Illum il-Knisja tagħmel il-Festa tal-Katedra ta’ San Pietru


Fit-22 ta’ Frar l-Knisja tagħmel il-Festa tal-Katedra ta’ San Pietru.

X’aktarx li din il-festa bdiet tiġi ċċelebrata kull sena mill-bidunett tal-Knisja, b’tifkira tal-ġurnata li fiha San Pietru għamel l-ewwel ċerimonja reliġjuża hekk kif wasal Ruma, xi ħdax-il sena wara li Ġesù tela’ s-sema.

Kittieba tal-Istorja jaffermaw li San Pietru, qabel ma mar Ruma, kien diġà waqqaf is-Sedi tiegħu f’Antjokja. Antjokja dak iż-żmien kienet il-kapitali tal-Lvant. San Girgor il-Kbir jgħid li l-Prinċep tal-Appostli kien isqof ta’ dik il-belt għal seba’ snin.

Huwa fatt ukoll ibbażat fuq il-kunsens unanimu tal-kittieba nsara tal-qedem li San Pietru kien ukoll Ruma u waqqaf il-Knisja hemmhekk. B’danakollu hu ma baqax kontinwament Ruma, billi għal xi waqtiet kellu spiss ikun bnadi oħra minħabba l-ħidma appostolika tiegħu .

Fil-Vatikan, hemm siġġu sempliċi bid-dirgħajn, magħmul mill-injam tal-ballut, u li żmien wara kien ġie msebbaħ b’panelli tal-avorju. Dan is-siġġu (sedes gestatoria) jinsab ippreservat ġo kaxxa kbira tal-bronż, iddisinjata minn Bernini, u tinsab imqiegħda fil-għoli mal-ħajt.

Fl-1867, dan is-siġġu kien ġie espost għall-venerazzjoni tal-Fidili biex jiġi kkomemorat it-tmintax-il ċentinarju mill-mewt ta’ San Pietru.

Biż-żmien, il-Knisja, bdiet tara fis-siġġu ta’ San Pietru, simbolu tal-awtorita’ tal-Papa, jew fi kliem ieħor l-għaqda tal-Knisja mal-Papa suċċessur tal-Appostli, u għalhekk f’dan il-jum, tħeġġeġ il-Fidili biex isaħħu l-fedelta’ tagħhom lejn il-Papa u biex jitolbu għalih.

Fl-imgħoddi, il-festa li tfakkar l-awtorità pontifiċja ta’ San Pietru kienet tiġi ċċelebrata f’żewġ dati differenti: fit-18 ta’ Jannar, f’ġieħ il-pontifikat tiegħu f’Ruma, u fit-22 ta’ Frar f’ġieħ il-pontifikat tiegħu f’Antjokja. Fir-riforma tal-Kalendarju Universali tal-Knisja tal-1969 dawn iż-żewġ festi nġabru f’festa waħda.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com