Il-Ħamis, 31 ta’ Ottubru 2019: Fl-omelija tal-quddiesa fil-kappella tad-Dar Santa Marta, il-Papa għamel riflessjoni dwar l-ewwel qari tal-liturġija meħud mill-Ittra ta’ San Pawl lir-Rumani. Franġisku spjega illi l-Appostlu tal-Ġnus jista’ jinħass xi ftit supperv u ċert iżżejjed minnu nnifsu meta jafferma li la t-taħbit, la d-dwejjaq, la l-persekuzzjoni, la l-ġuħ, la l-għera, la t-tiġrib, u lanqas ix-xabla ma jistgħu jifirduna mill-imħabba ta’ Kristu.
Madankollu, issokta l-Papa, meta naqraw lil San Pawl aħna aktar minn rebbieħa permezz tal-imħabba tal-Mulej. San Pawl hekk kien, spjega l-Papa Franġisku, għax mill-waqt li l-Mulej sejjaħlu fit-triq ta’ Damasku, hu beda jifhem il-misteru ta’ Kristu: innamra minnu, maħkum minn imħabba qawwija, kbira, mhux minn xi xena ta’ telenovela. Imħabba bis-serjetà, tant li kien iħoss lill-Mulej dejjem miegħu, jakkumpanjah kemm fit-tajjeb u wkoll fl-ikrah.
Dan kien iħossu bl-imħabba taħraq li kellu, qal il-Qdusija Tiegħu, li kompla jistaqsi: jien inħobbu hekk lill-Mulej? Meta jiġu fuqi l-waqtiet koroh inħoss li l-Mulej abbandunani, m’għadux iħobbni, u nkun irrid ninsieh?
Iżda Pawlu kien żgur li l-Mulej ma jabbandunana qatt. Kien fehem x’inhi l-imħabba ta’ Kristu f’ħajtu. Din hi t-triq li jurina Pawlu: it-triq tal-imħabba, dejjem, fil-ferħ u fl-għawġ. Dan hu l-kobor ta’ Pawlu, osserva l-Papa. Ma nistgħux infissru sewwa l-imħabba ta’ Kristu għax hi xi ħaġa ta’ kobor bla qies.
U proprju Kristu, li l-Missier stiednu biex isalvana, għamel ir-rieda tal-Missier bl-imħabba, ta ħajtu għalija: m’hemmx imħabba akbar milli wieħed jagħti ħajtu għal xi ħadd ieħor.
Niftakru fl-omm, fi mħabbitha, li tagħti ħajjitha għal binha, takkumpanjah tul il-ħajja, fil-waqtiet diffiċli… u dan hu biss ftit. Hija mħabba li tinsab qribna. L-imħabba ta’ Ġesù mhix imħabba astratta: hi mħabba bejni u bejnu, ma’ kull wieħed u waħda minna, b’isimna u kunjomna.
Fl-Evanġelju skont San Luqa, innota l-Papa, hemm xi ħaġa li turina kemm hi konkreta l-imħabba ta’ Ġesù. Meta kien qed jitkellem f’Ġerusalemm, Ġesù ftakar fil-bosta drabi li pprova jiġbor flimkien lil uliedha bħalma l-qroqqa tiġbor il-flieles taħt ġwinħajha. Imma ma rnexxilux… u Ġesù beka.
Imħabbtu wasslitu biex jibki, jibki għal kull wieħed u waħda minna. Kemm hemm tenerezza f’dan! Ġesù seta’ kkundanna ’l Ġerusalemm, jgħid ħwejjeġ koroh dwarha… imma jiddispjaċih għax mhix qed tħallih iħobbha bħalma l-flieles jinġabru taħt ġwenħajn il-qroqqa. Din hi t-tenerezza tal-imħabba t’Alla f’Ġesù. U dan Pawlu fiehmu. Jekk aħna ma jirnexxilniex inħossu t-tenerezza tal-imħabba t’Alla f’Ġesù, għal kull wieħed u waħda minna, qatt u qatt ma nistgħu nifhmu x’inhi l-imħabba ta’ Kristu.
Hija mħabba li tistenna dejjem, bis-sabar, l-imħabba li tilgħab l-aħħar karta ma’ Ġuda: ‘Ħabib’, kelma li ttih il-possibiltà li jindem, sal-aħħar. Mal-midinbin il-kbar ukoll, Hu jibqa’ jittama sal-aħħar għax iħobb b’din it-tenerezza.
Ma nafx jekk aħna naħsbux dwar dan Ġesù tant teneru, Ġesù li jibki kif beka quddiem il-qabar ta’ Lazzru, li beka x’ħin ra lil Ġerusalemm.
Għalhekk il-Papa Franġisku ħeġġiġna nistaqsu lilna nfusna nafux li Ġesù jibki minħabba fina, Hu li tana tant affarijiet filwaqt li spiss aħna nagħżlu li nimxu ‘minn triq oħra’.
L-imħabba t’Alla ssir demgħa; biki, biki ta’ tenerezza f’Ġesù, tenna l-Papa. Huwa għalhekk li San Pawl kien innamra minn Kristu u xejn ma seta’ jifirdu minnu.
Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber.