Lectio Divina. Familja Mqaddsa. Sena A

Print Friendly, PDF & Email

Vanġelu (Mt 2, 13-15, 19-23):  Fir-rakkont ta’ dil-ġrajja, il-Vanġeli Apokrifi ħallew il-fantasija tiġri bihom. Isemmu li f’dan il-vjaġġ seħħew mirakli, iljuni li pproteġu lill-Familja mqaddsa, weraq tal-palm li miel biex it-tamal ikun milħuq, eċċ.  Jiħtieġ ngħidu li dil-ġrajja la hija ħrafa u l-anqas mhi biss fatt storiku. Hemm bżonn nikkonċentraw fuq il-messaġġ li Mattew ried iwasslilna.

Ir-Rabbini kienu jsibuha eħfef biex jgħallmu lill-poplu bir-rakkonti milli b’argumenti astratti jew Tejoloġiċi. Is-silta tal-lum hi waħda minn dawn ir-rakkonti spirata minn dak li għadda minnu l-poplu Lhudi fl-Eġittu.  Għalhekk, l-importanti hu mhux x’ġara lil Ġesu, imma min kien Ġesu, u x’kienet il-missjoni tiegħu.

  1. “Deher anġlu tal-Mulej.” Din hi frażi komuni li tintuża fil-Bibbja biex tindika li Alla stess ried jagħmel intervent dirett biex jikkomunika x’kien il-pjan tiegħu għal ċerti nies. “F’ħolma…” Din hi forma oħra użata biex turi l-istss ħaġa. Alla għarraf  “f’ħolma”  x’kellha tkun il-missjoni ta’ Abram, Ġakobb u ibnu Ġużeppi (li mbagħad fisser il-ħolm tal-Farawni), u Salamun.  Mattew ukoll juża dil-forma sitt darbiet. Is-silta tal-lum turina kemm Ġużeppi kien dispost jimxi mar-rieda t’Alla u jobdi, mhux il-ħolm tiegħu, imma l-ħolm t’Alla. Biex nifhmu aħjar nistgħu nużaw il-frażi “waqt it-talb” flok “f’ħolma.” Hekk, meta Ġużeppi ntebaħ bit-tqala ta’ Marija, warrab it-tradizzjoni u l-għidut, u, “waqt it-talb”, Alla għarraflu r-rieda Tiegħu. Hekk jiħtieġ nagħmlu aħna wkoll. Waqt it-talb intimu tagħna m’Alla, nitfu d-dwal li jagħmuna, u nħallu jixgħel biss id-Dawl li jurina t-triq vera. B’hekk ikollna l-qawwa li nwarrbu l-ħolm u l-proġetti personali tagħna, u nħaddnu bil-ferħ ir-rieda t’Alla, avolja xi drabi din tkun iebsa.  Kull tant din tkun tgħodd għall-familja kollha: “Aqbad it-tifel u ‘l ommu u aħrab …”  Ġużeppi ma jgħidx kelma.  Jisma’ l-leħen tal-Mulej u jobdi mill-ewwel. L-istess kien għamel l-antenat tiegħu Abram, meta Alla qallu jitlaq mid-dar ta’ missieru u jmur f’art li kien għażel għalih. Hawn naraw l-istess disponibbilta’ u fidi li Alla sab kemm f’Abram u kemm f’Ġużeppi. Fl-istess ħin naraw l-armonija perfetta li kienet issaltan fil-Familja Mqaddsa. Marija tobdi lil Ġużeppi mill-ewwel, bla tlaqlieq u bla tgergir.
  2. Il-familja tal-lum trid tadotta din l-armonija l-aktar fi żminijiet ta’ prova. Għalhekk ikun jiħtiġilha tiskopra s-sigriet li bih tikseb din l-armonija. Dan kien li Ġużeppi u Marija kellhom punt ta’ riferiment li hu l-istess għat-tnejn li huma, i.e. l-għażliet tagħhom dejjem kienu jagħmluhom skont il-ħolm t’Alla, u kienu dejjem iħallu l-vuċi Tiegħu tmexxihom. Meta jinqala’ l-inkwiet fil-familji tal-lum, sikwit dan jispiċċa biex ikissirhom u jifridhom. Dan ma jiġrix lill-familja ta’ Nazaret għax kienu jiffaċċjaw il-problemi serji li ltaqgħu magħhom f’ħajjithom fid-dawl t’Alla. B’hekk it-tfixkil, flok kissirhom, aktar għaqqadhom flimkien. Hawn għandna messaġġ sabiħ lill-missirijiet. F’kull pass ta’ ħajtu, Ġużeppi qatt ma fittex l-interessi personali tiegħu.  Kull azzjoni li wettaq dejjem kienet favur l-oħrajn, u dejjem kien preżenti fis-skiet.
  3. Issa niġu għall-messaġġ ċentrali tal-lum. Iż-żewġ xeni fis-silta tal-lum, i.e. il-ħarba lejn l-Eġittu u r-ritorn lejn Israel, jispiċċaw bi kwotazzjoni mill-Bibbja. Dawn juru li Ġużeppi u Marija wettqu dak li kien imħabbar fl-Iskrittura: (a) “Mill-Eġittu sejjaħt lil ibni.”   Ħosegħa jirrakkonta kif Alla rawwem il-poplu Lhudi, kif jagħmel kull  missier m’ ibnu ċkejken: żammlu idu meta telaq jimxi, mellislu ħaddejh hu u jikber, temgħu u sqieh u, meta waqa’ lsir, bagħat kemm felaħ mezzi biex jeħilsu u jwasslu sa l-art imwiegħda. Imma meta dan l-iben (Israel) wasal s’hawn, kien tassew ħieles? Illum Mattew iwieġeb “Le.” Dan għax Erodi u rejiet oħra bħalu, minn żmien għal żmien, ħakmu b’tirannija. Kawża t’hekk, illum qegħdin naraw familja taħrab, mhux mill-qilla tal-Eġittu, imma ta’ Israel.  Illum ukoll insibu artijiet ta’ skjavitu’ fejn il-mexxejja jħaddnu ġustizzja skont il-kriterji egoisti umani u mhux Divini. Għalhekk Mattew jikkwota ‘l Ħosegħa biex juri li Ġesu ġie biex jeħlisna mhux mill-jasar materjali imma dak spiritwali, u mir-regħba tal-qawwija li, b’ċerti liġijiet favur tagħhom, jikkontrollaw il-finanzi, jipproduċu armi u jaħtfu l-ġid. B’hekk jikkawżaw gwerer u faqar.  Imma mhux dawn biss iġibu l-iskjavitu’. Hemm l-idoli li noħolqu aħna u li favur tagħhom aħna nagħmlu l-għażliet tagħna. Dawn huma l-passjonijiet, il-pjaċir, il-flus, is-suċċess ‘akkost ta’ kollox’, eċċ. Dawn jordnaw x’għandna nagħmlu tant li jkollna nilagħbu mal-kuxjenza, nagħmlu kompromessi, nigdbu jekk mhux inkunu vjolenti wkoll. Jekk ma naħarbux minn dawn l-idolu ma nistgħux ngħixu ta’ vera umani.  Mattew għalhekk jgħidilna llum li, f’nofs dawn il-forom ta’ skjavitu’, daħal l-Iben t’Alla biex joħroġna minnhom. Dan hu l-Mose ġdid li se jwassalna fl-art ħielsa.  (b) “Ikun jissejjaħ Nażri.” L-isem ‘Nazaret’ aktarx ġej mill-kelma ‘Nezer’ li tfisser rimja, i.e. zokk li se jwarrad u jagħti l-frott. Nistgħu nqabblu l-inħawi ta’ Nazaret ma’ fjura: fiċ-ċentru nsibu  r-raħal ċkejken ta’ Nazaret, u l-petali jiffurmaw l-għoljiet ta’ madwarha. Peress li dil-frażi (“Ikun jissejjaħ Nażri”) ma nsibuhiex fil-Bibbija, Mattew żgur qed jirreferi għall-profezija ta’ Isaija: “Miz-zokk kważi mejjet tad-dinastija ta’ David għad toħroġ fergħa  miz-zokk ta’ Ġesse, għad tinbet rimja minn għeruqu..”  (11, 1).  Dan il-fjur se jagħti bidu għas-Saltna li ma tispiċċa qatt.
  4. Ħafna m’għadhomx jużaw il-kelma ‘Putattiv.” Dan għaliex, għalkemm Ġużeppi ma kienx il-missier bijoloġiku ta’ Ġesu, fuq din l-art kien missieru għax hu rabbieh ma’ Marija biex minn tifel isir raġel. Hu rawmu fid-drawwiet u l-valuri li jagħmlu raġel Lhudi: l-imħabba għall-oħrajn, l-onesta’, l-attenzjoni għall-foqra u r-romol, stmerrija għal kull forma ta’ ipokresija, eċċ.  Dawn il-valuri Ġesu ħadhom minn għand Ġużeppi u Marija li għażilhom Alla għax kien jaf  li se jgħaddu lil Ġesu ix-xewqat Divini Tiegħu.

Sors: lahcies.it/liturgia/omelie/padrefernandoarmellini

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading