Il-Papa f’Santa Marta: Il-Mulej jgħin lill-familji biex isibu lill xulxin mill-ġdid waqt dan iż-żmien diffiċli

Print Friendly, PDF & Email

It-Tnejn, 16 ta’ Marzu 2020: Illum il-Papa Franġisku ċċelebra l-quddiesa fil-kappella tad-Dar Santa Marta, u għal darb’oħra din intweriet diretta mill-mezzi tal-komunikazzjoni tal-Vatikan, kif se jibqa’ jiġri sat-3 ta’ April. Fl-introduzzjoni tal-quddiesa, il-Papa kompla jitlob għall-morda u għall-familji li jinsabu fi kwarantina sabiex il-Mulej jgħinhom jiskopru modi ġodda kif jesprimu l-imħabba ta’ bejniethom bi kreattività.

Fl-omelija l-Papa Franġisku kkummenta l-qari tal-ġurnata meħud mit-Tieni Ktieb tas-Slaten u mill-Evanġelju ta’ Luqa.

Fiż-żewġ siltiet li qed ittina biex nimmeditaw il-Liturġija tal-lum, beda l-Papa Franġisku, naraw atteġġjament li jiġbdilna l-attenzjoni, atteġġjament uman imma li mhux ta’ spirtu tajjeb:  l-għadab.  In-nies ta’ Nazaret bdew jisimgħu lil Ġesù, għoġobhom kif kien qed jitkellem, imma mbagħad xi ħadd qal: ‘Imma dan f’liema università studja? Dan iben Marija u Ġużeppi.  Kien mastrudaxxa!  X’ġie jgħidilna?’  U l-poplu mtela bl-għadab.  Dan l-għadab wassalhom għall-vjolenza.  U lil dak Ġesù li kienu qed jammiraw xħin beda jipprietka, keċċewh ’il barra u riedu jixħtuh għal isfel minn fuq l-għolja.

Nagħman ukoll kien bniedem tajjeb, miftuħ għall-fidi – iżda meta l-profeta bagħat jgħidlu biex jogħdos għal seba’ darbiet fil-Ġordan, jagħdab.  ‘Kif? Jien għidt bejni u bejn ruħi, li hu kien se jaqbad u joħroġ, jieqaf quddiemi, u jsejjaħ isem il-Mulej, Alla tiegħu, u jxejjer idu fuq il-ġrieħi, u jneħħili l-lebbra! Jaqaw Abana u Farfar, ix-xmajjar ta’ Damasku, mhumiex aħjar mill-ilmijiet kollha ta’ Iżrael? Ma nistax ninħasel fihom u nindaf?’ U dar u telaq b’saħna.

F’Nazaret ukoll kien hemm nies twajba: imma x’kien qed jaħkem lil dawn in-nies twajba li wassalhom għal dan l-atteġġjament ta’ għadab u, agħar minn hekk, għall-vjolenza? F’Nazaret!  Kemm in-nies tas-sinagoga ta’ Nazaret kif ukoll Nagħman kienu jaħsbu li Alla juri ruħu biss b’dak li hu straordinarju, fl-affarijiet lil hinn minn dak li hu komuni; li Alla ma seta’ jagħmel xejn fis-sempliċità fl-affarijiet normali tal-ħajja. Għadbu għal dak li hu sempliċi.  Kienu jiddisprezzaw l-affarijiet sempliċi.

U Alla tagħna jgħinna nifhmu li Hu jaħdem dejjem bis-sempliċità, bħal fid-dar ta’ Nazaret:  fis-sempliċità tax-xogħol ta’ kuljum, fis-sempliċità tat-talb.  Iżda l-ispirtu tad-dinja jressaqna lejn il-vanità, lejn l-apparenzi.

U t-tnejn li huma jispiċċaw isiru vjolenti.  Nagħman kien edukat, imma jsabbat il-bieb f’wiċċ il-profeta u jitlaq:  ġest vjolenti.  In-nies tas-sinagoga bdiet tisħon rashom u bla ma ntebħu konxjament, qatgħuha li joqtlu lil Ġesù, keċċewh u ħaduh biex jitfgħuh għal isfel.  L-għadab hu tentazzjoni kerha li twassal għall-vjolenza.

Ftit jiem ilu wrewni vidjow fuq mowbajl fejn kien hemm żagħżugħ li ried joħroġ minn bieb ta’ appartament minkejja li kien kwarantina.  Dak li kien għassa ma riedx iħallih joħroġ u dan iż-żagħżugħ irrabja u qabad itih bil-ponn u jgħajru: ‘Int, ja iswed, min taħseb li int biex ma tħallinix noħroġ?’

L-għadab hu l-atteġġjament tas-suppervi, tas-suppervi bi spirtu fqir u ikrah, tas-suppervi li jgħixu bl-illużjoni li jiswew aktar minn ħaddieħor.  Dawn in-nies huma ‘razza’ spiritwali li jisblu: anzi, bosta drabi dawn in-nies ikollhom bżonn jinkurlaw biex iħossuhom f’tagħhom.

Lilna wkoll jista’ jiġrilna hekk:  it-teoloġi dal-fenomenu jsejħulu ‘l-iskandlu fariżajku’, jiġifieri li niskandalizza ruħi bl-affarijiet bħalma huma s-sempliċità ta’ Alla, is-sempliċità tal-foqra, is-sempliċità tal-Insara.  Qisna qed ngħidu:  ‘Imma dan mhux Alla.  Alla tagħna hu aktar kolt, aktar għaqli, aktar importanti.  Alla ma jistax jaħdem b’dis-sempliċità.’ Imbagħad l-għadab imexxik lejn il-vjolenza kemm fiżika kif ukoll il-vjolenza tat-tqassis, li toqtol daqs dik fiżika.

Naħsbu ftit dwar dawn iż-żewġ passi: l-għadab tan-nies tas-sinagoga ta’ Nazaret u l-għadab ta’ Nagħman, li ma fehmux is-sempliċità ta’ Alla tagħna.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber.

Leave a Reply

%d bloggers like this: