Lectio Divina tal-34 Ħadd u Festa ta’ Kristu Re. Sena “Ċ”

Print Friendly, PDF & Email

Vanġelu (Lq 23, 35-43): L-aħħar Ħadd tas-sena liturġika niċċelebraw il-festa ta’ Krist Re. Kemm-il saltna u renju qamu u ppruvaw jibqgħu għaddejjin. Ħafna spiċċaw. Liema saltna se tibqa’ sħiħa? Ir-reliġjon tagħna tgħid: is-Saltna t’Alla.  Imma rridu nifhmu x’inhi tassew.   

Wara l-40 jum fid-deżert Ġesu jiġi ttantat mix-xitan  biex iwaqqaf saltna ta’ did- dinja.   Xi drabi anki l-poplu ried jagħmluh re. Ġesu jirrifjuta, għax kienu qed jifhmu renju bħal ta’ did-dinja. Ix-xitan iħallih, imma kellu f’rasu jerġa’ jipprova.  Luqa  jgħidilna: “Ix-xitan daħal f’Ġuda.” Il-ħajjen jippreżenta ruħu bħala ħabib, allejat. Jgħid lil Ġesu: “Ara kemm hawn ħakkiema nġusti.  Int intelliġenti, kapaċi tqanqal is-sentimenti tal-poplu, u għandek il-mezzi kollha biex twaqqaf saltna ġdida li tfarrak is-saltniet l-oħra. Biss trid tinxteħet quddiemi”:  fi kliem ieħor  “trid taċċetta s-suġġerimenti tiegħi.  Jekk trid tmexxi trid tinganna u tisfrutta, għax jekk tkun onest u ma taħsibx fik innifsek imma  fil-ġid tal-oħrajn biss, ma tagħmel xejn.  Jekk tisma’ minni  jkollok il-poter, titla’ fil-għoli, u tiġi servut mhux isservi.”  Ġesu dejjem jirrifjuta dil-kwalita ta’ saltna.  Ġuda jbiegħ lil Ġesu biex mingħalih jisfurzah jirbaħ fuq l-għedewwa u jipproklama ruħu re potenti.  Ġesu juri lil kulħadd  x’saltna hi tiegħu: fuq salib.

Fit-Testment il-ġdid din it-tema nsibuha 120 darba, 90 minnhom minn fomm Ġesu stess.  Anki Pilatu tħawwad għax l-unika saltna li kien jaf kienet dik ta’ Tiberju.  Meta Ġesu pprova jispjegalu r-renju tiegħu, ma setax jifhem.  U bħalu ħafna oħrajn, anki llum, jippretendu li Ġesu jkun re bħal ta’ did-dinja.  Ġesu juri l-palazz tiegħu – il-kalvarju, post ta’ kastig u mistħija; tron – salib; kortiġjani u paġġi bl-inkini tagħhom = nies li jinsultaw u jiddieħku b’Ġesu;  il-porpra, il-kappa u ilbies fin ieħor -kompletament għeri; il-bodyguards = żewġ ħallelin.  Li kien għax-xitan, Ġesu kien jinżel minn fuq is-salib, imma mbagħad is-salvazzjoni ma kinitx isseħħ. Ġesu jibqa’ fuq is-salib sal-aħħar.  Għalkemm f’għajnejn in-nies kien jidher renju tellief, Ġesu jrid jurina li hekk ikun renju rebbieħ.  Is-salib joffrilna test tal-fidi.  Fis-silta nsibu tliet gruppi ta’ spettaturi:

  1. Il-poplu – kienu qed iħarsu, kwieti – ma jistgħux jifhmu kif jista’ jkun Ġesu ġwejjed hu l-Messija, bin David.  Aktar tard imma Luqa jgħid: “Marru lejn id-dar iħabbtu fuq sidirhom”.  Qisu qed jitħassru dan il-poplu, għax il-mexxejja m’aċċettawx it-tagħlim ta’ Ġesu u ma ppreparawx sew lill-poplu. Minn flok kienu jgħidu:  “Il-Messija kellu jkun superman.  Ġesu mhux superman, mela mhux hu l-Messija.”  Mela llum aħna għandna d-dover li  l-ewwel nifhmu sew li renju li jiddomina bil-forza se jintemm;  imma  renju fejn wieħed jagħti ħajtu għall-oħrajn, fejn jirrenjaw ukoll l-imħabba u l-vera paċi, hu renju li jibqa’ għal dejjem. U mbagħad dal-kunċett irridu ngħadduh lill-oħrajn.  Huma jridu jagħżlu bejn it-tnejn.
  2. Il-kapijiet: “Salva lilek innifsek”.  Huma kienu l-veru kaġun tal-kundanna ta’ Ġesu.  Issa qed jgħidu: “Inżel minn hemm u nemmnu fik.”  Kieku Ġesu obdihom kien jirrappreżenta lil Alla qawwi u li jiddomina – il-kuntrarju tax-xbieha kollha t’Alla li Ġesu ġie biex jurina: Alla li jservi – din hi l-vera vittorja.  Hawn reġa’ għandna x-xitan li permezz tal-kapijiet  qed jgħid lil Ġesu: “Aħseb fik innifsek.  Salva lilek innifsek biex twaqqaf is-saltna tiegħek.”  Naturalment, kif rajna, dan kien ikun renju tad-dinja.
  3. Is-suldati: jiddieħku bih u joffrulu l-ħall. Kienu merċenarju Sirjani, msieken ‘il bogħod mill-familja, iservu lir-Rumani bi ftit flus. Għalhekk, fejn jistgħu kienu nġusti mal-Lhud għax razza differenti. Jisfruttaw id-debboli għax jemmnu f’renju fejn il-forza, il-poter u l-flus ituk suċċess. E.g. Meta ġie l-bżonn biex jgħinu lil Ġesu bis-salib sfurzaw liċ-Ċirinew, u mhux jitqanżħu huma.  Ix-xitan jinqeda b’dawn ukoll biex ikompli bit-tentazzjoni: “Jekk inti r-re tal-Lhud, salva lilek innifsek.  Jekk se tkompli għall-forza tirrispondi bl-imħabba, se tfalli.”  Anki llum ix-xitan jinkarna ruħu f’xi wħud li jirranġunaw l-istess.

Il-kitba fuq is-salib: xhieda u konferma li l-Messija mhux kif pinġewh il-Lhud imma kif ried Ġesu li jkun: qaddej li jsofri u jagħti ħajtu.   U min jimxi warajh irid iwieġeb għall-mibegħda bl-imħabba. Ikona Griega turina Ġesu fuq is-salib bħala għarus innamorat mal-umanita. Ikona oħra mhux INRI għandha iżda “Ir-Re tal-Glorja”.  Il-glorja t’Alla qed turi ruħha fl-imħabba kbira li għandu għall-bnedmin.  Mela mhux re li jwaddab is-sajjetti u n-nar, imma anki l-offiżi ta’ l-għar midneb iweġibhom bl-imħabba.  Dan hu l-għarus tassew, ir-Re tal-glorja. L-ikona turi lil Ġesu wieqaf, b’għajnejh u ħalqu magħluqin.  I.e. dak kollu li kellu jgħid fuq l-imħabba qalulna.  Ġesu jidher ukoll nofsu fil-qabar,  li hu forma ta’ ambone,  għax minn issa ‘l quddiem se tibda tixxandar il-kelma tiegħu.  Aħna li nisimgħuha rridu nikkontemplawha sew biex nifhmu u nagħżlu s-Saltna t-tajba. Fil-quddiesa, il-frażi “Dan hu l-Ħaruf t’Alla…”  hija stedina biex ningħaqdu mal-Ħaruf  u s-Saltna awtentika tiegħu.

  • Iż-żewġ ħallelin:  wieħed jinsultah bħall-kapijiet u s-suldati. Jirrepeti l-kliem tax-xitan: “Salva lilek innifsek..”  Is-saltniet il-ħżiena huma kriminali għax jgħassru u kull tant anki joqtlu għall-poter.  L-ieħor ma jaċċettax dil-proposta u jgħidlu: “Int ma tibżax minn Alla.  Ma tridx tifhem il-pjan t’Alla għall-bniedem.  Aħna ħaqqna l-kastig imma dan m’għamel xejn ħażin.”  Imbagħad  isejjaħ lil Ġesu b’ismu.  Rari nsibuha din fl-evanġelji għax turi li dan qed iqis lil Ġesu bħala ħabib.  “Ftakar fija…” mela fehem x’kienet tassew is-saltna ta’ Ġesu.  Kull midneb “qatel” xi ftit lil ħuh bl-inġustizzji, malafama, zekzik, eċċ. Mela dal-ħalliel qed jirrapreżentagħna, u bħalu rridu nduru lejn Kristu u ngħidulu:  “Issa li qiegħed fil-glorja introduċina għar-renju tiegħek; erfagħna mir-renji ħżiena li kuljum jittantawna biex inħaddnuhom.”  Il-ħalliel jitlob lil Ġesu: “Ftakar fija..” Ġesu jwieġeb: “ILLUM…”  Aħna wkoll jekk nagħżlu sew, se mmorru l-Ġenna.  Il-kelma Paradiso tfisser ġnien kbir mimli ħajja, sbuħija, ilma ġieri, kullimkien iħaddar b’siġar, pjanti u fjuri jfuħu.

Ref:  lachiesa.it/liturgia/data/omelie/padre fernando armellini        

%d bloggers like this: