Il-Ħamis, 30 ta’ Jannar 2020: Il-paġna tal-Evanġelju ta’ Marku li kellna llum hi għanja bil-pariri. Il-Papa Franġisku għażel wieħed minnhom biex jitkellem u jirrifletti dwaru mal-fidili miġburin fil-kappella tad-Dar Santa Marta.
‘Bl-istess kejl li tkejlu intom jitkejjel lilkom.’ Ilkoll kemm aħna nagħmlu l-kontijiet mal-ħajja; nagħmluhom issa imma, fuq kollox, nagħmluhom fi tmiem l-eżistenza tagħna. Dis-sentenza ta’ Ġesù tgħid kollox dwar dak il-waqt, jiġifieri kif se jkun il-ġudizzju.
Għaliex, issokta l-Papa, ladarba l-pass tal-Beatitudnijiet u l-kapitlu 25 tal-Evanġelju ta’ Mattew juruna dak li għandna nagħmlu u kif għandna nagħmluh, l-istil u l-qies hu proprju dak li qed jgħid il-Mulej hawnhekk: B’liema qies inkejjel lill-oħrajn? B’liema qies inkejjel lili nnifsi: b’qies ġeneruż, mimli mħabba t’Alla, jew b’qies ta’ livell baxx? U b’dal-kejl se nkun iġġudikat, b’ebda mod ieħor, proprju b’dak li nagħmel jien.
F’liema livell poġġejt il-qies tiegħi? F’kemm għoli? Irridu naħsbu dwar dan. U dan ma narawhx biss fl-affarijiet tajbin li nagħmlu imma fl-istil ta’ ħajja li ngħixu ta’ kuljum.
Infatti, kull wieħed u waħda minna għandna stil, qies li bih inkejlu lilna nfusna, l-affarijiet u lill-oħrajn. Dan hu l-kejl li l-Mulej se juża magħna. Għalhekk min il-qies tiegħu hu l-egoiżmu, hekk se jkun mitkejjel lilu; min hu nieqes mill-ħniena u biex jilħaq lest ikasbar u jisħaq ras kulħadd, se jkun iġġudikat bl-istess kejl, bla ħniena.
Il-Papa għamel proposta ta’ stil tal-ħajja nisranija u spjega liema hu l-mudell: Bħala Nisrani nistaqsi lili nnifsi liema huwa l-kejl li nuża, biex inkun naf jekk il-qisien tiegħi humiex ta’ livell nisrani, ta’ livell li jrid minni Ġesù? Dal-kejl hu l-ħila li numilja ruħi, il-ħila li nsofri l-umiljazzjonijiet. In-Nisrani li m’għandux ħila jġorr l-umiljazzjonijiet tal-ħajja miegħu għandu xi ħaġa nieqsa. Huwa Nisrani ‘mbajjad’ jew interessat.
Imma dan għaliex? Għax dan għamlu Ġesù, xejjen lilu nnifsu. Pawlu jgħidilna: ‘Xejjen lilu nnifsu billi ħa l-mewt, anzi l-mewt tas-salib.’ Hu kien Alla imma ma kienx dan il-kejl tiegħu: hu xejjen lilu nnifsu. Dan hu l-mudell.
U bħala mudell ta’ stil ta’ ħajja ‘mondan’, ‘tad-dinja’, nieqes mill-ħila li jimxi fuq il-mudell li jtina Ġesù, il-Papa kkwota l-ilmenti li jsemmulu l-isqfijiet meta jsibu diffikultà biex iċaqalqu saċerdoti minn parroċċa għal oħra għax jidhrilhom li l-ġdida hi ‘inferjuri’ u għalhekk iqisu ċ-ċaqliqa bħala kastig.
Dan hu l-mod li bih jien nagħraf liema hu l-istil tiegħi, il-mod kif niġġudika, mill-imġiba tiegħi kull darba li nintlaqat mill-umiljazzjoni.
Dan hu ġudizzju ‘tad-dinja’, ġudizzju midneb, mod li bih tiġġudika qisek xi imprenditur.
‘Bl-istess kejl li tkejlu intom, jitkejjel lilkom.’ Bl-istess kejl. Jekk il-kejl huwa nisrani, li jimxi wara Ġesù, fit-triq tiegħu, se nkun iġġudikat bl-istess qies, b’ħafna u ħafna ħniena, b’ħafna kumpassjoni. Imma jekk il-qies tiegħi hu ‘mondan’ u l-fidi nisranija tiegħi hi biss formalità – immur il-quddies imma ngħix kif jogħġobni – dak se jkun il-kejl li nkun imkejjel bih.
Nitolbu lill-Mulej il-grazzja li ngħixu bħala Nsara u, fuq kollox, biex ma nibżgħux mis-slaleb u mill-umiljazzjonijiet għax din hi t-triq li kien għażel Hu biex isalvana u din hi l-garanzija li l-kejl tiegħi hu kejl nisrani: il-ħila li nġorr is-salib, il-ħila li naċċetta xi umiljazzjoni.
Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber.