Presepju minqux f’siġra

Print Friendly, PDF & Email

Fi knisja ddedikata lill-Madonna, fil-belt ta’ Bruges, fil-Belġju, hemm Presepju modern,  imnaqqax f’zokk ta’ siġra tal-ħarrub li għandha mal-100 sena. Iz-zokk, li nġieb minn post jismu KNESSELARE, kien ġie mwarrab għax ma kienx hemm  bżonnu. Imma minn zokk meqjus bħala tajjeb biss għar-rimi, il-qassis u skultur Omer Gilliet, mir-raħal ċkejken fil-port ta’ BRESKENS, ħoloq biċċa xogħol oriġinali u prezzjuża.

Bħalma jgħidu l-ġenituri li wliedhom ‘niżlu mis-sema’, hekk ukoll l-artist ta’ dan il-Presepju jista’ jqis l-arti li naqax fiz-zokk tas-siġra. Il-fatt li z-zokk kien inġieb minn Knesselare għall-belt ta’ Bruges għandu tifsira importanti. Bruges, li tinsab fin-naħa ta’ fuq tal-Belġju, ġejja mill-kelma ‘brug’, li tifsser ‘bridge‘. Hekk ukoll Ġesu’ Kristu hu l-pont bejn Alla u l-bnedmin.

Fuq iz-zokk tal-Presepju, fin-naħa ta’ barra, hemm minquxin figuri li jirrappreżentaw nies mill-imgħoddi u mill-preżent. Jekk nibdew mill-lemin taz-zokk imħaffer, insibu lil RAKELI, li kienet il-mara ta’ Ġakobb u omm Ġużeppi u Benjamin. Rakeli qed tibki għal uliedha, li ġew maqtulin mingħajr ħtija. Din hi tixbieha tal-ommijiet tat-tfal innoċenti li ġew maqatula mir-re Erodi u li jissemmew fl-Evanġelju. F’Rakeli tinġabar it-tbatija tad-dinja kollha. Taħt riġlejn Rakeli hemm imnaqqax il-QAMAR, li qieghed f’qaghda stramba: b’idejħ fil-but. Ifisser dawk il-bnedmin li ma jimpurtahomx mill-oħrajn li huma msejkna.

Tipponta ‘l fuq lejn il-lemin insibu sinjal mhux tas-soltu fil-Presepju: il-comma. Il-’comma’ hi f’kuntrast mal-’fullstop’. Xi nies iqiegħdu ’fullstop’ wara ħajjithom għax għalihom il-mewt hi t-tmiem ta’ kollox. Bħalma sentenza mhix sħiħa jekk  fit-tarf hemm ‘comma’, hekk iI-ħajja tibqa’ miftuħa u mimlija tama, għax il-mewt mhix it-tmiem. Hi l-bieb għal ħajja ġdida ta’ mħabba u ta’ ferħ li ma jispiċċax. Fil-Presepju taħt il-’comma’ insibu ħajja ġdida: tarbija ċkejken qed jilgħab ferħan bla ma jimpurtah minn dak li għaddej fid-dinja ta’ madwaru.  Iċ-ċkejken hu iżjed ħsiebu fil-ħolmiet fil-ħajja ta’ quddiemu milli f’dak li qed jiġri issa.

Ftit aktar ‘il fuq, il-Presepju jlaqqagħna ma’ Mose’, il-mexxej kbir li mexxa l-poplu tiegħu mill-jasar tal-Eġittu u għaddih mid-deżert għall-art imwiegħda. Mose’ jirrappreżenta lil dawk kollha li għandhom ir-responsabbilta’: il-ġenituri lejn uliedhom, il-politiċi lejn dawk li huma fil-ħtieġa, il-foqra u l-emarġinati. Mose’ qed iħares bil-ħerqa ‘l fuq, bħal kieku jrid jgħidilna li qed jistenna l-ħelsien li se jġibilna il-Mulej.

Iktar ‘il  hemm, fuq il-lemin, insibu r-ragħajja bin-nagħaġ tagħ-hom. Huma wkoll qed iħarsu lejn is-sema. Fuq il-ħofra ta’ ġos-siġra tidher il-kewkba, li fiha sitt ponot, bħall-kewkba ta’ David, li minnu hu mnissel Ġesu’. Il-kewkba hi magħmula minn żewġ trijangoli li jgħaddu minn xulxin. Trijanglu minnhom iħares ‘il fuq, jindika s-setgħa u l-ħakma. It-trijangolu l-ieħor iħares ‘ l isfel, donnu qed ibaxxi rasu f’umilta’ u f’sens  ta’ qadi. Hekk Ġesu’, li jiġi fil-lejl tal-Milied fostna minn fuq, minn għand il-Missier, ġie biex jaqdina.

Jittajjar fuq il-kewkba hemm l-ħamiema, is-simbolu tal-Ispirtu s-Santu. L-Ispirtu s-Santu jġib il-ħajja, huwa dak li jżomm il-ħolqien u jkompli l-Fidwa ta’ Ġesu’. L-ispirtu s-Santu hu dejjem  ħaj f’Ġesu’ kif ukoll f’kull wieħed u waħda minna.

Kitba ta’ Joe Galea

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d bloggers like this: