It-Tlieta, 10 ta’ Marzu 2020: Għat-tieni jum, il-quddiesa li l-Papa Franġisku ċċelebra fil-kappella tad-Dar Santa Marta kienet trasmessa streaming mill-mezzi tal-komunikazzjoni tas-Santa Sede.
Il-Papa ħareġ iqaddes fi skiet totali, silenzju miksur mill-Qdusija Tiegħu li bħall-bieraħ reġa’ offra s-sagrifiċċju tal-altar għall-bżonnijiet ta’ min qed isofri minħabba l-virus COVID-19 u għal kull min qed jieħu ħsiebhom.
Illum, it-Tlieta 10 ta’ Marzu 2020, żied jitlob ukoll għas-saċerdoti biex ikollhom il-kuraġġ li jmorru jiltaqgħu mal-morda sabiex jeħdulhom il-Kelma t’Alla u l-Ewkaristija. Il-Papa qal li dawn is-saċerdoti jkunu ta’ wens ukoll għall-operaturi sanitarji u għall-voluntieri fix-xogħol li qed iwettqu.
L-omelija tal-Papa kienet imnebbħa mill-Evanġelju li fih toħroġ l-ipokrisija tal-iskribi u l-fariżej li kienu jilagħbuha tal-importanti għal għajn in-nies, kienu jridu min isejħilhom ‘rabbi’ imma l-imġiba tagħhom kienet nieqsa mill-koerenza.
Ilbieraħ, qal il-Papa, il-Kelma t’Alla għallmitna nagħrfu dnubietna u nqerruhom mhux biss b’moħħna imma b’qalbna wkoll, bi spirtu ta’ mistħija, mistħija bħala atteġġjament nobbli għad-dnubiet tagħna quddiem Alla.
Illum il-Mulej qed isejħilna, lilna lkoll midinbin, biex niddjalogaw miegħu għax id-dnub jagħlaqna fina nfusna, iġegħilna nistaħbew jew naħbu l-verità tagħna ġewwa fina.
Hekk ġralhom Adam u Eva: wara d-dnub, inħbew għax stħaw, kienu għerja. Il-midneb li jħoss il-mistħija jkollu t-tentazzjoni li jinħeba. Il-Mulej isejjaħ: ‘Ejjew, ejja niddiskutu’ – jgħid il-Mulej – ‘ejja nitkellmu dwar dnubek, nitkellmu dwar is-sitwazzjoni tiegħek. Tibżax.’ U jkompli jgħid, ‘Anke jekk dnubietek huma ħomor daqs l-iskarlatt, isiru bojod bħas-silġ; anke jekk ikunu ħomor bħall-kremżi, isiru bojod bħas-suf.’ ‘Ejjew, għax jien nibdel kollox’ – jgħidilna l-Mulej – ‘tibżgħux tiġu biex nitkellmu. Agħmlu l-qalb minkejja l-miżerji tagħkom.’
Qed jiġini f’moħħi dak il-qaddis li kien tant niedem, kien jitlob ħafna. U kien jagħmel ħiltu biex lill-Mulej itih dak kollu li kien jitlob minnu. Imma l-Mulej ma kienx kuntent. Ġurnata waħda ħadha xi ftit mal-Mulej – għax ma kellux karattru ħelu dak il-qaddis. U lill-Mulej jgħidlu: ‘Imma Mulej, jien ma nifhmekx. Jien intik kollox u int qatt m’int sodisfatt, qisu hemm xi ħaġa nieqsa. X’hemm nieqes?’ U l-Mulej wieġeb: ‘Tini dnubietek: dan hemm nieqes.’
Irid ikollna l-kuraġġ li ngħammru mal-miżerji tagħna u nitkellmu mal-Mulej: ‘Isa, ejjew! Ejjew niddiskutu! Tibżgħux. Anke jekk dnubietkom ikunu ħomor skarlatt, isiru bojod bħas-silġ. Jekk ikunu ħomor bħall-kremżi, isiru bojod bħas-suf.’
Din hi l-istedina tal-Mulej. Imma dejjem hemm l-ingann: minflok immorru nitkellmu mal-Mulej, nagħmlu tabirruħna li m’aħniex midinbin. Il-Mulej fuq dan iċanfarhom lid-dutturi tal-Liġi. Dawn in-nies li jagħmlu ‘jagħmluh għal għajnejn in-nies: għalhekk ikabbru l-filatteri u jtawlu l-ġmiemen tagħhom. Iħobbu l-postijiet ewlenin fl-imwejjed, u s-siġġijiet ta’ quddiem fis-sinagogi, u jixtiequ min isellmilhom fil-pjazez u li n-nies isejħulhom rabbi.’
L-apparenza, il-vanità. Nostru l-verità ta’ qlubna bil-vanità. Il-vanità qatt ma tfejjaq, qatt! Anzi, hi velenuża. Tibqa’ għaddejja u tmarradlek qalbek, twassalhielek biex tibbies, u tgħidlek: ‘Le, tmurx għand il-Mulej, ibqa’ dak li int.’
Il-vanità hi l-għeluq li jġegħilna nirrifjutaw is-sejħa tal-Mulej. Minflok, l-istedina tal-Mulej hi dik ta’ missier, ta’ ħuk: ‘Ejjew! Ejja nitkellmu. Fl-aħħar jien għandi ħila nibdillek ħajtek, minn ħamra nġibhielek bajda.’
Jalla dal-kliem tal-Mulej jinkoraġġina. Jalla t-talba tagħna tkun talba vera: tar-realtajiet tagħna, ta’ dnubietna, tal-miżerji tagħna. Nitkellmu mal-Mulej. Hu jaf x’aħna. Aħna nafu wkoll, imma l-vanità dejjem tistedinna biex naħbu. Jalla l-Mulej jgħinna.
Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber.