F’dan il-Milied …


Jum biss ‘il bogħod mill-festa tal-Milied it-tħejjijiet għaċ-ċelebrazzjonijiet għaddejjin b’rittmu mgħaġġel bil-bosta. Ħafna qed jintefgħu, b’ruħhom u ġisimhom, għal dawn it-tħejjijiet. M’għandniex xi ngħidu, ġej żmien il-Milied. Madankollu, jekk il-Milied huwa l-festa tat-twelid tal-bniedem-Alla x’irrid li jitwieled fija f’dan il-Milied?

Personalment il-miġja tal-Iben il-Waħdieni ta’ Alla fostna l-bnedmin lili tkellimni ħafna. Għalija, bħala Franġiskan, Ġesù ma ġiex fid-dinja unikament biex isalvana. Mhux l-għaliex Ġesù ma ġiex għalhekk ukoll. Hemm ruxxmata profezziji fit-Testment il-Qadim li juru proprju dan! Iżda għalija Ġesù ġie fid-dinja biex, u fuq kollox, jaqsam imħabbtu magħna! Li jagħtina dak li hu tiegħu! Li jagħtina lilU nnifsu!

Dan il-fatt, ġej mit-teoloġija Franġiskana, għalija jitkellem il-volumi. Inħossni ħafna skomdu bl-idea li Ġesù ġie fid-dinja biex lili jtellagħni mill-ħofra li kont ninsab fiha, hemm, midfun, u daqshekk. Jiskomadni ħafna l-fatt li donnu dan Ġesù, lili tant kemm sabni miskin, li tħassarni, fejjaqni u ħallieni għal rieħi. Għax qal, fih innifsu: Dan ma żejjintux bil-libertà? Li jagħżel bejn it-tajjeb u l-ħażin? Dan ma jafx x’inhu t-tajjeb u x’inhu dak li jidher li hu tajjeb u jġib il-mewt? Ħa ngħidilkom ħbieb, li kieku Ġesù jirraġuna miegħi b’dan il-mod xorta waħda nibqa’ nħobbu. Għax żgur li qatt ma nista’ ninsa’ x’għamel għalija! Biss Ġesù lili mhux biss jirrispettani imma jħobbni! Mhux jippriedkali imma jgħallimni b’għemilu! Mhux biex jgħallimni iżda sar bħali tant li għannaqni ma’ qalbU! Ħa jagħmilni ħaġa waħda miegħU!

Hu dan il-punt li jġagħlni nħobb ħafna lil Ġesù! Għax sar bniedem mhux sempliċiment biex jifdini imma biex jaqsam imħabbtu miegħi! Sar bniedem biex jgħallimni s-sbuħija tar-relazzjonijiet! X’kelma din ħbieb! Ir-relazzjonijiet! Ajma! L-aktar illum! Fejn kulħadd għaddej itieha, itektek fuq dak l-imbierek smartphone u tablet! Fejn marru r-relazzjonijiet? X’sar minnhom? Għadhom fostna? Jew qed jgħibu bil-ftit il-ftit?

Int idħol ftit fil-ħajja tal-familja. U anki f’xi komunitajiet ukoll. Xi ssib? L-aktar waqt l-ikel? Jew is-sett tat-televiżjoni miftuħ inkella l-whatz up għaddej idoqq kemm jiflaħ! Daqskemm qed jirċievi messaġġi. Ħa nara għax issa għadhom kemm bgħatuli message! tkun it-tweġiba. U, minn naħa għall-oħra, l-istorja tibqa’ u tibqa’ iddur. L-għaliex bqajna għaddejjin fl-istess storja. U għadna fl-istess mode!

Il-komunikazzjoni ta’ bejnietna qiegħdha tonqos. L-ewwel raġuni żgur li hi minħabba l-gadgets! Dawn saru wisq importanti għalina. Fuq dawn qed tiddependi ħajjitna. Għandna ħafna kuntatti f’dawn il-gadgets! Għalina dawn saru jfissru ħafna. Prattikament saru wkoll il-librerija ambulanti tagħna. Fihom insibu minn kollox. Għalhekk iva saru jiġru magħna. Kulfejn imorru. Tant li mingħajrhom sirna ma noqgħodux!

Biss hemm fattur ieħor aktar inkwetanti minn hekk u li qiegħed, bħall-ħaxix ħażin, jinfiltra ħelu ħelu bejnietna: dak tal-kundanna. Qed ngħidu l-għaliex ngħaddi minnu jien ukoll. Bniedem ma tistax tirvinalu ħajtu sempliċiment għax ma taqbilx miegħu. Għax jew jadatta ruħu għal ‘sistema’ ivvintata minn xi erba’ tal-qalba jew inkella għarmieh ‘il barra. Emmnuni ħbieb li meta mmur f’postijiet sbieħ fil-kampanja, u nixrob dik l-arja safja fil-pulmuni tiegħi, għajnejja jimtlew bid-dmugħ. U tafu l-għaliex idemmgħu għajnejja? L-għaliex inħares lejn is-sema. Dak is-sema safi. Fejn ħadd fih ma ħa jew tawh xi arja. U, f’dak is-sema, nieħu tassew gost nitgħaxxaq bis-sbuħija u l-immensità tiegħu. Hemm, f’dak is-sema, ħadd ma jikkontrolla lil ħadd. U kulħadd jgħix ma’ kulħadd.
Mela, jekk fis-sema hemm din il-libertà kollha l-għaliex bejnietna, hawn fuq l-art, m’għandux ikun hekk ukoll? Għax jekk fis-sema hemm tant ferħ, tant fraternità, tant paċi, li l-anġli ma setgħux ma jkantaw: Glorja lil Alla fl-ogħla tas-smewwiet, u sliem fl-art lill-bnedmin li jogħġbu lilu! (Lq 2:14), l-għaliex meta tidħol f’ċerti familji, postijiet tax-xogħol u tad-divertiment u anki f’kunventi, ma ssibx din il-paċi? Għaliex, u dan ngħidu tassew b’qasma ta’ qalb, aħna ngħidu li d-dinja għandha bżonn il-paċi, meta bejnietna nsiru qattiela? L-għaliex inwarrbu lil xulxin? Neżiljaw lil xulxin? Naħkmu lil xulxin? Noqtlu l-libertà u d-doni ta’ xulxin? U nużaw kull tattika possibbli biex nagħmlu vjolenza sħiħa lir-reputazzjoni ta’ xulxin?

Għidli ftit, ara tidħolx f’xi familja, f’xi kunvent, f’xi post tax-xogħol u tad-divertiment u ssibx dak l-ilment? Għaddej minn taħt it-taħt? Dak l-ilment infernali ta’ min hu grat u jistħoqqlu u min min mhux? U allura ma jistħoqqlux? Ta’ min inqisuh b’qaddis u nifirxulu t-tapiti tal-VIPS u min, anki jekk bih il-Mulej qed jagħmel dik in-naqra ġid, irridu naraw kif nagħmlu ħa nagħlqulu ħalqu? Kemm insejna li, dak Ġesù li ġej fostna minn hawn u ħamest ijiem oħra, qasba mġelġla ma jiksirhiex, musbieħ inemnem ma jitfihx (Is 42:3)?

Forsi, meta narawH hemm, f’tarbija, naħsbu li dan Alla fidil. Għax tagħmel bih li trid! Għax Tarbija! Ċkejken! Vulerabbli! Imma kemm nagħmlu żball meta nagħmlu hekk! Ibża’ miż-żgħir! Miċ-ċkejken! Mill-vulnerabbli! Għax bihom il-Mulej jaħdem! Bihom iniżżel lil dawk li jagħmlu karriera ta’ poter minn fuq ħaddieħor bil-mod tal-biża’ li bih jittrattawhom! Bihom jagħti tagħlima tajba lil min, bħalissa, għaddej ipappieha l-għaliex għandu r-riħ fil-qala.’ U, jagħmel x’jagħmel, għandu min jaqbeż għalih. Għad jiġi ż-żmien meta ma jsibx min jaqbeż għalih aktar. U jkollu jitkaxkar mal-art. Fit-tajn tal-kburija u l-arroganza tiegħu. Għax fil-familja, fil-komunità, fuq il-post tax-xogħol u tad-divertiment, aġixxa ta’ dittatur. Eskluda. Iġġudika. U bagħad f’qalbu u b’għemilu lil dawk li kellu d-dmir li jħobb u jipproteġi. B’mibegħda goffa jew pulita. B’mibegħda li twarrab lil min qed ibati l-inġustizzja fi djarna u l-komunitajiet tagħna stess.

Għalhekk ejja Mulej Ġesù! Ejja ħa ġġibna ilkoll xorta! Ejja l-għaliex int is-Sid u s-Superjur tagħna. Int u Int biss! Ejja ħalli tgħallimna ngħixu bl-idejat u bl-ispiritwalitajiet differenti tagħna f’libertà assoluta. Għax, u wara kollox, Int u Int biss taf il-verità kollha fuqna. U ħadd aktar! Inklużi dawk li jirrapreżentawk fostna. Ejja Mulej Ġesù u għallimna nġibu ruħna ta’ ulied Missier wieħed u ta’ aħwa. Ejja ħalli l-familji, il-komunitajiet u s-soċjetà tagħna ifiqu. Għax, meta nkunu maħbubin minnek, u nħallu din l-imħabba libera u mingħajr l-iċken impożizzjoni tiegħek taħkimna, hekk li toħroġ għal xulxin, hemmhekk iva nibdew infiequ! Hemm nistgħu ngħidu li qed niċċelebraw Milied suriet in-nies! Milied, fuq kollox, surietek Mulej Ġesù! Ejjew mela nibdew ngħixu hekk minn dan il-Milied!…

Patri Mario Attard OFM Cap

Published by

laikosblog

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.