Ir-Raba’ Ġimgħa – It-Tieni Meditazzjoni
“Fik jien nittama, meta jkolli għal xiex nibża’.” – Salm 56:4
Kitba ta’ Fr Mark Toups. Illustrazzjonijiet ta’ Mike Moyers. Miġjub mill-Ingliż għall-Malti minn Francesco Pio Attard
Kemm minna r-realtà tal-Milied ftit li xejn baqgħet tfisser għalina? Lili hekk ġrali. Għax tant sirt familjari mas-siġar, id-dwal, u t-tiżjin, li sar wisq faċli għalija nippakkja l-25 ta’ Diċembru u mmur dlonk lura lejn kif kont ngħix qabel l-24 ta’ Diċembru. Il-Milied faċilment jista’ jinħass bħala ġurnata iktar milli Persuna. Il-jiem jiġu u jmorru. Il-jiem ma jibdlulniex ħajjitna; in-nies jibdlulna ħajjitna. Ma nistax nittratta persuna l-istess kif nittratta siġra tal-Milied. Meta jiena fdat b’Persuna vera fil-25 ta’ Diċembru, inqum fis-26 ta’ Diċembru u nirrealizza: “Din il-Persuna hemm għadha. Mhi sejra mkien. Għandha bżonni. Issa trid li jien nibdel ħajti. Din il-Persuna mhix bħal rigal. Mhix se titlaq”.
Hekk kif Ġużeppi bil-mod il-mod resaq f’riġlejn l-għoljiet kbar ta’ Betlehem, beda jikkwieta iktar u iktar. Marija, li kienet taf li kienet ftit tas-sigħat biss bogħod milli tiled lill-Feddej tad-dinja, hija wkoll saret iktar kontemplattiva. Il-passi ’l fuq lejn Betlehem kienu kwieti, għax kemm Marija u kemm Ġużeppi kellhom ħafna xi jtaqqlilhom ħsiebhom. Ma setgħux jerġgħu lura. Meta Marija tiled lil Kristu tarbija, ħajjiethom kienu se jinbidlu għal dejjem. Marija dan kienet tafu, u Ġużeppi dan kien jafu wkoll. Huwa u miexi, ħsiebu aktar fehem din il-verità li l-ħajja qatt ma kienet ħa tkun l-istess bħal qabel.
Issa idħol fix-xena int ukoll, qisha kienet il-mument preżenti. Immaġina lil Marija żżomm il-ġuf tqil tagħha u tixxengel b’ritmu fuq il-ħmar. Immaġina lil Ġużeppi, miexi ħiemed qabilhom. Agħti widen lis-skiet; ix-xena hi hekk ħiemda. Issa, immaġina li int miexi biswit Ġużeppi. Tista’ tħoss il-mixja tiegħu; tista’ tħoss nifsu dieħel ’il ġewwa. F’daqqa waħda, jieqaf mill-mixi, qisu għadu kemm irrealizza xi ħaġa li ħa tibdillu ħajtu. Mitluf fi ħsiebu. Hu wieqaf, hekk wieqaf. Bil-mod il-mod, dejjem bil-mod, idur lejn Marija. Għajnejhom jiltaqgħu mill-ġdid. Hi titbissem. Hu jiċċassa. Imbagħad, kważi jridu jtemmu l-ħsibijiet ta’ xulxin, jgħidu flimkien minn taħt l-ilsien: “Issa ma nistgħux nerġgħu lura għall-ħajja ta’ qabel”.
Għat-talb tiegħek
Fittex ftit tal-ħin waħdek illum. Sib xi mkien fil-kwiet. Ikkalma naqra. Qiegħed qalbek fil-kwiet. Agħlaq għajnejk u itlob lill-Ispirtu s-Santu jnebbħek u jmexxik int u titlob. Immaġina lil Ġużeppi ssummat fis-skiet. Immaġina l-waqfiet tiegħu, lilu wieqaf ħiemed. Immaġina l-ħarsiet tiegħu lejn Marija hu u jirrealizza li l-ħajja qatt mhi ħa tkun bħal qabel. Ġib ix-xena quddiem għajnejk. Kun fix-xena. Kun ma’ Ġużeppi bħallikieku dan kien qed jiġri issa, fil-mument preżenti.
Xi kliem laqtek l-iżjed int u titlob?
X’kien li ħassejt jiċċaqlaq fil-qalb tiegħek?