Kalendarju b’togħma tajba


Lejn l-aħħar jiem tas-sena li għaddiet kelli ġenn biex niddobba kalendarju. Għax, bħalma jafu ħafna, inkun naqa’ waħda impenjat. U, emmnuni li ma tantx ikolli ċans noqgħod ngħodd it-travi tal-kamra tal-kunvent. Aħseb u ara mela kemm se noqgħod nitlajja’’l hawn u ‘l hemm nitkixxef u nseksek x’qed jagħmel dak il-Patri u x’qed jagħmel l-ieħor. Il-ħajja hi wisq prezzjuża biex inħaffer għalija ħofra fl-abbissi tal-infern b’dan il-mod viljakk u sataniku! U le! U mhux aħjar nara kif nista’ nagħmel xi ħaġa għall-ġid milli ….! Intant!…

Wara l-bieb ta’ kamarti tal-Isptar u fir-refittorju tal-kunvent fejn qiegħed bħalissa, sibt kalendarju l-ġmiel tiegħu qed jistennieni! Ma’ domtx ma ntbaħt li kont qed nitħaddet fuq l-istess kalendarju! Cool eh! Dan il-kalendarju jogħġobni l-għaliex dejjem għandu xi ħsieb li jolqotni! Ħsieb li nieħu gost naqrah fuq li naqrah! Għax, avolja Patri, u forsi għax PATRI, li għandi bżonn fuq li bżonn li naqra xi ħaġa tajba għal ruħi. Għax aqta’ kemm hawn sriep u skorpjuni jiġru mas-saqajn! Mgħassdin! Kullimkien issibhom!

Bdejt nara u nifli dan il-kalendarju tassew ħelu. Li, ilwienu, jiġifieri l-kuluri tiegħu, fakkruni fil-kafè li hu tant għall-qalbi! Li, storikament, għamluh l-istess nies li magħhom il-Mulej għażilni biex bihom jagħmilni qaddis u biex bija, nittama, li jagħmilhom qaddisin ukoll. Almenu hekk nittamaw fuq iż-żewġ naħat tal-ispektrum! Ħelu dan il-kalendarju tafux! Għax, aktar ma nħares lejn kuluru, f’dawn il-jiem kesħin, imma mhux qżież, tax-xitwa, aqta’ x’leblieba tiġini ħi biex nagħmel naqra kafè! Bil-panna!

Mela, b’żaqq li qed tgerger fuq li tgerger għal naqra kafè cappuccino, ħa nara x’hemm miktub sewwa għax-xahar ta’ Jannar! Min jgħix għal Alla, jgawdi mill-ġid ta’ Alla. Tajba din! U, f’din id-dinja li qed ngħixu fiha, għidli ftit, għal min trid tgħix? Se tgħix għal xi bniedem? Li jew qiegħed f’xi post barra l-postijiet fejn jindaqqu l-Hallelujah inkella qiegħed hemm, imdeffes ġo fihom? Jew deffsuh? Żgur li le sieħbi! L-alligators, jiġifieri l-kukkudrilli, illum libsu kull tip ta’ uniformi. Dik lajka u anki sagra. Allura, u l-aħjar, ngħix għall-Mulej! Ħa ngawdi minn ġidu! Il-paċi li għandi f’qalbi! Għax, bħalkom, għalkemm il-Mulej jagħtini l-grazzja li nħallih jagħmel il-ġid fija u bija, u b’hekk qed inħallas il-prezz kiefer li naqla’ bla ħniena minn dawk li jħokku miegħi, aktar għandi l-paċi f’qalbi ħi! U dik, nini nini joħduhieli! Bħalma, nini nini joħduhielek sieħbi!

Frar fetaħ bi ħsieb ħelu! Il-qalb ta’ Alla tmur dejjem bil-ħlewwa u bl-imħabba. Sieħbi, toqgħodx le tinkwieta għax ma jieħdukx bil-ħlewwa u bl-imħabba. Dak abbli tant kemm qed tkun ixxerred imħabba li x-xjaten ta’ ġo fihom ma jifilħukx. U, nerġa’ nfakkrek fl-alligator li m’għandux uniformijiet. Int, li trid tagħmel hu li tibqa’ tħalli l-qalb ħelwa u mimlija mħabba tal-Mulej fik tiżbroffa għall-proxxmu! Grazzi li ħa tibqa’ tagħmel hekk! Nafdak!

U Marzu marzellu, li għandu saqajh tal-fildiferru, x’jgħidilna? Min irid ikun ta’ Kristu jagħmel dak li għamel Kristu. Ajma x’sentenza dik! Nerġa’ nfakkrek fl-alligators! Tħarisx lejn l-uniformijiet! U titqarraqx, lanqas għal wieħed biss, bihom! Kristu qatt ma hedded, ħdar, ivvendika ruħu f’isem Alla, issieħeb fi klikka jew ħoloqha, sema’ lil min ried u lill-oħrajn bagħthom jixxerju bl-uġiegħ li qed iġorru f’qalbhom. Min jagħmel hekk, anki jekk jilbes l-uniformi ta’ Kristu, dak alligator! Itlob għalih jew għaliha li ma jmorrux iqattgħu l-eternità tagħhom fil-kumpanija tal-alligators tal-infern! Imma int ibqa’ ikber fl-imħabba, l-hena, is-sliem, is-sabar, il-ħniena, it-tjieba, il-fidi, il-ħlewwa, ir-rażan (Gal 5:22-23).

Bilħaqq! Hemm April, li miegħu irridu nħallu l-barmil! Għax ix-xita xorta tissokta tqattar f’dan l-istaġun tar-rebbiegħa eh! U, April aprilellu, jgħidilna: Alla jħaddan ma’ sidru bniedem umli u sogħbien! Għall-erwieħ! Fl-aħħar sibt min veru jħobbni mela u mhux min jiġġudikani għax ma nissodisfax il-‘kriterji’(?) tiegħu! Anki jekk jaħseb jew taħseb, li l-kriterji tiegħu u tagħha, huma spiritwali! Żinn! Żinn! Żinn! Mur għand Ġesù ħi! Dak veru! U ta’ veru! U huwa Hu li jilqgħek! Għax jara x’hemm f’qalbek! U ħa nitlob li tiltaqa’ ma’ patri jew qassis sura ta’ Alla! U sura ta’ Kristu umli u mhux tirann! U tibżax, juża’ lilu biex int u jien nerġgħu nsibu l-paċi ta’ qalbna!

U Mejju, li ismek idoqq tant ħlejju? X’tgħidli ħi? Huwa biżżejjed għal kull bniedem li jħobb il-proxxmu kollu tiegħu. Anki lill-alligators? Iva! Anki lill-alligators! Anzi! Nibdew bl-alligators! Dawk li xedaq ruħhom hu mimli snien u nejbiet! Anki jekk, għax issa uħud minnhom abbli bdew joħfru u jikbru snienhom mix-xedaq ta’ ħalqhom bdew nieżlin. Minn dawn irridu nibdew. Irridu minn qalbna nitolbu għalihom. Ħalli ma jibqgħux alligators imma, bil-grazzja tal-konverżjoni, isiru motivators! Jiġifieri, motivators għal dak li hu qaddis! U hemm inkunu rbaħna flimkien! Huma u aħna! Aħna u huma!

U Ġunju? Ġunju sieħbi jitħaddet fis-sod! Għalhekk, dak li se jgħidilna, jgħinna nħarsu fil-bogħod! Żomm il-preżenza ta’ Alla fil-ħsieb tiegħek u int tgħix perfett. Imma perfett għax għandi l-kamra jew id-dar pupilla? Jew għax dejjem infuħ? Bil-mod sieħbi! Hawn min iżomm ruħu pinna, bil-kamra u d-dar pupilla, imma ħajtu qabar miftuħ! Għax għażel li jagħmel patt mad-dragun aħdar tal-infern! Għax dejjem bil-ħdura. U, miskin u miskina, għalhekk dejjem sejjer u sejra lura! Le! L-unika perfezzjoni li teżiżti hi biss FIL-ĦNIENA. Jekk għandi u nagħtiha jiena iben u bint Alla. Jekk qed niħdar allura qed inżibbel lili nnifsi bil-ħażen li tmiemu hu n-nar li ma jintefiex.

Xi ngħidu għal Lulju? U Ġulju jgħidilna: Il-kwiet u l-imħabba huma s-sinjali ta’ Alla. X’aħbar sabiħa din għal min minna jipprova jimxi magħhom? Int, avolja jekk għandek alligators li ma jaħmlukx, għax jgħiru għalik, u jridu jqattgħuk bi snienhom, int il-Mulej jgħix fik! Mela ibqa’ kwiet u kwieta! Mhux baqqa. Għax Kristu m’huwiex baqqa’. Anzi! Inħeġġek titlob għas-sitwazzjoni ta’ madwarek lill-Mulej ħa JĦOTT U JERĠA’ JIBNI! Hu imma mhux int! U hekk aqta’ kemm qed tkun tħobb! U tinsix! Int qiegħed u qiegħdha fis-sewwa! Min qed jippersegwitak itlob għalih u għaliha. Għax vittmi tal-Alligator! Tax-xitan! Li, illum jew għada, jekk ma jdurux lejn il-Mulej, se jagħmilhom żibel u biċċiet żgħar!

Awwissu, li daqskemm jaħraq allaħares tmissu!, x’se jpespsilna? Ġesù jistedinna mmorru għandu biex iserraħna. Qed nimsaħ id-dmugħ! Għax dan Alla veru ħi! Li jħobbok u jħobbni! Li jisimgħek u jismagħni! Għand dan mur! U mur f’xi kappella u oqgħod hemm, ħdejH! Kellmu! Għax dan se jieħdok il-Knisja! Ħa tisma’ dik il-quddiesa u jlaqqgħek hu mal-patri jew il-qassis li JAGĦŻILLEK HU, biex għandu tqerr. U tistrieħ! U terġa’ tieħu l-ħajja! Ħa tibqa’ miexi u miexja! U, bl-għajnuna tiegħu iva, tissokta tagħmel u iżżid il-ġid li diġà qed tagħmel!

Ix-xahar ta’ Settembru. Li hu mportanti għalkemm mhux iċ-ċentru, ifakkarna: Sbieħ huma r-riġlejn ta’ dawk li jgħallmu ħaġa tajba. Ibqa’ fendieha ħi kelma ta’ ġid! Tieqafx! Int! U nerġa’ ngħidlek, INT! Li tgħid li f’ħajtek żbaljajt. INT! Li tgħid li f’ħajtek min jaf kemm-il darba ħadtha għal wiċċek. INT! Li min jaf kemm pinġewk ħażin. Sempliċiment għax iddeċidew li ma jieħdux grazzja miegħek. Iva! INT! Ibqa’ għidha kelma ta’ ġid. Għax jaf, b’dik il-kelma li tkun qed tgħid, bik il-Mulej jsalva persuna. Tinsiex! Il-Knisja u l-Gvern jiġġudikaw l-estern imma l-Mulej jiġġudika l-intern! Mela imxi ma’ dak li jkellmek il-Mulej fil-qalba ta’ qalbek! Il-ġudizzju tiegħu BISS hu s-sewwa! Mill-bqija ħallieh il-baħar ħa jħabbat! Ibqa’ terraq! Ibqa’ dur! Basta tħallieh jagħmel il-ġid bik!

U x’sar minnu Ottubru? Eh sieħbi! Kelmtu daqs tal-aqwa tawmaturgu! Għax tfejjaq! Isimgħu jitħaddet lix-xahar t’Ottubru! Insa l-ġid li tagħmel, ftakar f’dak li tirċievi! Imma jien kemm nagħmel ġid ngħid! Le! Dak jgħidu biss fuqi l-Mulej! U ĦADD aktar! Jaħasra! Li kieku niftakar ftit kemm ġid il-Mulej jagħmel miegħi li kieku żgur li qatt ma ngħolli rasi! Jew inkella dejjem ngħix fil-weġgħa! Le! Ħa niftakar kemm iħobbni l-Mulej u nħobb lura! Ħa niftakar kemm jaħfirli l-Mulej u, bil-grazzja tiegħU, naħfer iva lill-oħrajn minn qalbi! Ħa niftakar f’kemm jistabar bija u hekk nistabar b’ħaddieħor! Ħa niftakar f’kemm il-Mulej qatt ma jixxewwex kontra tiegħi imma jifhimni. Mela lanqas jien ma jien se nixxewwex kontra xi ħadd iżda nipprova nifhmu u nifimha minn qalbi miskin! Miskina!

Novembru! Ix-xahar tal-ħajjin u l-mejtin! Dan x’jgħid? Ifakkarni l-għażiż Novembru: Il-ktieb tal-qaddisin huwa l-kurċifiss! U, biex inżid biċċa oħra, kurċifiss b’Ġesù fuqu! Għax x’jgħallimni Ġesù minn fuq salibu? Missier, aħfrilhom, għax ma jafux x’inhuma jagħmlu (Lq 23:34). Il-maħfra! Kemm qed naħfer? Tassew ngħidlek, illum tkun fil-Ġenna miegħi (Lq 23:43). Għax talab lil Ġesù dan salvah! U jien qed nitlob lil Ġesù ħa jsalvani? Mara, hawn hu ibnek. Hawn hi ommok (Ġw 19:26-27). Marija hi Ommi! Kemm qed nitlobha dak ir-Rużarju mqaddes ta’ kuljum ħa nħallieha tipproteġini? Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni? (Mk 15:34). Fid-disperazzjoni tiegħi qed ngħajjtlu lill-Mulej? Qed inkellmu? Qed inħallieh imexxini? Għandi l-għatx! (Ġw 19:28). Kemm jien lest u lesta li naqta’ l-għatx ta’ Ġesù li nkun ta’ ġid għal dawk ta’ madwari? Anki jekk qed jiggwerrawli? Kollox hu mitmum! (Ġw 19:30). Spiċċat il-ħajja! Mela jien, li xi darba ħajti trid tispiċċa fuq din l-art, kif irridha tispiċċa? Irrid li qabel nagħlaq għajnejja nagħlaqhom fil-paċi l-għaliex inkun wettaqt ir-rieda tal-Mulej? Missier, f’idejk jien nerħi ruħi (Lq 23:46). F’idejn min qed inħallieha ruħi? F’idejn il-Missier li jsalvahieli jew f’idejn in-nies tad-dinja li jitilfuhieli għal dejjem?

U Diċembru jaħlaq b’dan il-ħsieb ta’ konfort: Min iħobb ‘l Alla, jaħseb u jitkellem fuqu spiss. U fuq min trid taħseb u tazzarda titkellem sieħbi? Mhux Hu kollox? Mhux hekk jgħallimni Hu? U mhux hekk tgħallmuni intom?

Ipprova akkwistah dan il-kalendarju kulur il-kafè. Morru għand tal-Mużew u issibuh! Għax, ħsibijiet dan il-kalendarju huma ta’ qassis li kien ħabib ta’ Kapuċċin, li bħalu tqaddes. Dun Ġorġ Preca! U… ovvja, Patri Piju!

Patri Mario Attard OFM Cap