Jisimni Gustave


Jisimni Gustave! Jien rettili. Għax nitkaxkar! Għax alligator! Tini jdejk jew rasek u ngħidlek x’jien! Għax naqtagħha mingħajr ħniena! Biex imbagħad niblagħha. Għax, bħalek, jien irrid ngħix!

Għalija kollox jgħaddi. Daqqa, meta nkun fl-ilma, u nagħmel dik li jgħidulha d-death roll fuq il-vittma, jiġifieri ndur fuq nnifsi kemm hemm bżonn sakemm nerġa’ niġbed dejjem ‘il bogħod il-vittma mill-ilma. U hekk, biha f’ħalqi, nibda’ inqattagħha ħa niblagħha. Ifhem! Ma tantx fini x’titgħaxxaq. Naf noqgħodlok kwiet għall-aħħar! Ma niċċaqlaqx! Imma mbagħad nagħmillek dak l-attakk għall-għarrieda. Ħeqq! L-ilma t-territorju tiegħi! Mela tiċċajtalix fl-ilma jekk ma tridnix nitla’ għalik u nqattgħek ħaj u ħajja! Aħjar titbiegħed mill-ilma ħelu jew naqra mielaħ. Insomma! Aħrabni kulfejn inkun! Jekk ma tridx tispiċċa bħal ħafna vittmi tiegħi! Imqatta’!

Jien ma niekolx kuljum lanqas. Jaf nagħmillek tmin xhur mingħajr ma mmiss xi annimal li jazzarda jidħolli fit-territorju tiegħi. Biss ħa ngħidlek: jekk inkun bil-ġuħ u jfettillek turini kemm int raġel u mara imbagħad ma jkollix għażla oħra għajr li nurik min hu tassew l-alligator! Għedtilkom li jismni Gustave! Veru? Ismi għandu storja kbira u twila. L-aktar fil-pajjiżi Nordiċi. Jgħidu li ismi jfisser “mistieden glorjuż”. Imma, ngħid jien, meta tara kif inqattagħhom il-vittmi tiegħi taħseb li jien tassew mistieden glorjuż? Jew invażur tal-biża’? Li jagħmel ħerba kulfejn imur? Jew għalxiex jaħsel li jdur?

Tifsira oħra li jagħtu lil ismi hi dik ta’ bastun tal-allat. Din interessanti wkoll! Minħabba li jien karnivolu, l-għaliex inqatta’ kull biċċa laħam li nara tiċċaqlaq quddiemi, ma naħsibx li jien xi għasluġ tal-alla tal-ħniena u tal-imħabba. Imma jien għasluġ ħbieb! Għasluġ tal-alla tal-mibegħda, tat-tqattiegħ, tad-distruzzjoni, u ta’ ma nafx jien! Għax predatur! Naqbad lil min insib quddiem wiċċ biex inqattgħu. U nqattagħha! Ikunux irġiel, nisa, xjuħ, tfal jew ta’ mezza età, dak mhux importanti għalija! Li naf hu li meta jkolli l-vittma f’ħalqi, biex inqattagħha biċċiet, hemmhekk tinsab il-glorja tiegħi! Għax hemm iva insib tassew il-ferħ tiegħi! Wara kollox, dak li nkun ilni nitħabat għalih fl-aħħar iseħħ!

Mhux dejjem faċli għalija li naqbad il-priża tiegħi tafux! Ġieli jkolli noqgħod nistenna u nistenna! Sakemm tiġi x-xoqqa f’moxtha! Kemm-il darba kelli noqgħod fl-ilma, hemm, fil-kwiet, nistenna l-mument propizzju. Il-waqt! Indum ngħarrex għalih tgħidx kemm! Iżda mbagħad, meta jiġini ċ-ċans, għalihom! Għalih! Għaliha! Ninżel fix-xmara u nagħmel festa sħiħa! U l-festa nagħmilha ta’ alligator li jien!

Xi minn daqqiet nieħu t-triq l-oħra wkoll. Għax nara xi annimal jew bniedem, għall-kwiet, max-xmara. Minn fejn inkun mistoħbi, fl-ilma, inkun qed nara kollox! Għalhekk, meta t-tajjeb moħħi iwassalli r-rapport li hemm xi biċċa laħam tajba fuq ix-xtajta tax-xmara, x’nagħmel? Għall-ewwel nibqa’ kwiet kwiet! Qisni mejjet! Tant li, min jarani, jibda’ jgħid u tgħid, f’qalbu u f’qalbha: Iva dan bla demm?! U proprju hemm li għandkom tibżgħu minni! Meta tarawni u taħsbuni bla demm! Għax hu hemm li d-dehem isir sehem! Għax isir SEHMI! Il-festa tiegħi!

F’dak il-waqt, nitla’ inkiss inkiss, u, b’ħalq mimli snien, niftħu beraħ u naqbad il-vittma f’ħalqi. U x’nagħmel? Se noqgħod nissara magħha fuq l-art? Le ħej! Li ma tmurx taħrabli! Inkella, dak l-isforz kbir li nkun għamilt inkun swieli suf! Li nagħmel hu li nkaxkarha fid-dominju tiegħi. Fl-ambjent fejn inqatta’ ħafna mis-snin ta’ ħajti. U hemm, sintendi, nagħmel l-ikla tiegħi! Ikla mingħajr ma nilbes għaliha s-sarvetta u lanqas m’għandi bżonn nuża l-furketta u s-sikkina. Tibżgħux! Snieni jagħmlu xogħlhom tajjeb! Anzi! Tajjeb ħafna!
Jien naf li kull meta taraw ix-xedaq snien tiegħi titwerwru. U għandkom raġun! L-għaliex, Alla jbierek, għandi kull nejba daqshiex! Biss tħallux li l-biża tagħkom dwar ix-xedaq snien tiegħi jimlielkom raskom tafux! L-ewwel nett, jekk iżżommuli ħalqi miftuħ, jien nitlef saħħti. Għax, il-qawwa tiegħi, mhux qiegħda f’li jkolli ħalqi miftuħ imma meta nniżżel ħalqi, dak ix-xedaq kollu snien, bih letteralment lill-vittma nagħmilha rmied. Mela, meta iżżommuli ħalqi ‘il fuq intom qed titilfhuli saħħti!

Barra minhekk, aħbar tajba għalikom hi li meta tweġġgħuli għajnejja jien aqta’ kemm nibża’ minnkom! L-għaliex, minn dak il-mument ‘il quddiem, nibda’ narakom ta’ theddida tal-waħ waħ waħx għalija! Mela, anki hawn! Daqqa f’għajnejja kulma tridu tagħtuni! U lili ma tarawnix aktar indur magħkom. Kemm joqgħod mela għalija dik il-frażi idjomatika Maltija li intom tagħmlu użu minnha fl-ilsien sabiħ tagħkom il-Malti: Imlihielu għajnejh! Imlithilha għajnejha!

Fl-aħħar nett, jekk jirnexxielkom iddaħħlu idejkom f’ħalqi u, sewwa sew, tmissuli l-gerżuma minn ġewwa u jseħħilkom tiftħuli l-għatu li għandi hemm, dritt il-pulmuni tiegħi jimtlew bl-ilma. U jien, filli nkun l-aggressur u filli minnufih nispiċċa l-vittma! Għax aqta’ kemm nibda’ negħreq minħabba li nibda’ nimtela’ bl-ilma. U immut! Bħalma tmutu intom meta tibdew timtlew bl-ilma, l-aktar fl-istaġun xitwi u kiesaħ tagħkom, u hekk tmutu mgħarrqin minn ġewwa! Ħbieb, kemm kont żbaljat meta ħsibt li għalija ma jista’ ħadd! Mhux l-ewwel darba li sibt kappell jiġini!

Biżżejjed ngħidilkom li darba mort nitkessaħ ma’ shark. U ridt nurih xi nsarraf. Mort quddiemu b’ħalqi miftuħ. U spiċċajt fi ġlieda miegħu. Ħsadtu. U qtajtlu waħda mill-ġwienaħ tiegħu tal-ġnub. U, ferħan ferħan, għax ħsibt li wettaqt xi rebħa grassa, tlajt niġri ‘il fuq ‘il fuq, f’wiċċ l-ilma. Ħa niċċelebra! Għax, iblaħ li jien, ħsibt li kont għamilthielu. Imma x-shark ma kienx merħi ħbieb! Ma tarax! Għax, minn qiegħ l-ilma, għamel manuvra. U waqt li jien kont kważi wasalt mal-wiċċ tal-ilma biex noqgħod nieħu gost nilgħaq ix-xemx għax ħsibt li irbaħtlu, ix-shark tela’ bħal sajjetta għalija, attakkani minn naħa tax-xellug, tani gidma tajba f’għonqi u ħallieni ngħum fl-ilma f’daħna skura kbira! U jien, Gustave l-alligator, Réquiem aetérnam dona eis, Dómine, et lux perpétua lúceat eis. Amen. (Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem, id-dawl ta’ dejjem jiddi fuqom, jistrieħu fis-sliem. Ammen).

Issa jien, li nidher tant ikrah, naf infakkarkom f’alligator ieħor! Alligator tal-biża’! Alligator li jdur magħkom! U jagħmel l-istess xogħol li nagħmel jien! Jiġifieri l-alligator tal-ħażen! Dak l-alligator li hu x-xitan. L-ispirtu tal-ħażen. Id-demonju. Nimmaġina li waqt li qed taqraw l-istqarrija tiegħi, li llum xtaqt fuq li xtaqt nagħmel magħkom, minflok li qgħadt nagħmel ix-xogħol tas-soltu, jiġifieri li nikkaċċja għall-vittmi tiegħi, ħa jkolli x’niekol, intom tibdew mill-ewwel taraw il-konnessjonijiet! U hemm konnessjonijiet xi jsiru tafux!

L-alligator tal-infern għall-ewwel taħsbu li mhux perikoluż. Jaf jiġi jdur miegħek! Jaf jagħmilha wkoll ta’ ħabibek! Jaf jurik li hu fidil ħafna! U int, ta’ iblaħ u belha li tkun, taf tgħid: Kemm hu min tagħna jaħasra! U kemm hi ħelwa! Imma x’jagħmel dak li kont tgħidlu minn tagħna u ħelu u ħelwa? Filli jkun għall-kwiet u filli jiftaħlek ix-xedaq snien u tal-biża’ tiegħu u jattakkak. L-għaliex tkun fdajtu u fdajtha jkun jaf sewwa fejn għandu jattakkak. Għalhekk, il-gidma li jagħtik, ma tħallilekx ċans li tgħid l-iċken Ave Marija! Għax gidma u daqshekk! Bye Bye!

Barra minhekk, dan l-alligator jaf jattakka ukoll b’sorpriża. Meta tara iljun ġej mill-ewwel tinduna x’ħobż jiekol. Imma dan, l-alligator, iktar ma jidher kwiet aktar għandek tibża’ minnu! Għax, wara dak is-skiet, hemm lest ix-xedaq snien li jqatta’ u jqatta’ bla ħniena lil min ikollu ‘ix-xorti’ li jiġi taħt il-madmad tiegħu. U, aktar ma jqatta’, aktar jidher li qed jieħu pjaċir iqatta’!

Imma, kull par għal paru tafux! U, anki dan l-alligator, sabulu tarfu wkoll! L-ewwel nett, lil dan l-alligator, ibdew morrulu l-quddies tal-ħadd. Anki jekk ikun hemm patri jew qassis li jeqred u jmardek. Jew li jkissirlek l-istonku tiegħek. Għax, il-quddiesa, minnha nnifisha, qawwija ħafna. Fiha, Alla jsir bniedem! Imbagħad morrulu għall-qrar. Qatt tgħid: jien inqerr mal-Mulej jew ma’ Alla! Le! Tkun żbaljat u żbaljata ħafna! Mur qerr ħa tirċievi l-qawwa li s-sagrament biss tal-qrar jista’ jagħtik! U, ovvja, evita kemm tista’ id-dnub. Ħalli ma ttihx ċans jiftaħlek ħalqu biex iqattgħek. Bilħaqq, jekk trid tagħtih daqqa ta’ ponn kbira f’għajnejh itloblu l-Kurunella tal-Ħniena Divina u r-Rużarju kuljum. U jekk trid tiftħalu dak l-għatu ta’ ġo ħalqu ħalli jimtela’ bl-ilma u jegħreq aħfer u agħmel il-ġid kemm tiflaħ lill-għedewwa tiegħek. U, żomm naqa fommok sieket u sseksek u tpaċpaċ fuq ħadd! Għax aħna, bnedmin u alligators, kollha ottu qiegħdin! Kollha għandna xi nxommu! Mela, isma’ naqa’ minni sieħbi! Easy!

Sieħbi, dak kollu li kelli ngħidlek għallum. Issa ħa nerġa’ ninżel fix-xmara u noqgħod għall-kwiet. Mhux biex niekol xi żebra, ċerva jew xi barri imma biex noqgħod naħseb jien stess fuq din il-qrara li għamilt magħkom illum. Wara kollox il-vittmi li qattajt ma jagħmlulix ġieħ! Abbli issa, wara din il-qrara li għamilt magħkom, bħalma għamel Santu Wistin, għalkemm alligator jien xorta waħda qed inħoss is-sejħa li nħobb tassew. Għalhekk, ħa noqgħod naqra bi kwieti. U, għal darba f’ħajti, inkun mistieden ta’ glorja u għaslug ta’ Alla tal-imħabba. Alla ta’ Ġesù Kristu.

Inkun il-veru Gustave! L-alligator!

Patri Mario Attard OFM Cap