Il-festa tal-qaddis tal-imħabba

Print Friendly, PDF & Email

Illum, il-Ġimgħa 27 ta’ Diċembru, qed niċċelebraw il-festa tal-qaddis tal-imħabba, San Ġwann l-Appostlu. Jew aħjar l-aħħar wieħed li miet fost l-appostli. Li, anki jekk ma mietx martri l-għaliex tawh il-martirju u baqa’ ħaj, almenu kif kienu għallmuni xi wħud meta kont daqs naqra, iżda ħajtu kienet xhieda waħda għal Ġesù!

Tgħid l-għaliex hux li l-liturġija tal-Lvant issejjaħlu t-Teologu? Personalment illum ngħid li r-raġuni għal dan l-isem tinstab fl-istess liturġija li tgħidilna hekk f’talba tat-Troparion (innu ċkejken) u li jintalab sewwasew fil-festa ta’ dan il-qaddis: Appostlu maħbub ta’ Kristu Alla tagħna,/ la ddumx ma teħles poplu mingħajr ħarsien./ Hu li ħalliek titfa’ rasek fuq sidrU/ jilqgħek inklinat fit-talb, O Ġwanni t-Teologu./ Itolbu biex iwarrab ‘il bogħod il-persistenza tal-pagani/ u li jagħtina l-paċi u l-ħniena.

F’dan it-Troparion jiena nara x’inhi l-imħabba tassew li nsibuha tant u tant emfasizzata fil-vanġelu skont San Ġwann. Mela li kiteb hu stess taħt il-qawwa tal-Ispirtu s-Santu! L-imħabba titlob maħbub. Mela destinatarju tagħha. Jew aħjar, dak li jilqagħha! Dan l-għaliex m’hawnx, fil-fatt, l-ebda imħabba li tmur fil-vojt! Hekk! Biex toqgħod tieħu gost iddur u tagħqad! Mingħajr ma titfa’ fix-xbieki tagħha lil min hu għatxan għaliha! L-imħabba titlob lil min iħobbha! Lil min lest li jilaqgħha! Lil min japprezzaha! Lil min jagħtiha valur! Lil min, iva, jagħmilha tiegħu! Dan l-għaliex l-imħabba, minnha nnifisha, l-għaliex hi bil-wisq u wisq prezzjuża, ma taffordjax li tinħela! Għalhekk mela titlob, bil-qawwa kollha, li jkollha d-destinatarju tagħha!

Imma l-imħabba tista’ tiġi rifjutata? It-tweġiba jagħtina l-istess San Ġwann, fil-prologu tal-vanġelu tiegħu: Ġie f’daru, u niesu ma laqgħuhx (Ġw 1:11). Xi traġedja tabilħaqq hi din! Ġie f’daru! Il-post tal-imħabba! Ġie mill-imħabba u mar biex jagħti l-imħabba! Fil-bejta tal-imħabba! Fil-qalb u l-qalba tal-imħabba! U, din il-bejta, din il-qalb, irrifjutatu! Warrbietu! Immaġinaw ftit x’weġgħa dik! X’daqqa ta’ stallett li ma tistax tfissirha bil-kliem! Ġie fil-post fejn, suppost, kellu jilqgħu! Fil-post mela li hu tiegħu! Għax l-imħabba marret qablu. Biex takkumpanjah. Issieħbu! U tagħmlu ħieni fih! Imma ħej! Xi rċieva? Xejn għajr id-daqqa tal-istallett! Id-daqqa tas-sikkina! Id-daqqa li ma tafx bi ħniena! Id-daqqa li ma tafx għajr bid-dlam! U spiċċa barra!… Imkeċċi!… Qishom ma jafuhx!…

Mela l-istess kif sab ruħu dak ir-raġel separat minn uliedu. Li, jiġu għandu, biss biex jaqlagħlhom il-flus f’idejhom! Mill-bqija min għandu tassew ħin għalih? Min għandu l-imħabba li jqatta’ ftit tal-ħin miegħu? Emmnuni ħbieb li għadni nisma’ diskorsu, jidwi f’widnejja, qisu issa! Patri! Għall-flus jiġuni! Hemm ara! It-tifla ilha mat-tmien xhur ma tiġi tittawwali ftit! Ħa tara jekk inix ħaj inkella mejjet! Wara li smajtu jitħaddet hekk, bid-duħħan tas-sigarett li beda’ jgħatti, almenu għal ftit, id-dmugħ li kellu mistur f’għajnejh, weġibtu: Allura lanqas messaġġ ma tibgħatlek? Dan ried biex jissokta jiftaħ qalbu u joħroġ minn qalbu l-uġiegħ kbir li kellu. U Patri! weġibni. Mela imbilli tibgħatli kif int u żewġ jew tlett islaleb ta’ Sant’Andrija b’daqshekk din tgħidilha mħabba x’kull waħda? Huwa dan li missier għandu jistenna li jirċievi minn uliedu?

Iva ħbieb! Veru! Possibbli dan hu li missier jew omm irid u trid minn uliedu u uliedha? Żgur li le! Imma din hi l-miżerja li qed ngħixu illum! Din hi dik it-taparsi mħabba li niftaħru li ngħidu li għandna fil-familji tagħna. Anki jekk imxaqqin. Miġrugħin. U misluħin.

U allura mill-ewwel jerġa’ jiġi l-vers ta’ Ġwanni: Ġie f’daru u niesu ma laqgħux (Ġw 1:11). Kemm għoġobni l-fatt li Ġwanni ma jagħmilx esklamazzjoni għal dan il-vers. Iżda jħallih bih affermazzjoni miftuħa. Li, minn natura tagħha, tista’ tinfetaħ u hekk tiġi interpretata minn diversi bnadi. Hallelujah! Mela din l-affermazzjoni ta’ faċċata mir-rejaltà mhix teskludi l-fatt li hemm it-tieni biċċa għal din l-istorja. Jiġifieri li din l-affermazzjoni m’hix le sqaq li ma jagħlaqx. Għax anki jekk tidher li hi sqaq iżda fiha l-fetħa tagħha. Dik il-fetħa li terġa’ twassal, anki jekk bi trejqat mserpa, imqallba u bl-iskossi, lejn it-triq ewlenija. It-triq tal-imħabba vera!

U tassew ħbieb l-għaliex hekk tassew jiġri fil-vers ta’ wara, jiġifieri f’vers tnax. Isimgħu x’jgħidilna San Ġwann f’dan l-innu mill-isbaħ Kristoloġiku! Imma lil dawk li laqgħuh tahom is-setgħa li jsiru wlied Alla, dawk li jemmnu f’ismu, li twieldu mhux bid-demm, anqas mill-ġibda tal-ġisem, u anqas mir-rieda tal-bniedem, iżda minn Alla (Ġw 1:12-13). Kemm laqtitni ħbieb il-kelma imma li fil-grieg hi δέ (de). Donnu dan il-partiċipju adversattiv jiftħilna mhux biss it-tieni faċċata tal-imħabba iżda idaħħalna, ħelu ħelu, fid-dinja sabiħa tagħha.

Iva! Il-kelma δέ turina li d-diskors tal-imħabba qatt m’hu magħluq iżda dejjem jibqa’ miftuħ. Għax l-imħabba hi xmara. U għalhekk hi dejjem miftuħa għall-possibiltajiet kbar. Fiha jista’ isir minn kollox. Dejjem imma jekk din l-imħabba, l-ewwel u qabel kollox, tkun tat lilha nnifisha biex tħobb u tibqa’ tħobb. Mingħajr qatt ma tħares lura! Lanqas għall-iċken waqt biss!

Imbagħad dan il-partiċipju δέ jgħidilna wkoll li l-imħabba taf tinkludi. Għalhekk storja mhux tkissirha f’biċċiet u tħallieha tiżżeffen għal riħha. Iżda, u b’kapaċità u ħila kbira, l-imħabba vera għandha l-qawwa li tgħaqqad lid-dgħajjef mas-setgħan, lill-imwarrab mal-popolari, lil min hu nieqes mill-ħila ma’ min hu qalbieni u b’qalb ta’ ljun. Sintendi, l-għaliex fih għandu l-qalb tal-veru iljun, Ġesù Kristu, l-Iljun tat-tribù ta’ Ġuda (Apk 5:5).

Fl-aħħar nett, il-partiċipju avversattiv δέ jurina li l-imħabba tingħex ISSA. Inutli nistennew għada. Għax jekk se nibqgħu lil din l-imħabba nagħmlulha xebgħa kundizzjonijiet din qatt mhu ħa tieħu r-ruħ! Qatt mhu ħa tingħex tassew!

Mulej, għinni nħallik tħobbni ħalli ma ndumx ma nħallik tissokta teħlisni. Jien li jien mingħajr ħarsien ta’ ħadd u ta’ xejn għajr tiegħek. Agħtini l-kuraġġ nitfa’ rasi fuq sidreK. U nibqa’ hekk, inklinat u inklinata fit-talb. Għax, meta nkun ma’ qalbek Mulej, titwarrab minni, u bil-ġiri, il-persistenza tan-nuqqas tat-twemmin. Meta nkun ħdejk Ġesù, fuq qalbeK, ma’ qalbeK, ġo qalbeK, jiena nibda’ ngħum fil-paċi u l-ħniena! U hekk int tqaddisni bi mħabbteK. Amen!

Patri Mario Attard OFM Cap

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading