league din is-sena! U veru li nixtieq li toħduh intom tafx!” Għadni qisu issa qed narah iweġibni b’dik it-tbissima tat-tfal li kellu fuq wiċċu. U mhux tifel trid tkun biex ikollok dak il-ferħ li jġagħlek tħossok maħbub u maħbuba mill-Mulej? Li jġagħlek tħossok iben u bint maħbub u maħbuba mill-Missier? Mifdi u mifdija minn Ġesù? U mqaddes u mqaddsa mill-Ispirtu s-Santu?

U qalb li tferraħ x’issibha li tkun? Mhux qalb ġeneruża! Qalb li tmur lil hinn mill-qadi ta’ interessi tal-‘klikka’ moħbija jew fil-wiċċ u aktar indirizzata, bħal Ġesù, lejn kull membru tal-fraternità u tal-poplu kollu tal-Mulej! Qalb Patri Fred kienet iva xhieda fidila ta’ dik l-istess Qalb li tgħidilna, fil-Vanġelu skont San Mark: Għax hekk ukoll Bin il-bniedem, hu ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi u biex jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra (Mk 10:45)!

Ħadt gost ħafna nisma’ xhieda mill-isbaħ fuqu li taha wieħed mill-Patrijiet tagħna li kien gwardjan fejn Patri Fred kien bħala Patri. Dan il-Patri stqarr li hu ma jsuqx. Għalhekk, kulfejn ried imur bilfors li kellu jitlob l-għajnuna ta’ xi ħadd li kellu l-qalb ħanina li jwasslu. U x’taħsbu li kienet tkun it-tweġiba ta’ Patri Fred meta dan kien jistaqsih biex iwasslu? Għidli u nwasslek fejn trid! kien jgħidlu. U, dan il-Patri, bid-dmugħ f’għajnejh, ma setax ma jsemmix dan il-fatt tant sabiħ li laqat mhux biss lilu imma wkoll lil min semgħu. Fosthom lili!

Kemm tifraħ hux meta tisma’ b’Patri li, għalih, il-ħniena hi kollox! Personalment din il-ħniena, f’Patri Fred, kont inħossha ħafna. Iva! Kien jipprova jaqdi lil kulħadd. Kien min kien fil-kunvent. U, ħaġa tal-meravilja, dejjem kont issibu hemm, bil-van, biex jagħti dak il-lift ta’ għajnuna.

Rigward il-ministeru tas-sewqan li kellu Patri Fred fil-fraternità ma nistax ma niftakarx, b’ħafna u ħafna ferħ u gratitudni tal-qalb, fil-mawriet li kien joħodna mal-gwardjan u d-direttur tal-postulanti fid-Dar tal-Kleru. Għadni niftakar tajjeb, qisu issa li, f’dawk iż-żminijiet, f’din id-dar tal-kleru kien hemm Patri Beneditt Portelli OFM Cap, Patri Beninju Sultana OFM Cap u Patri Renat Spiteri OFM Cap. Għalhekk, kull nhar ta’ Ġimgħa preċett, għid li ħa nsibu lill-Patri Fred lest biex joħodna nżuruhom bħala fraternità.

Patri Fred int tibqa’ f’qalbi! Għax int, bis-sempliċità tiegħek, għallimtni ngħix il-missjoni ta’ San Ġuda, li tant kont tħobb! Int għallimtni ngħix dak li hu mpossibbli għad-dinja u għal xi kwartieri fil-knisja u fil-ħajja ikkonsagrata, jiġifieri li nkun sempliċi, ferħan, li ma nappartjenix għall-klikek, li ma jkollix hidden agendas, li ma nkunx arroganti u li ma nkunx mimli bija innifsi. F’kelma waħda Patri Fred, int għallimtni nħobb mill-qalb lil kulħadd! Grazzi minn qalbi għażiż Patri Fred! Il-Patri ferħan ta’ Ġesù!

Patri Mario Attard OFM Cap

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.