Il-Papa f’Santa Marta: L-awtorità mhix il-kmand imma koerenza u xhieda


It-Tlieta, 14 ta’ Jannar 2020: Ġesù kien jgħallem kif il-bniedem għandu jħaddem l-awtorità. L-Evanġelju ta’ San Mark li naqraw illum, jirrakkuntalna kif kien jgħallem Ġesù fit-tempju u r-reazzjoni li kien hemm fost il-miġemgħa għall-mod kif Hu kien iħaddem din l-awtorità, b’mod differenti għal kollox mill-iskribi.

Din it-tixbiha nebbħet ir-riflessjoni li l-Papa Franġisku għamel dalgħodu fil-kappella tad-Dar Santa Marta fejn spjega d-differenza bejn li ‘jkollok l-awtorità’, awtorità interjuri kif kellu Ġesù, u t-tħaddim tal-awtorità li m’għandekx, bħalma kienu l-iskribi li, minkejja li kienu speċjalisti fit-tagħlim tal-Liġi, minkejja li l-poplu kien jismagħhom, imma ma kienx jemminhom.

X’inhi l-awtorità li għandu Ġesù?  Huwa l-istil tiegħu, stil li nistgħu nsejħulu ‘sinjorili’, li bih Ġesù kien jgħaddi minn post għal ieħor, jgħallem, ifejjaq, jisma’.

Dan l-istil ‘sinjorili’ ta’ Ġesù, li jiġi minn ġewwa, jurina – x’jurina? – il-koerenza.  Ġesù kellu l-awtorità għax kien koerenti bejn dak li kien jgħallem u dak li kien jagħmel, jiġifieri kif kien jgħix.  Dik il-koerenza tesprimi l-awtorità li jkollha l-persuna: ‘Din għandha l-awtorità għax koerenti,’ jiġifieri  tagħti xhieda.  F’dan tidher l-awtorità: fil-koerenza u x-xhieda.

L-iskribi, rgħajja skiżofreniċi, kienu jgħidu bla ma jagħmlu!

L-iskribi ma kinux koerenti u Ġesù minn banda jwissi lill-poplu biex jagħmel dak li jgħidulu imma biex ma jġibx ruħu bħalhom, u mill-oħra ma jitlifx okkażjoni biex iċanfarhom għax bl-atteġġjament tagħhom waqgħu fi skiżofrenija pastorali: jgħidu ħaġa u jagħmlu oħra.  U dan jiġri f’episodji oħra fl-Evanġelju, qal il-Papa, meta Ġesù jirreaġixxi u jdaħħalhom fix-xkora inkella billi jtihom risposta u drabi oħra jgħidilhom x’inhuma bla tlaqliq!

U l-kelma  li juża Ġesù biex jiddeskrivi din l-inkoerenza, din l-iskiżofrenija hi ‘ipokrisija’.  Hu juża litanija ta’ aġġettivi!

Nieħdu l-kapitlu tlieta u għoxrin ta’ Mattew u naraw kemm drabi Ġesu jiddeskrivihom bħala ipokriti.

L-ipokrisija hi l-imġiba ta’ min hu responsabbli mill-bnedmin – f’dal-każ responsabbiltà pastorali – imma mhux koerenti, ‘sinjuri’ mingħajr awtorità.  U l-poplu t’Alla hu tant twajjeb u jittollera; jittollera r-rgħajja ipokriti, lil tant rgħajja skiżofreniċi li jgħidu bla ma jagħmlu, neqsin mill-koerenza.

Imma l-poplu t’Alla, li jittollera ħafna, jaf jagħżel bejn il-forza u l-grazzja.  Dan narawh fl-ewwel qari tal-Liturġija fejn Eli kien tilef l-awtorità kollha li kellu, imma kien baqagħlu l-grazzja tad-dilka u b’dik il-grazzja bierek u wettaq il-miraklu ma’ Anna li, imbikkija u mifnija bin-niket, titlob biex issir omm.

Il-poplu t’Alla jaf jagħżel bejn l-awtorità ta’ persuna u l-grazzja tad-dilka.  Int tmur tqerr għand dak jew l-ieħor għaliex hu hekk… jew hekk…?  ‘Imma għalija dak Alla, dak hu Ġesù.’

U dan hu d-dehen tal-poplu tagħna li ħafna drabi jittollera tant rgħajja inkoerenti, rgħajja jixbhu lill-iskribi…. u Nsara wkoll, li jmorru l-quddies kull nhar ta’ Ħadd imbagħad jgħixu bħall-pagani.

Dan hu skandlu, inkoerenza.  Kemm jagħmlu deni l-Insara inkoerenti, dawk li ma jagħtux xhieda, u r-rgħajja inkoerenti skiżofreniċi, li ma jagħtux xhieda!

Fi tmiem l-omelija l-Papa offra talba lill-Mulej biex ‘l-awtorità’ tal-imgħammdin kollha ma tkunx li jikkmandaw jew li jsemmgħu leħinhom, imma li jkunu koerenti, li jkunu xhieda, u b’hekk ikunu kumpanija għal xulxin fit-triq lejn il-Mulej.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber