Illum il-Knisja tfakkar lil Santa Marija Cope


Fit-23 ta’ Jannar l-Knisja tfakkar lil Santa Marija Cope, Reliġjuża li għexet bejn is-snin 1838 sa 1918.

Twieldet f’Hessen Darmstadt, il-Ġermanja, fit-23 ta’ Jannar 1838, bint Barbara u Pietru Cope. Semmewha Barbara. Sentejn wara li twieldet il-familja emigrat għall-Istati Uniti u ssetiljaw fi New York.

Meta saret daqsxejn ta’ tfajla, Barbara bdiet taħdem f’fabbrika u damet sa Awwissu tal-1862, fejn imbagħad ingħaqdet mas-sorijiet tat-terz’ordni ta’ San Franġisk ta’ Sirakuża, ġewwa New York stess. F’Novembru tas-sena ta’ wara hija pprofessat u marret tgħallem fl-iskola parrokkjali tal-Assunzzjoni.

Suor Marija kienet superjura tal-kongregazzjoni diversi drabi, u darbtejn majjistra tan-novizzi. Għal tliet darbiet kienet tmexxi l-isptar ta’ San Ġużepp f’Sirakuża, fejn tgħallmet ħafna, u kellha ssibu utli ħafna aktar ’il quddiem.

Fl-1877, hija kienet eletta provinċjal kif ukoll fl-1881. Sentejn wara, il-gvern tal-Hawaj talab biex xi reliġjużi mill-Istati Uniti u l-Kanada jmorru jmexxu berġa biex tilqa’ nies suspettati bil-marda tal-ġdiem. Il-kongregazzjoni tas-sorijiet ta’ Sirakuża mal-ewwel aċċettat. Għalhekk fit-22 ta’ Ottubru 1883, Madre Marija, u sitt sorijiet oħra telqu lejn il-Hawaj, fejn ħadu ħsieb klinika ftit ’il barra minn Hanolulu. Fuq il-gżira ta’ Maui, huma fetħu wkoll sptar u skola tal-bniet.

Fl-1988, Madre Marija, flimkien ma’ 2 sorijiet marru l-Malokai, fejn fetħu dar għal nisa u tfajliet abbandunati. Għenet ukoll biex titmexxa dar tal-irġiel u l-ġuvintur, li kienet ġa teżisti. Din il-Madre kienet strument biex tbiddel l-istil ta’ ħajja tal-poplu tal-Malokai, billi introduċiet l-iġene u li jħarsu lejn il-kolonja tagħhom bħala l-għeżeż ħaġa li għandhom.

Hija baqgħet taħdem b’ħerqa kbira ġo Malokai u nibtu ħafna vokazzjonijiet mill-post. “F’kull marid, Madre Marija kienet tara l-wiċċ ta’ Kristu batut.” Hekk intqal mill-Kardinal Martins waqt il-beatifikazzjoni tagħha.

Hija mietet fid-9 ta’ Awwissu tal-1918. Ġiet ibbeatifikata fl-14 ta’ Mejju, 2005 u kkanonizzata 7 snin wara.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com