Raġġ ta’ tama f’nofs diżastru ta’ drittijiet umani

Print Friendly, PDF & Email

Rapport tal-ACN: Il-Kristjani huma l-aktar grupp ippersegwitat fid-dinja

Hekk kif ħafna nies kienu qed jixtru waqt Black Friday, oħrajn iċċelebraw Red Friday biex jesprimu l-appoġġ u s-solidarjetà tagħhom mal-Kristjani li huma ppersegwitati, fejn xi drabi saħansitra jkollhom ixerrdu demmhom minħabba l-fidi tagħhom. Għat-tnedija ta’ Persecuted and Forgotten? A Report on Christians oppressed for their faith 2017-19, li saret fil-Corinthia Hotel, Ħ’Attard attendew kemm benefatturi u ħbieb tal-ACN (Malta). Il-kelliem ewlieni kien John Pontifex, Kap tal-Istampa u l-Informazzjoni tal-ACN (Renju Unit) kif ukoll Editor-in-Chief tal-istess rapport.

20191203 - ACN - Persecuted and ForgottenPermezz ta’ stħarriġ, ir-Rapport sab li l-Kristjani huma l-aktar grupp ta’ fidi li qed ikun ippersegwitat fid-dinja.  F’termini tan-numru ta’ persuni involuti, il-gravità tad-delitti mwettqa u l-impatt tagħhom, il-persekuzzjoni tal-Kristjani hi l-agħar waħda li nsibu fl-istorja, fi kwalunkwe żmien.

Pontifex iddeskriva l-persekuzzjoni tal-Kristjani madwar id-dinja bħala diżastru tad-drittijiet tal-bniedem li hu aggravat bil-fatt li s’issa ftit kien hemm attenzjoni dwar dan mill-midja internazzjonali.

Hu semma’ l-istorja ta’ kif Antoine, Kristjan Sirjan li kien iltaqa’ miegħu f’Aleppo, u li qallu kif għamlulu pistola ma’ rasu u sikkina ma’ griżmejh biex jiċħad it-twemmin tiegħu. “L-ewwel mistoqsija li l-ġellied tal-ISIS staqsa lil Antoine kienet, ‘Int Kristjan?’ Meta Antoine ammetta, hu kien immedjatament maħtuf u ttorturat.”

Pontifex ittratta l-oqsma ewlenija fir-rapport. Hu qal “Bit-theddid dejjem ikompli jikber issa hi l-Asja t’Isfel u tal-Lvant li qed tkun meqjusa bħala l-hotspot il-ġdida tal-persekuzzjoni, b’massakri fuq il-Kristjani, splużjonijiet ta’ knejjes bil-bombi, arresti ta’ fidili mingħajr akkużi u stuprar, konverżjonijiet sfurzati, akkużi foloz u kampanji ta’ intimidazzjoni permezz tal-midja. Dan hu dak li jfisser li tkun Kristjan fil-Pakistan, fiċ-Ċina, fl-Indja, f’Burma u fis-Sri Lanka.”

It-tieni punt hu li l-impatt tal-persekuzzjoni b’ġenoċidju fejn dejjem iżjed qed tiżdied il-possibiltà li l-Kristjaneżmu jgħib mill-artijiet Bibbliċi tiegħu, l-aktar fl-Iraq u fil-Palestina, u b’sinjali inkwetanti ħafna ta’ bidla anki fis-Sirja.

Madankollu, Pontifex esprima ukoll it-tama, l-aktar grazzi għall-ħidma ta’ organizzazzjonijiet bħall-ACN u permezz tal-ġenerożità tal-benefatturi tagħha.  Hu qal “F’kull pajjiż li żort, rajt il-ħidma prattika li qed twettaq l-ACN: djar mibnija mill-ġdid, proviżjonijiet ta’ ikel, sorijiet li joffru kura lill-anzjani u lill-morda, knejjes irranġati wara li kienu desagrati u tama ġdida f’diversi modi.”

L-ACN għenet biex ikunu rranġati madwar 2,000 dar f’Qaraqosh, l-ikbar belt f’Ninwè fl-Iraq. Il-knejjes qegħdin ikunu rrestawrati u n-negozji, l-iskejjel, l-orfanatrofji u l-kunventi qed jerġgħu jibdew jiftħu.

Pontifex qal li hemm xaqq ieħor ta’ tama, u dan hu l-livell bla preċedent ta’ kuxjenza pubblika dwar il-persekuzzjoni f’livell li qatt ma rajna qabel. Skont ir-Rapport: “Inizjattivi mill-komunità internazzjonali b’reazzjoni għall-persekuzzjoni tal-Kristjani ħarġu bħala tema ewlenija. Fir-Renju Unit u fi bnadi oħra, il-gvernijiet ħatru mibgħuta speċjali għal-libertà reliġjuża, biex imexxu ’l quddiem id-drittijiet ta’ dawk li jemmnu kemm f’livell ta’ gvern kif ukoll ta’ soċjetà sekulari.”

“Madankollu,” hu qal l-isfida hi li jitwettqu fil-prattika d-dikjarazzjonijiet tagħhom.”  Hu kkonkluda li għal ħafna komunitajiet Kristjani, li jinsabu f’riskju li jinqerdu għal kollox, m’hemmx aktar ħin x’jinħela.  Biex dawn isalvaw, jeħtieġ li din tkun priorità għal kulħadd.

Mons Prof. Hector Scerri, l-Assistent Ekkleżjastiku tal-ACN (Malta), afferma li persuna dejjem tikkommovi ruħha meta tisma’ rakkonti li jiddeskrivu l-persekuzzjoni tal-Kristjani madwar id-dinja. Hu qal li l-Kristjani ppersegwitati huma sinjal viżibbli ta’ dawk li qed ibatu kif ukoll ta’ Kristu Rxoxt. Waqt li x-xhieda tagħhom hi għajta għas-solidarjetà, it-tbatija tagħhom tfakkarna l-ħin kollu fis-sejħa għall-impenn Kristjan bħala dixxipli ta’ Kristu.  Mons Scerri enfasizza li t-tliet dokumenti ta’ Papa Franġisku jmorru id f’id mal-avveniment. Dawn huma Il-Ferħ tal-Vanġelu (2013) li hu dak li l-Kristjani huma msejħa biex ixandru, akkost ta’ kollox; Ifirħu u Thennew (2018) li hu sejħa għall-qdusija, u tifkira tal-aħħar Beatitudni, fejn dawk li huma ppersegwitati f’isem Kristu huma mistiedna biex jifirħu minħabba l-privileġġ li jbatu minħabba s-sejħa Kristjana tagħhom, u t-tielet dokument tal-Papa Franġisku jismu Kristu Jgħix għax juri kif il-Mulej jgħix, ibati u jqum għal ħajja ġdida fl-esperjenzi ta’ ħutna l-Kristjani ppersegwitati.

Id-Direttur Nazzjonali tal-ACN (Malta), Stephen Axisa, qal: “Nesprimu t-tama li dan ir-rapport jgħin lill-gvernijiet, lill-policy makers, lill-komunità internazzjonali u lil kull min hu mħasseb dwar il-kundizzjonijiet umanitarji, soċjali u morali biex jidentifikaw il-firxa u l-iskala tal-problema tal-persekuzzjoni, filwaqt li jieħdu passi biex jibdew isolvuha. Dawk li jixtiequ jaqraw ir-rapport jistgħu wkoll iżuru: https://persecutedchristians.acninternational.org/

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d bloggers like this: