L-aqwa mistura


Kont għaddej miexi lejn l-ispiżerija biex nixtri ftit vitamini, bil-għan li jkompli jsaħħuni ħa nissokta, b’aktar ferħ u impenn, dejjem skont ma tippermettili saħħti, fil-qadi ta’ dmirijieti fl-Isptar Mater Dei. Meta niltaqa’ miegħu. Hekk! Ħabta u sabta!

Qalbi tassew ferrħet! U ferħet bil-bosta! Dan kien wieħed mill-ħbieb tiegħi, il-ħbieb fil-Mużew. Kemm konna nieħdu gost f’dawk iż-żminijiet fil-Mużew! Konna tfal innoċenti! Illum ngħid, kemm ħadu ħsiebna! Kemm għallmuna! Kemm tellgħuna fid-dixxiplina! Kemm għinuna, sa minn età daqshekk żgħira, biex nagħrfu t-tajjeb mill-ħażin! U, iva, għallmuna li t-tajjeb insejħulu b’ismu. L-istess bħalma nagħmlu lill-ħażin. Mingħajr ebda tidwir ta’ kliem u skużi!

Kif nista’ ma niftakarx, b’tant għożża u mħabba, fil-mibki Superjur Victor Delicata! Kemm ħa ħsiebna! Kemm fetħilna għajnejna! Kemm kien hemm għalina! Illum, wara tant u tant snin minn dan iż-żmien tad-deheb f’ħajti, nasal ngħid: Konna sinjuruni mingħajr ma konna nafu! Konna ngħixu fl-aqwa lussu! Mhux għax kellna l-flus iżda l-għaliex kellna l-ferħ! Dak il-ferħ li tant l-istess Superjur kien jisħaq fuq li jisħaq li għandu jkollna! Mhux biss! Iżda hu, bi mġiebtu magħna, ta’ veru missier li jħobb u jipproteġi lill-għeżież uliedu, kien ċertament jgħaddilna.

Insomma. Ma stajniex le ma naqbdux parlata fuq dan iż-żmien tad-deheb. U, flimkien, u b’mod naturali, għax misjuqin iva mill-grazzja tal-Mulej, wasalna għall-konklużjoni li dak kien tassew żmien mill-isbaħ. Għax kien żmien fejn, meta nduru lejh, nirċievu ħafna u ħafna. Ħalli, bil-grazzja tal-Mulej, nagħtu fuq li nagħtu lil oħrajn!

Imbagħad, għax id-diskors dejjem idur, kulma jmur, bdejna nitħaddtu fuq Mater Dei. Jiġifieri fl-Isptar fejn il-Mulej qed jagħtini l-grazzja li niżvolġi ħidmieti ta’ Patri Kapuċċin. Wara li kkummentali fuq qassis li l-Mulej qed jagħmel ħafna ġid bih fil-preżent dan il-ħabib antik qalli: U anki int għandek biċċa xogħol x’tagħmel! F’dak l-Isptar! Il-kumment tiegħu issokta jġagħlni nirrifletti. U, wara dik ir-riflessjoni ħafifa ħafifa, għedtlu: Ħabib. Jien għal qassis żgur li minix tajjeb. Għax m’għandix il-vokazzjoni. Imma nħossha l-vokazzjoni tiegħi iva, bħala Patri Kapuċċin, li nkun mal-morda fl-Isptar Mater Dei. Li noqgħod hemm! Nismagħhom, inkellimhom u ngħix magħhom!

Dan il-kumment, lil dan il-ħabib tat-tfulija, bħal donnu fetaħlu, jew aħjar, qiegħdlu diskors mill-Mulej fuq fommu u li kellu jgħidli. Tant hu hekk li meta qalhuli aqta’ kemm ħallieni naħseb u nixtarr! F’mument minnhom qalli hekk: Mela int mhux qed tagħmel biċċa xogħol hemm billi tfarraġhom. Il-faraġ l-aqwa mistura!

X’affermazzjoni dik ħbieb! Il-faraġ l-aqwa mistura! Din il-frażi tassew li ħallietni naħseb! Nirrifletti! U li niżdied aktar fir-responsabbiltà, li diġà qiegħdha tagħfas fuq spallejja biex nissokta naħdem mal-morda f’dan l-Isptar kbir. Fejn il-bżonnijiet ta’ saċerdot Kapuċċin huma bil-wisq u wisq meħtieġa! Il-faraġ hu l-aqwa mistura!

Seta’ dan id-diskors ma jagħmilx sens ħbieb? Ajma! L-aktar bħalissa li hawn tant u tant persuni maħsusin bl-irjiħat. U int, dan it-tip ta’ virus li hawn idur bħalissa, din l-imbierka influwenza, kif tridek tilqagħlha? Mhux bil-mistura? Għax, dak il-katarru, kif ħa tneħħieħ jekk mhux bil-mistura? Dik il-famuża mistura li tnaddafna mill-ħmieġ ġewwieni li jimblokka l-pulmuni u t-toroq tal-arja tagħna li għandna jduru ġewwa fina! Dik il-mistura li terġa’ tagħtina lura dak il-leħen li kellna qabel u dik is-saħħa li biha konna għaddejjin. Qabel ma nxħetna, ħajma ħajma, f’qiegħ ta’ sodda. U bdejna nieħdu s-sick leave.

Iżda min jagħtih il-faraġ? U hawn nixtieq ħafna, b’kelma ħelwa u pulita li tgħin lill-qalb u lir-ruħ tkun nadifa, ngħidlu din il-ħaġa lill-ħabib ta’ ċkuniti: Patri Mario ma jfarraġx nies! Iżda huwa l-Mulej li jfarraġhom! Għax, Patri Mario, mingħajr l-għajnuna ta’ Ġesù, lanqas jgħid l-ittra A jew B ma jista’ aħseb u ara mela kemm se jfarraġ lin-nies! Issa din il-verità kbira turihielna l-Bibbja stess meta tgħidilna:

Kattarli l-kobor tiegħi; erġa’ agħtini l-faraġ tiegħek (S 94:19). Meta joktor l-hemm ġo qalbi,
il-faraġ tiegħek ihennili ruħi (S 119:52). Niftakar fid-digrieti tiegħek ta’ dari; fihom, Mulej, jiena nsib il-faraġ tiegħi (S 119:76). Tkun it-tjieba tiegħek il-faraġ tiegħi, skond il-wegħda li għamilt mal-qaddej tiegħek (S 119:77). Tiġi fuqi tjubitek, biex ikolli l-ħajja; għax il-liġi tiegħek hi l-għaxqa tiegħi (S 119:77). Jgħajjtu l-ġusti għall-għajnuna, u l-Mulej jismagħhom;
mid-dwejjaq kollha tagħhom jeħlishom. Qrib il-Mulej lejn dawk b’qalbhom maqsuma,
jgħin lil dawk b’ruħhom mifnija. Kbar huma l-ħsarat tar-raġel sewwa, iżda minnhom kollha jeħilsu l-Mulej. Iħarislu għadmu kollha, ebda waħda ma titkissirlu (S:34:18-21).

Qed taraw mela kif Patri Mario ma jfarraġx nies imma hu l-Mulej li jfarraġhom! U jfarraġhom għax il-faraġ tiegħU jkattar il-kobor tagħhom ta’ uliedU! Iffarraġhom biex f’Kelmtu setgħana jitfarrġu! Ifarraġhom għax hu tajjeb! Ifarraġhom għax hu Alla li jżomm KelmtU! Ifarraġhom biex jagħtihom il-ħajja tiegħu! Ifarraġhom ħa jkollhom fuqhom l-għaxqa tiegħU! Ifarraġhom għax jgħinhom billi jismagħhom! Ifarraġhom l-għaliex jeħlishom mid-dwejjaq kollha tagħhom! Ifarraġhom għax qrib lejn dawk ta’ qalbhom maqsuma! Ifarraġhom għax f’idejH qiegħdin dawk ta’ ruħhom mifnija! Ifarraġhom għax iħarsilhom saħansitra għadamhom! Mela, aħseb u ara kemm se jeħdilhom ħsieb aktar is-saħħa mentali, emozzjonali u spiritwali tagħhom?

Mhux ta’ b’xejn ħbieb li s-salmista, għal dan Alla, qal: Min hu bħalek, Mulej! (S 35:10). Għax, jekk għalija u għal min hu bħali, jgħidilna: Farrġu, farrġu l-poplu tiegħi! (Is 40:1), dan jgħidulna biex jidher il-faraġ tiegħu fina, aħna qaddejja li ma niswew għal xejn; għamilna biss dak li kellna nagħmlu (Lq 17:10).

Il-faraġ tal-Mulej hu l-aqwa mistura. Mela, meta tkun imtaqqal u imtaqqla, irrepeti din is-silta minn Salm 27:

Il-Mulej id-dawl u s-salvazzjoni tiegħi; minn min għandi nibża’? Il-Mulej hu l-kenn tiegħi;
quddiem min għandi nitwerwer? Meta jqumu għalija l-ħżiena, biex jaħtfuni u jikluni, dawk li għandhom għalija, l-għedewwa tiegħi, huma jitfixklu u jaqgħu. Mqar jekk eżerċtu jqum għalija, xejn ma tibża’ qalbi; mqar jekk gwerra tqum kontrija, jiena nibqa’ qalbi qawwija (S 27:1-3).

Patri Mario Attard OFM Cap