Illum il-Knisja tfakkar lil Santa Eliżabetta Anna Seton


Fir-4 ta’ Jannar l-Knisja tfakkar lil Santa Eliżabetta Anna Seton, Omm, Edukatura u Fundatriċi li għexet bejn is-snin 1774 sa 1821.

Din il-qaddisa twieldet fi New York City u kienet bint Richard Bayley, li kien professur tal-anatomija f’dik li llum tissejjaħ Columbia University. Ħuha minn omm oħra kien l-arċisqof James Roosevelt Bayley ta’ Baltimore. Kienet edukata u mtellgħa fir-reliġjon protestanta minn missierha li kien Episcopalian.

Ta’ 20 sena (1794) żżewġet lin-negozjant William Magee Seton u nvolviet ruħha f’ħidma soċjali billi għenet, fl-1797, fit-twaqqif tas-Soċjetà għall-għajnuna tan-nisa romol fqar bi tfal żgħar.

Ta’ 29 sena (1803) sabet ruħha armla b’ħamest itfal meta żewġha miet f’Pisa, l-Italja, fejn kien mar biex jieħu saħħtu. L-għajnuna u l-eżempji sbieħ tal-familja kattolika Filicchi li laqgħetha għandha meta kienet fl-Italja impressjonawha ħafna u nisslu fiha interess fir-reliġjon Kattolika.

Wara sitt xhur fl-Italja, Eliżabetta Seton marret lura fl-Istati Uniti u, fl-1805, il-fidi tagħha fl-Ewkaristija mexxietha flimkien mal-ħames uliedha biex saret Kattolika. Minħabba f’hekk niesha u ħbiebha ħaduha kontriha u abbandunawha.

Dr. Dubourg, superjur tas-Sulpizjani f’Baltimore, stedinha tibda skola għall-bniet f’din il-belt. Għemejjel ta’ ħniena kienu dejjem parti minn ħajjitha u għalhekk malajr fetħet skola għat-tfal foqra f’Baltimore bl-għajnuna ta’ erbat iħbieb tagħha. L-iskola mxiet ‘il quddiem u aktar tard is-superjur tas-Sulpizjani, bl-approvazzjoni tal-Arċisqof Carroll, ta lil Eliżabetta u ‘l sħabha regola ta’ ħajja. Kellhom ukoll il-permess li jagħmlu l-professjoni reliġjuża u jilbsu l-abitu reliġjuż.

Fl-1809, Eliżabetta ħadet il-komunità żagħżugħa tagħha f’Emmitsburg, fil-Maryland, fejn hi addottat ir-regola tal-Ulied tal-Karità ta’ San Vinċenz de Paul. Din il-komunità reliġjuża ġdida bdiet tissejjaħ s-Sorijiet (tal-Karità) ta’ San Ġużepp.

Fid-19 ta’ Lulju tal-1813 Madre Seton u sbatax minn sħabha għamlu l-voti u taw bidu għas-sistema ta’ skejjel parrokkjali fl-Istati Uniti, bla ma ttraskuraw il-qadi tal-foqra u speċjalment tan-nies ta’ kulur. Hi kienet tħarreġ lill-għalliema u hi stess ħejjiet text-books għall-użu fl-iskejjel.

Waqqfet ukoll orfanatrofji f’Filadelfja u fi New York. Is-sorijiet tagħha malajr xterdu mal-Istati Uniti u meta hi mietet, fl-4 ta’ Jannar 1821, ta’ 47 sena, kellhom diġà 20 dar. Is-sorijiet tagħha llum huma l-aktar numerużi fl-Istati Uniti u l-kontribut tagħhom fl-edukazzjoni tat-tfal u ż-żgħażagħ huwa tassew kbir. Santa Eliżabetta Anna Seton kienet iddikjarata qaddisa mill-Papa Pawlu VI fl-1975.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.