Illum il-Knisja tfakkar lil San Ilarju


Fit-13 ta’ Jannar l-Knisja tfakkar lil San Ilarju, Isqof u Duttur tal-Knisja li għex bejn is-snin 300 sa 368.

San Ilarju twieled f’familja nobbli pagana, f’Poitiers, Franza. Il-ġenituri tiegħu tawh edukazzjoni tajba, u sar oratur famuż.

Bil-qari tal-Bibbja, hu wasal biex ħaddan il-Kristjaneżmu u tgħammed meta kellu tletin sena. Ħadem ħafna biex jiddefendi u jxerred it-twemmin nisrani.

Martu, li hu kien iżżewweġ qabel tgħammed u li minnha kellu tifla jisimha Apra, kienet għadha ħajja meta ġie magħżul biex ikun l-Isqof ta’ belt twelidu, fis-sena 353.

Bħala Isqof, ħadha bl-aħrax kontra l-Arjaniżmu, tant li l-Imperatur Arjan, Kostanzu, eżiljah fil-Friġja, fl-Asja Minuri. Fit-tliet snin li dam eżiljat għamel studju tal-Missirijiet Griegi tal-Knisja u kiteb il-ktieb fuq it-Trinita’, l-ikbar opra tiegħu, u fis-sena 359 attenda s-Sinodu ta’ Seleucia fejn iddefenda bil-kbir id-digrieti tal-Konċilju ta’ Niċea.

Fis-sena 360, reġa lura fi Franza. Kiteb ħafna biex isaħħaħ il-fidi Kattolika u jfisser l-Iskrittura Mqaddsa, u flimkien ma’ San Martin, Isqof ta’ Tours, irsista biex idaħħal il-monastiċiżmu (il-patrijiet f’kunvent) fi Franza.

Miet f’Poitiers fit-13 ta’ Jannar 367. Fl-1572, il-Kalvinisti qerdu l-fdalijiet tiegħu.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com