It-Tlieta, 3 ta’ Diċembru 2019: Il-liturġija tal-lum titkellem dwar l-affarijiet żgħar. L-ewwel qari meħud mill-profeta Iżaija jħabbar: ‘Dakinhar tinbet fergħa miz-zokk ta’ Ġesse, toħroġ rimja minn għeruqu: fuqu jistrieħ l-Ispirtu tal-Mulej….’ Il-Kelma t’Alla tfaħħar iċ-ċokon u tagħmel wegħda, il-wegħda ta’ żerriegħa. U x’hemm iċken minn żerriegħa? Iżda fuqha jistrieħ l-Ispirtu tal-Mulej.
Ir-redenzjoni, ir-rivelazzjoni, il-preżenza t’Alla fid-dinja dejjem hekk tibda u dejjem hekk hi. Alla jirrivela ruħu fiċ-ċokon, fl-umiltà. L-imkabbra jidhru setgħanin …. niftakru fit-tentazzjonijiet ta’ Ġesù fid-deżert fejn ix-xitan jidhirlu fis-setgħa tiegħu, sid id-dinja: ‘Kollox intik jekk int….’
Imma l-ħwejjeġ t’Alla jibdew bin-nibta, minn żerriegħa, miċ-ċokon. U Ġesù jkellimna dwar dan fl-Evanġelju.
Ġesù jifraħ u jiżżi ħajr lill-Missier għax ma weriex ruħu lis-setgħanin imma liċ-ċkejknin u, osserva l-Papa, aħna mmorru ħdejn il-presepju fejn hemm iċ-ċokon t’Alla.
F’komunità nisranija fejn fidili, saċerdoti u isqfijiet ma jimxux f’dit-triq taċ-ċokon, jgħib il-ġejjieni: kollox jiġġarraf. Dan rajnieh iseħħ fil-proġetti l-kbar tal-istorja: Insara li ttantaw jikbru fil-forza, bil-kburija, bil-ksib.… Imma s-Saltna t’Alla tinbet fiċ-ċokon, dejjem fiċ-ċokon.
U hemm ħaġ’oħra li tgħin u tagħti l-forza: ‘Dakinhar toħroġ fergħa miz-zokk ta’ Ġesse, toħroġ rimja minn għeruqu: fuqu jistrieħ l-Ispirtu tal-Mulej….’ L-Ispirtu dejjem jagħżel liċ-ċkejken għax ma jistax jidħol fl-imkabbar, fis-supperv, f’min hu mimli bih innifsu. Ir-rivelazzjoni tal-Mulej isseħħ fil-qalb ċkejkna.
Il-Papa żied jgħid li t-teoloġi mhumiex dawk li jafu ħafna teoloġija. Forsi jafu kollox, ikkummenta, insejħulhom enċiklopedija tat-teoloġija, imma ma jafux jagħmlu t-teoloġija għax din issir għarkupptejna, meta niċċekknu.
Għalhekk il-veru ragħaj – saċerdot, isqof, papa, kardinal – huwa dak li jiċċekken, inkella mhu ragħaj xejn. Pjuttost isir il-maniġer tal-uffiċċju. Dan jgħodd għal kulħadd, ibda minn dak li għandu rwol li jidher importanti fil-Knisja u temm fix-xwejħa li tagħmel il-karità bil-moħbi.
Iċ-ċokon ma jfissirx li bniedem hu beżżiegħ, li wieħed jingħalaq fih innifsu. Bil-maqlub, iċ-ċokon hu kbir, għandu ħila jirriskja għax m’għandu xejn x’jitlef.
Huwa proprju ċ-ċokon li jiftaħ il-qalb biex tkun ġeneruża għax tagħtina l-ħila li nħarsu lil hinn minna nfusna kif qal San Tumas ta’ Akwinu fis-Summa Teologica meta spjega kif għandu jġib ruħu l-bniedem quddiem l-isfidi tad-dinja. In-Nisrani għandu jagħraf iċ-ċokon tiegħu biex ma jgħixx ta’ beżżiegħ.
San Tumas iwissi biex ma nibżgħux mill-affarijiet kbar – illum jurina dan ukoll San Franġisk Saverju. Ibqa’ miexi bla biża’, imma fl-istess ħin żomm f’moħħok il-ħwejjeġ iż-żgħar. Dan hu divin.
Il-punt tat-tluq tan-Nisrani hu dejjem iċ-ċokon. Jekk waqt it-talb ma jħossx iċ-ċokon tiegħu, il-limitazzjonijiet tiegħu, dnubietu, bħal dak il-pubblikan li kien jitlob fil-bieb tal-knisja, mistħi: ‘Mulej aħfirli għax jiena midneb,’ ma jistax jimxi ’l quddiem. Iżda jekk inti taħseb li int Nisrani tajjeb, u titlob bħall-fariżew li ma ħariġx ġustifikat mit-Tempju: ‘Inroddlok ħajr o Alla, għax jien kbir!’…. Le, niżżu ħajr ’l Alla għax aħna ċkejknin.
Il-Papa temm jgħid li jħobb jamministra s-Sagrament tal-maħfra u l-aktar li jħobb iqarar huma t-tfal. Il-qrar tagħhom hu sabiħ ħafna għax jirrakkuntaw fatti konkreti, per eżempju: ‘Għidt hekk,’ u jirrepetulek il-kelma.
F’dak li hu ċkejken hemm il-konkretezza, ikkummenta l-Papa Franġisku. ‘Mulej, jiena midneb għax għamilt hekk u hekk…’ Din hi l-miżerja tagħna, iċ-ċokon tagħna. ‘Imma ibgħat l-Ispirtu sabiex jien ma nibżax mill-affarijiet kbar, ma nibżax meta inti tagħmel miegħi affarijiet kbar f’ħajti.’
Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber