“Ġiebu ruħhom magħna bi ħlewwa li ma bħalha”


“Ġiebu ruħhom magħna bi ħlewwa li ma bħalha”  (Atti 28:2)

Messaġġ mill-President tal-Kummissjoni Ekumenika Djoċesana tal-Arċidjoċesi ta’ Malta għall-Ġimgħa ta’ Talb għall-Għaqda fost l-Insara, 18-25 ta’ Jannar 2020

See the English version …

Din is-sena, il-Ġimgħa ta’ Talb għall-Għaqda fost l-Insara, se jkollu added value. Ir-raġuni hi għaliex il-materjal li se jintuża madwar id-dinja kollha matul din il-Ġimgħa kien imħejji mill-Insara tal-Knejjes differenti ġewwa Malta u Għawdex.

L-istedina biex nagħmlu dan waslet f’Awwissu 2017. It-tħejjija tal-materjal saret bejn Frar u Mejju 2018, meta grupp rappreżentattiv tal-Knejjes f’Malta u Għawdex ħadem biex tiġi proposta tema ġenerali (“Ġiebu ruħhom magħna bi ħlewwa li ma bħalha”, silta mill-Atti tal-Appostli, li aħna, f’dawn il-gżejjer, nafuha tajjeb ħafna), kif ukoll materjal ta’ riflessjoni għal kull wieħed mit-tmint ijiem, mit-18 sal-25 ta’ Jannar.

Ngħid għalija, bħala l-koordinatur ta’ dak il-proċess, li dik li għaddejna minnu kienet esperjenza tassew ekumenika fil-klima ta’ talb u riflessjoni li nħolqot bejnietna. Imbagħad f’Settembru 2018, membri minn dan il-grupp lokali kellu erbat ijiem ta’ laqgħat ma’ grupp internazzjonali, maħtur mill-Kunsill Pontifiċju għall-Promozzjoni tal-Għaqda fost l-Insara u mill-Kunsill Dinji tal-Knejjes. Dan wassal biex jiġi ffinalizzat il-materjal kollu, li aktar tard kien approvat minn dawn iż-żewġ istituzzjonijiet fil-Vatikan u f’Ġinevra. Eventwalment, bdew it-traduzzjonijiet għall-ilsna prinċipali, biex imbagħad, għall-ħabta ta’ Mejju 2019, il-materjal kien stampat u tqiegħed on-line.

Huwa ta’ pjaċir ngħid ukoll li Joe C. Aquilina kiteb il-kliem u kkompona kanzunetta li ntbagħtet mal-materjal għall-Ġimgħa ta’ Talb għall-Għaqda fost l-Insara. Wieħed jista’ jisma’ u jara din il-kanunetta billi juża din il-link diġitali:

http://thechurchinmalta.org/en/posts/325/ecumenical-commission

Il-kliem u l-grafika jgħinu biex jitkompla jitwassal il-messaġġ ta’ ospitalità li jinsab fil-qalba tat-tema tal-Ġimgħa Ekumenika. Tajjeb li nħarsu lejn l-ospitalità fuq almenu żewġ livelli: l-ewwel, fuq livell ekumeniku, meta Nsara ta’ Knejjes differenti jagħmlu minn kollox biex, sa fejn dan huwa possibbli, juru akkoljenza lil xulxin; it-tieni, fuq livell mill-aktar uman, fejn tidħol l-akkoljenza u l-ospitalità lejn ħutna li qegħdin ibatu għax kellhom jaħarbu minn sitwazzjonijiet kiefra f’art twelidhom. Min hu tassew Nisrani, jagħmel minn kollox biex jgħix il-kliem li qalilna Ġesù: “Kull ma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, agħmiltuh miegħi” (Mt 25:40).

Id-dmir tiegħi huwa li nħeġġeġ lil kull wieħed u waħda minnkom li nitolbu għall-għaqda fost l-Insara. Dan imħeġġin nagħmluh fuq livell personali, kif ukoll fuq livell komunitarju u ekkleżjali. Tkun ħaġa sabiħa li nwasslu lill-Poplu ta’ Alla biex isir aktar konxju li hu msejjaħ biex jitlob għal dan il-għan. Kull min jista’, huwa inkuraġġit jieħu sehem fis-Servizz Ekumeniku prinċipali li se jsir il-Ġimgħa 24 ta’ Jannar fis-6.30pm, fil-Pro-Katidral Anglikan ta’ San Pawl, ġewwa l-Belt Valletta.

Inselli għalik u nixtieqlek kull ġid fil-Mulej.

Dun Hector Scerri
6 ta’ Jannar 2020


Silta bibblika
Atti 27:18 – 28:10

L-għada t-tempesta ħabbtitna ħafna, bdew iwaddbu t-tagħbija l-baħar, u fit-tielet jum irmew it-tagħmir tal-ġifen b’idejhom stess. Għal ħafna jiem la dehret xemx u lanqas kwiekeb; it-tempesta li qabditna ma kinitx ħafifa, hekk li fl-aħħar tlifna kull tama li nsalvaw.

In-nies kienu ilhom ħafna ma jieħdu xi ħaġa biex jitrejjqu; Pawlu waqaf f’nofshom u qalilhom: “Ħbieb, kien imisskom smajtu minni u ma tlaqtux minn Kreta; kontu teħilsu minn din il-ħsara u dan it-telf. Imma issa nwissikom biex tagħmlu l-qalb, għax ħadd minnkom m’hu se jitlef ħajtu; il-ġifen biss jintilef. Għax dal-lejl deherli anġlu ta’ dak Alla li tiegħu jien u li lilu nqim, u qalli, ‘Tibżax, Pawlu. Jeħtieġ li inti tidher quddiem Ċesari; ara, Alla tak il-grazzja li dawk kollha li qegħdin jivvjaġġjaw miegħek isalvaw.’ Mela qawwu qalbkom, ħbieb. Jien nemmen f’Alla li hekk isir, sewwasew kif ħabbarli. Jinħtieġ iżda li naħbtu ma’ gżira.”

Meta wasal l-erbatax-il lejl, konna ninsabu mitfugħin ‘l hawn u ‘l hemm fil-baħar ta’ Adrija. Għall-ħabta ta’ nofs il-lejl il-baħrin ħassew li konna resqin qrib xi art. Skandaljaw il-fond tal-baħar, u sabu għoxrin qama; mxejna ftit ieħor ‘il quddiem, reġgħu skandaljaw, u sabu ħmistax. Huma beżgħu li xi mkien konna se naħbtu ma’ xi skoll, u għalhekk niżżlu erba’ ankri mill-poppa. Ix-xewqa tagħhom kienet li ma jdumx ma jisbaħ. Il-baħrin bdew ifittxu li jaħarbu mill-ġifen, u niżżlu dgħajsa l-baħar bħallikieku biex idendlu xi ankri mill-pruwa. Iżda Pawlu qal liċ-ċenturjun u lis-suldati: “Jekk dawn ma jibqgħux fuq il-ġifen, intom ma tistgħux issalvaw.” Mbagħad is-suldati qaċċtu l-ħbula tad-dgħajsa u ħallewha tmur għal riħha.

Meta sar il-ħin biex jisbaħ, Pawlu qabad jagħmel il-qalb lil kulħadd biex jitrejjqu b’xi ħaġa, u qalilhom: “Issa ġa ilkom erbatax-il ġurnata tistennew sajmin u ma dduqu xejn. Għalhekk agħmlu l-qalb u trejjqu b’xi ħaġa ta’ l-ikel; dan jiswielkom għal saħħitkom, għax ħadd minnkom m’hu se jitlef xagħra waħda minn rasu.” Kif qal dan, qabad il-ħobż, radd il-ħajr lil Alla quddiem kulħadd, qasam u beda jiekol. Mbagħad kulħadd għamel il-qalb, u ħadu xi ħaġa ta’ l-ikel huma wkoll. Konna b’kollox mitejn u sitta u sebgħin ruħ fuq il-ġifen. Wara li xebgħu, bdew iħeffu l-ġifen u jwaddbu l-qamħ il-baħar.

Xħin imbagħad sebaħ, l-art ma għarfuhiex; lemħu biss bajja bi xtajta fiha, u qatgħuha li, jekk jistgħu, jitfgħu l-ġifen fuqha. Rħew l-ankri u telquhom il-baħar, u ħallew ukoll l-irbit tat-tmun. Mbagħad tellgħu l-qala’ ż-żgħir ta’ quddiem għar-riħ u rħewlha lejn ix-xtajta. Iżda ħbatna ma’ sikka bejn żewġ kurrenti, u l-baħrin waħħlu l-ġifen fuqha. Il-pruwa baqgħet imwaħħla sewwa fil-post u ma tħarrkitx iżjed, imma l-poppa bdiet titfarrak bil-qilla tal-mewġ. Is-suldati riedu kieku joqtlu l-priġunieri, li ma jmurx jaħrab xi ħadd minnhom bil-għawm; iżda ċ-ċenturjun, li ried isalva ‘l Pawlu, ma ħalliex il-ħsieb tagħhom iseħħ. Lil dawk li kienu jafu jgħumu ordnalhom jintefgħu huma l-ewwel il-baħar u jmorru l-art; lill-oħrajn ordnalhom jilħqu x-xatt, min fuq twavel u min fuq bċejjeċ imkissra tal-ġifen. U hekk kulħadd qabad l-art qawwi u sħiħ.

Meta ħlisna mill-għarqa, sirna nafu li l-gżira kien jisimha Malta. In-nies tagħha ġiebu ruħhom magħna bi ħlewwa li ma bħalha. Laqgħuna tajjeb lilna lkoll u qabbdulna ħuġġieġa, għax kienet bdiet nieżla x-xita u kien il-bard. Mela Pawlu qabad qabda zkuk niexfa u tefagħhom fin-nar. Fiz-zkuk kien hemm lifgħa li, malli ħasset is-sħana, ħarġet u qabdet ma’ id Pawlu. In-nies tal-gżira, kif raw il-lifgħa mdendla ma’ idu, bdew jgħidu wieħed lil ieħor: “Dan ir-raġel żgur xi qattiel, għax għad li ħelisha mill-baħar, il-Ġustizzja ma ħallitux jgħix!” Imma hu farfar il-lifgħa ġon-nar u ma ġralu xejn. Huma stennew li se jarawh jintefaħ jew jaqa’ u jmut f’daqqa. Wara li damu jistennew ħafna u raw li ma ġralu ebda deni, biddlu l-ħsieb u bdew jgħidu li kien xi alla.

F’dawk l-inħawi kien hemm l-oqsma tal-prinċep tal-gżira, li kien jismu Publju. Dan laqagħna u bil-qalb kollha żammna għandu tlitt ijiem. Missier Publju inzerta mixħut, marid bid-deni u d-disenterija. Pawlu daħal ħdejh, għamel talba, qiegħed idejh fuqu u fejjqu. Wara dan imbagħad bdew ukoll jersqu għandu l-morda l-oħra tal-gżira, u hu fejjaqhom. Wrewna ġieħ kbir, u meta ġejna biex nitilqu, għabbew fuq il-ġifen kull ma konna neħtieġu.

Talbiet ta’ Maħfra

Nissuġġerixxu li dawn it-talbiet jintużaw fil-bidu tal-Quddies li jiġi ċċelebrat bejn it-18 u l-25 ta’ Jannar

Alla Missier, aħfrilna ta’ kemm ma ġibniex ruħna ta’ aħwa ma’ membri ta’ Knejjes Insara oħra. Mulej ħniena.

Ġesù Kristu, ħenn għalina u naddafna minn kliem iebes li jweġġa’ li għidna dwar persuni minn pajjiżi oħra li sabu kenn fi gżiritna. Kristu ħniena.

Spirtu Qaddis Alla, saffi l-Knejjes Insara mill-firdiet, pika u preġudizzji antiki, u minn nuqqas ta’ mħabba u koperazzjoni. Mulej ħniena.


 

Talbiet tal-Fidili Nsara

Waħda jew aktar minn dawn it-talbiet jistgħu jiżdiedu mat-Talbiet tal-Fidili tal-Quddiesa jew mal-Preċi fil-Liturġija tas-Sigħat

Mulej, Missier Qaddis, nitolbuk biex trattab l-ebusija ta’ qalbna biex nilqgħu bil-qalb membri ta’ Knejjes Insara oħra. Nitolbu.

Mulej, Missier Qaddis, Ibnek Ġesù, qabel il-Passjoni tiegħu, talab li d-dixxipli tiegħu jkunu lkoll ħaġa waħda. Nitolbuk bil-ħrara kollha għall-għaqda fost l-Insara biex flimkien inkunu xhieda tal-imħabba tiegħek għalina. Nitolbu.

Mulej, Missier Qaddis, nitolbu biex timla bir-rieda tajba lil dawk kollha li huma msejħin biex iġibu ’l quddiem id-djalogu ekumeniku. Nitolbu.

Mulej, Missier qaddis, fejjaq il-ġrieħi antiki li firdu bosta Knejjes Insara minn xulxin, billi flimkien inkunu strumenti tal-paċi tiegħek. Nitolbu.


Riflessjoni qasira għal kuljum
18-25 ta’ Jannar 2020

Nissuġġerixxu li dawn ir-riflessjonijiet jintużaw, jew fil-bidu tal-Quddiesa, jew f’laqgħat oħra ta’ talb li jsiru fil-parroċċi, kappelel jew gruppi oħra.

Is-Sibt 18 ta’ Jannar 2020

Tema: Ir-Rikonċiljazzjoni: Nitfgħu t-tagħbija l-baħar

“L-għada t-tempesta ħabbtitna ħafna, bdew iwaddbu t-tagħbija l-baħar, u fit-tielet jum irmew it-tagħmir tal-ġifen b’idejhom stess. … In-nies kienu ilhom ħafna ma jieħdu xi ħaġa biex jitrejjqu; Pawlu waqaf f’nofshom u qalilhom: “Ħbieb, kien imisskom smajtu minni u ma tlaqtux minn Kreta; kontu teħilsu minn din il-ħsara u dan it-telf”.” (Atti 27:18-19.21)

Bħala Nsara minn Knejjes u Tradizzjonijiet differenti, diżgrazzjatament tul il-medda tas-sekli, akkumulajna tagħbija ta’ pika, imrar u suspett bejnietna. Aħna nirringrazzjaw lil Alla tal-Moviment Ekumeniku, imwieled aktar minn mitt sena ilu. Il-laqgħa tagħna ma’ Nsara minn Knejjes oħra u t-talba għall-għaqda fost l-Insara jinkuraġġuna biex naħfru u nilqgħu lil xulxin, u ngħixu r-rikonċiljazzjoni. Ejjew ma nħallux it-tagħbija tal-imgħoddi żżommna milli nersqu aktar lejn xulxin.

Il-Ħadd 19 ta’ Jannar 2020

Tema: Niddawlu: Infittxu d-dawl ta’ Kristu u ngħadduh lill-oħrajn

“Għal ħafna jiem la dehret xemx u lanqas kwiekeb; it-tempesta li qabditna ma kinitx ħafifa, hekk li fl-aħħar tlifna kull tama li nsalvaw.” (Atti 27:20)

Kristu huwa d-dawl u l-mexxej tagħna. Mingħajr id-dawl u l-gwida ta’ Kristu, aħna nitilfu t-triq. Meta aħna l-Insara ma nibqgħux insammru ħarsithom fuq Kristu, nibżgħu minn xulxin u ninfirdu. Meta jiġri dan, ħafna nies ta’ rieda tajba li mhumiex Insara ma jarawx id-dawl ta’ Kristu, għax il-firdiet ta’ bejnietna jżommu dan id-dawl milli jidher. Aktar ma nfittxu d-dawl tal-Mulej, aktar nersqu lejn xulxin, u għalhekk inkunu nistgħu nwasslu d-dawl ta’ Kristu, id-dawl tad-dinja.

It-Tnejn 20 ta’ Jannar 2020

Tema: It-Tama: Il-messaġġ ta’ San Pawl

“Imma issa nwissikom biex tagħmlu l-qalb, għax ħadd minnkom m’hu se jitlef ħajtu; il-ġifen biss jintilef. … ħadd minnkom m’hu se jitlef xagħra waħda minn rasu.” (Atti 27:22.34)

Bħala Nsara minn Knejjes u Tradizzjonijiet mifridun bejniethom, aħna spiss naqtgħu qalbna meta naraw ftit biss progress fil-mixja lejn l-għaqda li tidher. Fil-fatt, xi wħud qatgħu qalbhom u jaraw din l-għaqda bħala ideal li ma jistax jintlaħaq. Oħrajn lanqas biss jaraw l-għaqda bħala aspett neċessarju tal-fidi Nisranija. Waqt li nitolbu għad-don tal-għaqda viżibbli, ejjew nagħmlu dan b’fidi sħiħa u b’ħafna tama, waqt li npoġġu l-fiduċja kollha tagħna fil-providenza ta’ Alla. Alla jimxi magħna fit-triq lejn l-għaqda. M’aħniex se nintilfu.

It-Tlieta 21 ta’ Jannar 2020

Tema: Fiduċja: Tibżgħux, iżda emmnu

“Għax dal-lejl deherli anġlu ta’ dak Alla li tiegħu jien u li lilu nqim, u qalli, ‘Tibżax, Pawlu. Jeħtieġ li inti tidher quddiem Ċesari; ara, Alla tak il-grazzja li dawk kollha li qegħdin jivvjaġġjaw miegħek isalvaw.’ Mela qawwu qalbkom, ħbieb. Jien nemmen f’Alla li hekk isir, sewwasew kif ħabbarli. Jinħtieġ iżda li naħbtu ma’ gżira.” (Atti 27:23-26)

Fil-qalba tat-tempesta, Pawlu jqawwi l-qalb ta’ dawk li kien magħhom, maħkuma kif kienu mill-biża’ u l-qtigħ il-qalb. Is-sejħa komuni tagħna li nkunu dixxipli ta’ Ġesù Kristu tissarraf f’li, bħalu, inkunu sinjal li jmeruna. F’dinja mimlija ansjetà, aħna msejħin li nkunu xhieda tat-tama billi npoġġu l-fiduċja tagħna fil-providenza kollha mħabba ta’ Alla. Minkejja kollox u minkejja kull tempesta tal-ħajja, aħna mhux se negħrqu jew nintilfu. Għax l-imħabba fidila ta’ Alla tibqa’ għal dejjem.

L-Erbgħa 22 ta’ Jannar 2020

Tema: Saħħa: Naqsmu l-ħobż waqt il-vjaġġ

“Meta sar il-ħin biex jisbaħ, Pawlu qabad jagħmel il-qalb lil kulħadd biex jitrejjqu b’xi ħaġa, u qalilhom: “Issa ġa ilkom erbatax-il ġurnata tistennew sajmin u ma dduqu xejn. Għalhekk agħmlu l-qalb u trejjqu b’xi ħaġa ta’ l-ikel; dan jiswielkom għal saħħitkom, għax ħadd minnkom m’hu se jitlef xagħra waħda minn rasu.” Kif qal dan, qabad il-ħobż, radd il-ħajr lil Alla quddiem kulħadd, qasam u beda jiekol. Mbagħad kulħadd għamel il-qalb, u ħadu xi ħaġa ta’ l-ikel huma wkoll.” (Atti 27:33-36)

L-istedina ta’ San Pawl biex dawk li kienu fuq il-ġifen maqbud fit-tempesta jitrejqu b’xi ħaġa kienet tfisser li setgħu jissaħħu biex ikomplu l-vjaġġ iebes. Il-fatt li kielu ftit tal-ħobż kien sinjal li għaddew minn bidla fl-atteġġjament … minn qtigħ il-qalb għal kuraġġ. Bl-istess mod, l-Ewkaristija jew iċ-Ċena tal-Mulej tipprovdilna l-ikel għall-vjaġġ u twassalna għall-ħajja f’Alla. Nissaħħu. Il-qsim tal-ħobż – fil-qalba tal-ħajja u tal-qima tal-komunità Nisranija – jibnina waqt li nimpenjaw ruħna għall-qadi Nisrani. Aħna nixxennqu li jasal dak il-jum meta l-Insara kollha jkunu jistgħu jieħdu sehem mill-istess mejda u jirċievu s-saħħa mill-istess ħobża u mill-istess kalċi.

Il-Ħamis 23 ta’ Jannar 2020

Tema: Nilqgħu lil xulxin: Nuru ħlewwa li ma bħalha

“Meta ħlisna mill-għarqa, sirna nafu li l-gżira kien jisimha Malta. In-nies tagħha ġiebu ruħhom magħna bi ħlewwa li ma bħalha. Laqgħuna tajjeb lilna lkoll u qabbdulna ħuġġieġa, għax kienet bdiet nieżla x-xita u kien il-bard. … F’dawk l-inħawi kien hemm l-oqsma tal-prinċep tal-gżira, li kien jismu Publju. Dan laqagħna u bil-qalb kollha żammna għandu tlitt ijiem.” (Atti 28:1-2.7)

Ilbieraħ, il-Knisja f’Malta u f’Għawdex iċċelebrat it-tifkira għażiża ta’ San Publiju li b’ġenerożità kbira laqa’ għandu għal tlett ijiem lil dawk li ħelsuha mill-għarqa. Imm qabel dan, kienu l-Maltin missirijietna li taw l-ewwel għajnuna lil dawk li laħqu x-xatt wara t-tiġrif tal-ġifen, billi urew ħlewwa li ma bħala lil 276 persuna, fosthom lil San Pawl. Kull meta aħna nuru l-imħabba lid-dgħajfin u l-foqra, aħna nkunu qed nixbhu l-qalb ta’ Alla li fiha hemm post speċjali għall-foqra u l-vulnerabbli. Kull meta aħna nilqgħu persuni ġejjin minn kultura oħra, jew li għandhom twemmin ieħor, immigranti u refuġjati, inkunu qed inħobbu lil Kristu nnifsu, u nħobbu kif Alla jħobb.

Il-Ġimgħa 24 ta’ Jannar 2020

Tema: Il-konverżjoni: Konverżjoni tal-qalb u tal-moħħ

“Mela Pawlu qabad qabda zkuk niexfa u tefagħhom fin-nar. Fiz-zkuk kien hemm lifgħa li, malli ħasset is-sħana, ħarġet u qabdet ma’ id Pawlu. In-nies tal-gżira, kif raw il-lifgħa mdendla ma’ idu, bdew jgħidu wieħed lil ieħor: “Dan ir-raġel żgur xi qattiel, għax għad li ħelisha mill-baħar, il-Ġustizzja ma ħallitux jgħix!” Imma hu farfar il-lifgħa ġon-nar u ma ġralu xejn. Huma stennew li se jarawh jintefaħ jew jaqa’ u jmut f’daqqa. Wara li damu jistennew ħafna u raw li ma ġralu ebda deni, biddlu l-ħsieb u bdew jgħidu li kien xi alla.” (Atti 28:3-6)

In-nies li għall-ewwel ħasbu li Pawlu ta’ Tarsu kien qattiel biddlu l-ħsieb tagħhom meta raw li kienu żbaljati fil-ġudizzju tagħhom. Il-ġrajja straordinarja tal-lifgħa wasslet lin-nies tal-gżira jaraw l-affarijiet b’mod differenti. Dan wassalhom biex jilqgħu l-messaġġ ta’ Kristu permezz ta’ Pawlu. Aħna u naħdmu għall-għaqda u r-rikonċiljazzjoni fost l-Insara spiss inkunu sfidati sabiex nħarsu lejn ħutna b’għajnejn ġodda. Dan jitlob minna konverżjoni kontinwa. Naslu li nwarrbu minna xi ideat ħżiena li kellna, u bil-mod il-mod noqorbu aktar lejn l-għaqda.

Illejla, fis-6.30pm, hemm Servizz Ekumeniku fil-Knisja tal-Anglikani, il-Belt. Kulħadd huwa mistieden.

Is-Sibt 25 ta’ Jannar 2020

Tema: Ġenerożità: Nilqgħu mingħand ħaddieħor u nagħtu lill-oħrajn

“Missier Publju inzerta mixħut, marid bid-deni u d-disenterija. Pawlu daħal ħdejh, għamel talba, qiegħed idejh fuqu u fejjqu. Wara dan imbagħad bdew ukoll jersqu għandu l-morda l-oħra tal-gżira, u hu fejjaqhom. Wrewna ġieħ kbir, u meta ġejna biex nitilqu, għabbew fuq il-ġifen kull ma konna neħtieġu.”
(Atti 28:8-10)

Ir-rakkont tan-nawfraġju ta’ San Pawl huwa mimli azzjonijiet fejn hemm min qed jagħti u min qed jirċievi. Pawlu u dawk li kienu miegħu rċevew ħafna mħabba mill-Maltin. Pawlu jagħti l-fejqan lil missier Publiju u morda oħra. Wara li n-nies li sfaw mingħajr ġifen tilfu kull ma kellhom, huma rċevew kull ma kellhom bżonn għat-tliet xhur li damu Malta, u qabel ma komplew il-vjaġġ, missirijietna tawhom il-meħtieġ kollu b’abbundanza kbira. Biex nagħtu jeħtieġ li l-ewwel nitgħallmu nirċievu – mingħand Kristu u mingħand l-oħrajn. Kultant lanqas biss nintebħu li aħna qed nirċievu ħafna mħabba mingħand persuni li huma differenti minna. Dawn l-azzjonijiet iwassluna biex induqu l-ġenerożità u l-fejqan tal-Mulej. Aħna li tfejjaqna mill-Mulej, nirrealizzaw li aħna għandna ngħaddu lil ħaddieħor dak li rċevejna.


Talbiet oħra

Dawn inkitbu minn rappreżentanti ta’ xi wħud mill-Knejjes Insara li jinsabu fil-Gżejjer tagħna.

1.
Dear God, your word is a lamp to my feet and a light to my path (Psalm 119:105)
If we do not follow you, we are led astray.
People from other nations and religions come to us.
Refugees in great need come to us.
Your healing grace also shines upon them.
Do not allow us to abandon them to the darkness of their misery; give us the power and wisdom to share your divine light with our neighbours, to accompany and strengthen us on our journey through life.
Pastor Dagmar Balser (Evangelical Lutheran Church)
Traduzzjoni Maltija:
Għażiż Alla, il-kelma tiegħek hija musbieħ għal riġlejja u dawl fil-mogħdija tiegħi (Salm 119:105).
Jekk aħna ma nimxux warajk, nintilfu u naqbdu toroq żbaljati.
Nies minn pajjiżi oħra u minn reliġjonijiet oħra jiġu għandna.
Refuġjati fi bżonn kbir jiġu għandna.
Il-grazzja tiegħek li tfejjaq tiddi fuqhom ukoll.
Tħalliniex nabbandunawhom għad-dlamijiet tal-miżerja tagħhom; agħtina s-saħħa u l-għerf biex naqsmu d-dawl divin tiegħek mal-ġirien tagħna, imxi magħna u saħħaħna matul il-vjaġġ tal-ħajja.

2.
Heavenly Father, we acknowledge that every good and perfect gift comes from you.
Lord, spur us on to generous living.
Because of your grace, may we see others as you see them and not let differences hinder our generosity.
Rather, may our lives overflow with your sacrificial love as we seek to be your hands and feet in this needy and broken world.
In Jesus’ name we pray. Amen.
Pastor Earl Pinkston (Baptist)

Traduzzjoni Maltija:
Missierna fis-smewwiet, aħna nistqarru li kull don tajjeb u perfett ġej minnek.
Mulej, xprunana biex ngħixu b’mod ġeneruż. Permezz tal-grazzja tiegħek, agħmel li naraw lil oħrajn kif tarahom int. Tħallix id-differenzi ta’ bejnietna jxekklu l-ġenerożità tagħna.
Agħmel li l-ħajja tagħna tfur bl-imħabba sagrifikata tiegħek, waqt li nfittxu li nkunu idejk u riġlejk f’din id-dinja fejn hemm tant ħtiġijiet u tant weġgħat. Dan nitolbuh fl-isem ta’ Ġesù. Ammen.

3.
Our Father in Heaven, omnipresent and all-encompassing fill us with Thy grace, kindness and love, so
that we believe in Thee, that we shall not be afraid at the moment of temptation, and do not renounce
our faith and retain our strength, which is emanating from Thee. Give us the strength to reject the
demonic power and do not believe the illusions sent to us by the unclean. May we remain in inseverable
connection with Thee all our eternal days, now and ever and unto the ages of ages. Amen.
Suddjaknu Aleksander Kuryshev (Ortodoss Russu)

Traduzzjoni Maltija:
Missierna li inti fis-smewwiet, li tinsab kullimkien u li tħaddan lil kulħadd, imliena bil-grazzja tiegħek, bit-tjubija tiegek u bl-imħabba tiegħek, biex nemmnu fik, u biex ma nibżgħux fil-ħin tat-tentazzjoni, u biex ma niċħdux il-fidi tagħna u nibqgħu b’saħħitna li ġejja kollha minnek. Agħtina l-qawwa biex niċħdu l-qawwa tax-Xitan u li ma nemmnux l-ħwejjeġ fiergħa mibgħuta lilna minnu. Agħmel li nibqgħu magħqudin miegħek b’rabta li ma tinħallx il-jiem kollha ta’ issa, u għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

Published by

laikosblog

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.