Illum il-Knisja tfakkar lil Beatu Pietru Donders


Fl-14 ta’ Jannar l-Knisja tfakkar lil Beatu Pietru Donders, Saċerdot Redentorist li għex bejn is-snin 1805 sa 1887.

Twieled f’Tilburg fil-Brabante ta’ Fuq (Olanda), iben nissieġ tas-suf. Kien ordnat saċerdot ta’ 32 sena. Ħames snin wara (1842) telaq lejn il-Guyana Olandiża jew Surinam, biex jaħdem fost l-ifqar, fosthom il-lebbrużi.

Meta fl-1865 il-vigarjat appostoliku tal-Guyana Olandiża (l-Amerka t’Isfel) kien afdat f’idejn ir-Redentoristi, Dun Pietro Donders talab li jingħaqad magħhom. Fis-27 ta’ Ġunju 1867, għamel il-voti perpetwi u rritorna fost il-l-lebbrużi maħbubin tiegħu, li magħhom kien ħadem qatigħ sa mill-1856. Kien jieħu ħsieb anki l-Indjos u s-suwed u l-ewwel ktieb ta’ ħajtu jsejjaħlu “appostlu ġdid tas-suwed u tal-lebbrużi”.

Ħadem ħafna wkoll favur is-suwed li kienu fil-jasar, kif ukoll fost dawk ‘selvaġġi’, jiġifieri dawk li nġiebu mill-Afrika bħala lsiera imma li rnexxielhom jaħarbu lis-sidien tagħhom u kienu qed jgħixu ħajja mimlija superstizzjonijiet, bla morali u mogħtijin għall-idolatrija, u l-appostolat tiegħu fost dawn ħalla ħafna frott.

Dan għamlu bla ma naturalment abbanduna lill-bojod. Infatti bejn l-1842 u l-1856, Pietru Donders ħadem ukoll fil-kapitali Paramaribo, u fl-1883-85 f’Coronie fuq ix-xatt, fejn iddedika ħajtu fuq kollox fost il-lebbrużi ta’ Batavia, li kienu emarġinati u iżolati. Kellu wkoll iġarrab dieqa minħabba xi lebbrużi ingrati li minħabba fihom kellu jħallihom għal xi żmien, imma kien rikompensat bil-festa kbira li għamlulu oħrajn meta rritorna fis-17 ta’ Novembru 1885.

Ħajtu kienet minsuġa bit-talb u l-penitenza; kien iqum spiss bil-lejl biex jagħmel siegħa talb għarkupptejh quddiem it-tabernaklu. Kien jorqod fuq twavel tal-injam u kien juża d-‘dixxiplina’ mill-inqas darba kuljum.

Wara kważi 45 sena jgħix taħt xemx tropikali tal-Guyana Olandiża, Pietru Donders miet ta’ 81 sena fil-kolonja tal-lebbrużi f’Batavia nhar l-14 ta’ Jannar 1887. Matul ħajtu kien diġà jgawdi l-fama ta’ qaddis minħabba l-karità kbira tiegħu, u fl-1900, infetħet il-kawża tal-beatifikazzjoni tiegħu li waslet fi tmiemha fl-24 ta’ Mejju 1982 mill-Qaddis Papa Ġwanni Pawlu II.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com