Messaġġ ta’ Maria Voce, President tal-Moviment tal-Fokolari

Print Friendly, PDF & Email

L-Erbgħa 22 ta’ Jannar 2020 jaħbat għeluq il-mitt sena mit-twelid ta’ Chiara Lubich, Fundatriċi tal-Moviement tal-Fokolarini  Għal din l-okkażjoni speċjali Maria Voce, il-President attwali ta’ dan il-Moviment baghtet dan il-messaġġ  …

Chiara Lubich twieldet  fit-22 ta’ Jannar 1920; illum hu għeluq il-mitt sena mit-twelid tagħha, Mid-dinja kollha jitla’ innu  ta’ radd il-ħajr  lejn is-Sema għad-don li Alla ta lid-dinja bi twelidha.

Chiara kienet mara li għexet biex il-bnedmin jiskopru mill-ġdid li huma aħwa ta’ xulxin. Għexet biex tinbena l-familja ta’ wlied Alla, magħquda bl-imħabba lejn xulxin. Għamlet dan jum wara l-ieħor, filwaqt li bniet rabtiet ma’ dawk kollha li ltaqgħet  magħhom bla ma qieset ebda differenza ta’ kultura, reliġjon, etnija jew eta’. Chiara kienet konvinta li Alla hu Missier ta’ kulħadd, u allura li  l-bnedmin huma lkoll aħwa ta’ xulxin.

Nemmen li l-messaġġ tagħha ta’ unita’ għadu importanti u jgħodd bi sħiħ għad-dinja tal-lum, fejn il-ħin kollu naraw jinbtu  kurrenti ta’ firda u ta’ interessi politiċi dojoq u  jinbnew ħitan u fruntieri ġodda. Inħoss ħerqa kbira li tqanqalni biex għal darb’oħra niffukaw fuq l-iskop waħdieni tagħna, li hu l-istess għalina lkoll: ngħixu u naħdmu biex nibnu dinja li hi differenti minn dik li ngħixu fiha, dinja magħquda, skont il-ħsieb ta’ Ġesu’: “Ħa jkunu lkoll ħaġa waħda”.

Kien għalhekk li għażilna“Niċċelebraw biex niltaqgħu” bħala t-titlu għal dan iċ-Ċentinarju.

Ma nixtiequx  li dan  ikun  tfikira  b’nostalġija, imma li jkun okkażjoni  biex wieħed ikun jista’ jiltaqa’ ma’ Chiara. Hi għadha tgħix fl-ispirtu li qasmet magħna, fil-Moviment li waqqfet u f’numru bla għadd ta’ nies fid-dinja kollha li mxew warajha.

Għalhekk nistieden lilkom ilkoll li ltqajtu ma’ Chiara u mal-kariżma tagħha – kemm jekk  tagħmlu parti mill-Moviment u anki jekk m’intomx parti minnu – biex tgħixu   dik li naħseb li hi l-karatteristika ewlenija tagħna: li nkunu nies li nibnu relazzjonijiet u li nilqgħu lill-oħrajn bla preġudizzji,  prekonċezzjonijiet u  aġendi, nies li nibnu pontijiet.

Ejjew niċċelebraw l-anniversarju tat-twelid ta’ Chiara. Ejjew inwasslu l-messaġġ tagħha, il-ħolma tagħha  ta’ għaqda. Ejjew niċċelebraw u nagħmlu dan flimkien – Chiara tista’ tarana u tridna magħqudin – billi nieħdu sehem fil-ġrajjiet  li ser isiru fid-dinja kollha, b’mod speċjali f’dawk li ser isriu fi Trento, il-belt fejn twieldet,  u fiċ-Ċentru Internazzjonali tal-Moviment,  hawnhekk f’Rocca di Papa.

Nistennew b’ħerqa li niltaqgħu!

Maria Voce

President tal-Moviment tal-Fokolari
Rocca di Papa, 22 ta’ Jannar 2020

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d bloggers like this: