Il-Papa f’Santa Marta: Id-deżert iwarrad bis-saħħa tal-Mulej

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħamis, 19 ta’ Diċembru 2019: Id-deżert iwarrad. Fil-quddiesa tallum, fil-kappella tad-Dar Santa Marta, il-Papa uża din it-tixbiha meħuda mill-Profeta Iżaija biex ifakkarna li Alla jista’ jibdel kollox, bil-gratwità, għax il-ħajja hija impossibbli fid-deżert magħmul biss mir-ramel.

L-istedina tal-Papa kienet sabiex aħna nħarsu dil-gratwità għax it-tifsira tad-dnub hi li aħna rridu nsalvaw lilna nfusna.

Fiż-żmien ta’ stennija għall-Milied, il-Liturġija tqiegħed quddiemna żewġ deżerti, jew aħjar żewġ nisa ħawlija: Eliżabetta u omm Sansun.  L-istorja ta’ Eliżabetta tfakkarna wkoll fl-istorja ta’ Abraham u Sara.

L-isterilità hija deżert għax mara ħawlija tibqa’ mingħajr dixxendenti.  Iżda ż-żewġ nisa huma bnedmin ta’ fidi, il-fiduċja tagħhom hi fil-Mulej.  It-tnejn li huma jnisslu u jagħtu l-ħajja.

Dan miraklu?, staqsa l-Papa.  Le, hu xi ħaġa aktar: huwa l-bażi, huwa l-pedament tal-fidi tagħna.  It-tnejn li huma jnisslu għax Alla jista’ jibdel kollox, anke l-liġijiet tan-natura.  Alla għandu s-setgħa li bil-Kelma tiegħu jiftaħ it-triq.

Ir-rigal t’Alla huwa l-gratwità.  Il-ħajja ta’ dawn iż-żewġ nisa hi espressjoni tal-gratwità ta’ Alla.

Aħna ma nistgħu qatt naħsbu li nistgħu nsalvaw lilna nfusna; kollox hu grazzja.  San Ġwann il-Battista u Sansun huma simboli ta’ dil-gratwità tas-salvazzjoni.

Dawn iż-żewġ persuni huma  l-‘gratwita ta’ Alla’, anzi s-simbolu tal-gratwità li biha ksibna s-salvazzjoni.  Għax ħadd ma jista’ jsalva lilu nnifsu.

Il-Mulej biss isalva.  Hu biss għandu s-setgħa jeħlisna mill-miżerji tagħna, mill-atroċitajiet.  Jekk nieqes mill-fiduċja li s-salvazzjoni hi gratwita, ma tistax issalva.  Iżda jeħtieġ ikollna l-fidi u din ukoll hi don ta’ Alla.

Ħadd minna ma jistħoqqlu jsalva! ‘Jiena nitlob, insum ….’ Iva, sewwa tagħmel, imma jekk dan kollu ma jinbitx minn dil-gratwità ta’ Alla, ikun kollu ta’ xejn.

Aħna sterili.  Ilkoll.  Sterili għall-ħajja tal-grazzja, sterili għas-sema, sterili biex inisslu l-qdusija.  Hemm biss il-gratwità.  Huwa għalhekk li aħna ma nistgħux niftaħru li aħna ġusti.

Padre jien Kattoliku, immur il-quddies il-Ħadd, membru f’din l-għaqda.’  Għidli, staqsa l-Papa, b’daqshekk inti qed tixtri s-salvazzjoni?  Taħseb li dan se jsalvak?  Ikun għajnuna għalik biex issalva dment li inti temmen fil-gratwità tad-don ta’ Alla.  Kollox huwa grazzja.  Għalhekk aħna msejħin biex naduraw lil Alla u niżżuh ħajr għal tant ‘grazzja’.

Iż-żewġ nisa li ltaqjna magħhom fil-Liturġija tal-ġurnata jwelldu trabi li kellhom ikunu kbar fl-istorja.  Sansun, bniedem ta’ taqbid u b’saħħtu, wara li ħeles lill-poplu mill-Filistin, ‘forsi ma tantx ta kas tar-rigal gratwit li kien irċieva’ u għamel żball, waqa’ f’idejn mara li bigħetu lill-Filistej.  Imma nidem.  Il-Papa fakkar l-istorja ta’ Sansun biex jurina li aħna lkoll midinbin u d-dnub hu li aħna ma nindukrawx il-gratwità.

Jien konxju li d-dnub hu li ma nindukrax il-gratwità?, staqsa l-Papa.  Meta mmur inqerr, x’nagħmel?  Ngħid dnubieti bħall-pappagall, jew ngħidhom għax inħoss li rriskjajt li nitlef il-gratwità biex ikolli xi ħaġa tiegħi?

Biex nindukraw il-gratwità rridu niftakru f’Sansun: magħżul, twajjeb, li lejn tmiem ħajtu żelaq, imma reġa’ qam.  Aħna nistgħu niżolqu u naħsbu li nistgħu nsalvaw lilna nfusna.  Dan huwa d-dnub.

F’dal-jiem ta’ tħejjija għall-Milied infaħħru lill-Mulej għall-gratwità tal-ħajja, għal dak kollu li jtina b’xejn.  Kollox huwa grazzja.

Għalhekk għandna neżaminaw lilna nfusna biex nifhmu jekk aħna nindukrawx dil-gratwità jew jekk inqegħduhiex f’riskju bid-dnubiet tagħna.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber

Leave a Reply

%d bloggers like this: