Lectio Divina tar-4 Ħadd tar-Randan. Sena A

Print Friendly, PDF & Email

Vanġelu (Ġw 9, 1-41):  Ġieli xi ħadd jgħidlek: “Iftaħ għajnejk!” jiġifieri, “Oqgħod attent!” jew “Ipprova ħares lejn din ix-xi ħaġa mod ieħor.”  Hemm għama tal-għajnejn li forsi tikkuraha b’xi mediċina, u hemm għama ta’ dak li fil-ħajja ma jafx fejn sejjer, ma jarax il-perikli li hemm fit-triq li jkun qabad, li ma jagħmilx għażliet għaqlin.  Fuq din l-għama jkellimna l-Vanġelu tal-lum.

Ġwanni jieħu l-ispunt tal-fejqan tal-għama ta’ Ġerusalemm biex jgħallimna kif għandna nħallu lil Ġesu jfejjaqna mill-għama tagħna u b’hekk niftħu għajnejna beraħ fil-mixja tal-ħajja tagħna.  Għandna bżonn id-dawl ta’ Ġesu biex aħna nħaddnu l-valuri ġusti ta’ dawk li huma mdawwlin mill-Ispirtu t’Alla.  Il-qofol tal-qari tal-lum huwa meta Ġesu jgħid: “Sakemm indum fid-dinja, jiena hu id-dawl tad-dinja.”  B’din is-silta tal-lum, fl-antik kienu jippreparaw il-katekumeni.  Meta mbagħad kienu jitgħammdu fl-Għid kienu jibdew jissejħu “illuminati”, i.e. imdawwlin. Qabel kienu għomja, forsi għamlu għażliet ħżiena; issa, infetħulhom għajnejhom u ingħatalhom id-dawl li bih qed jaraw ċar biex ma jħawwdux l-apparenzi mar-realta tal-ħajja, is-superfiċjali ma’ dak li jibqa’ għal dejjem.  Min jibqa’ miexi fl-għama isegwi l-istint tal-merħla, bħan-nagħaġ ta’ Bendu, u jgħidu: “Mhux kulħadd qed jagħmel hekk illum?”

  1. Ġesu jiltaqa’ ma’ raġel għama mit-twelid. Ma nafux x’jismu għax hu eżempju ta’ kull min għadu ma ltaqax ma’ Ġesu u għalhekk hu għama minn twelidu. Ġieli tisma’ min jgħid: “Żewġi (jew ibni) ma jmorrux knisja u ma jħossux il-bżonn li jagħmlu hekk.” Dawn għadhom ma ltaqgħux ma’ Kristu allura ma jarawx li hemm mod ieħor kif tħares lejn u tiġġudika l-ħajja. M’għandhomx idea x’inhu dan id-Dawl.  Bħal wieħed li qatt ma żifen, ma jarax il-valur tiegħu.  Meta jippruvah ikun jista’ japprezza l-gost u l-iżvog li tista’ tieħu minnu.
  2. “Min dineb, hu jew il-ġenituri?” Ġesu jwieġeb: “L-ebda wieħed minnhom.  Kull bniedem jitwieled għama.  Mhux tort tiegħu. Din hi l-kundizzjoni umana.  U l-bniedem jibqa’ hekk sakemm jingħata lilu d-Dawl li hu rigal t’Alla.  Aħna għandna għażla: jew nibqgħu għomja ħajjitna kollha jew nilqgħu dan id-Dawl bil-ferħ.  Hawn Ġesu qed jirreferi għad-dnub tan-nisel.  Imma, peress li dan nirtuh mhux ħtija tagħna, Ġesu ma jsejjaħlux dnub imma għama.
  3. “Ġesu beżaq fl-art….” Is-saliva ta’ Ġesu m’hi xejn ħlief in-nifs tiegħu li, magħqud mat-trab tal-art, ifisser il-ħolqien tal-bniedem il-ġdid.  Kif, fil-bidu, Alla nefaħ fuq statwa tat-tajn u beda l-ħolqien tal-ewwel bniedem,   hekk illum Ġesu, bin-nifs tiegħu magħqud mat-tajn tal-art, jagħti d-dawl u ħolqien ġdid lill-bniedem.  Il-bniedem il-qadim kien għama.  Il-bniedem il-ġdid jitwieled bid-dawl ta’ Kristu, b’għajenejh miftuħin beraħ u jaf fejn sejjer.
  4. Il-kelma “Siloam” tfisser ‘mibgħut’: tirreferi għal Kristu, il-mibgħut minn Alla, li, bl-ilma li jagħtina bħala rigal, jiftaħ l-għajnejn tal-fidi tagħna.
  5. Ġesu joħroġ mix-xena, u l-qari jkompli bil-mixja tal-għama mfejjaq lejn il-veru dawl: mixja twila u diffiċli. Jgħaddi minn interrogatorju iebes: (a) L-ewwel jiltaqa’ ma’ qraba u oħrajn, u m’għarfuhx. “Hu? Mhux hu? Wieħed jixbħu?” Din għandha tkun l-istorja tagħna. Meta nikkonvertu għall-valuri ta’ Kristu bis-sħiħ, issir bidla fina tant kbira li qrabatna ma jagħrfuniex. Fejn qabel moħħna kien l-ewwel fil-flus, karriera, eċċ issa dawn jiġu l-aħħar. Ġieli ltqajt ma’ xi ħadd u tinnota bidla kbira fih, u jgħidlek: “Fl-aħħar iltqajt ma’ Kristu u dħalt fit-tali għaqda.”  (b) Ir-raġel ħaduh għand il-Fariżej, id-difensuri tat-tradizzjonijiet, l-għedewwa tad-Dawl, għax skjavi tal-preġudizzji tagħhom.  Dawn iffastidjati għax l-għama ġie jara. Meta r-raġel qalilhom kif, qalulu: “Dan il-bniedem mhux ġej minn Alla għax ma jħarisx it-tradizzjonijiet.” Iżda ma qablux bejniethom: “Kif jista’ wieħed midneb jagħmel sinjali bħal dawn?” Għalhekk saqsew lir-raġel: “Int x’jidhirlek minnu, li fetaħlek għajnejk?” Hawn ir-raġel jagħmel pass kbir ‘il quddiem fil-mixja tiegħu: “Dan profeta.”  (c) Il-ġenituri, mistoqsijin dwaru, jibżgħu li b’dan il-fejqan binhom se jibda jħares lejn l-affarijiet mod differenti.  Jibżgħu li jkeċċuhom mis-sinagoga.   Anki l-profeti tal-lum li rċevew dawl ġdid jaqilgħu kritika u tgergir minn Insara ankrati ma’ ċerti tradizzjonijiet. Biżżejjed insemmu l-aħħar ħames papiet, minn Ġwanni XXIII (Konċilju) sa Papa Franġisku (Amoris Laetitae).  (d) Il-Fariżej jerġgħu jingħaqdu vuċi waħda: “Sebbaħ ‘l Alla, ammetti li żbaljajt.  Stqarr li Ġesu midneb għax ma jridx jagħmel parti mill-istruttura reliġjuża tagħna.” Ir-raġel iwieġeb: “Ħaġa waħda naf: kont għama u issa nara.” Il-Fariżej jinsistu li jirrepeti kif ġrat il-biċċa forsi jsibu xi punt li jtihom raġun.  B’dan il-kurrent ġej kontrih, ir-raġel, minn flok jiddgħajjef, aktar ikompli jħossu ċert mill-għażliet li bi ħsiebu jagħmel, u b’ċertu sarkażmu jgħidilhom: “….jaqaw tridu ssiru dixxipli tiegħu?” X’kuntrast: ir-raġel jgħid li ma jafx min fejqu, u l-Fariżej jgħidu li jafu kollox: “Aħna dixxipli ta’ Mose’. Alla lil Mose’ kellem…” In-nies li jafu kollox jkunu jridu jibqgħu għomja u jirriskjaw li qatt ma jaċċettaw dan id-Dawl ġdid ta’ Kristu.  Għax dan id-Dawl wieħed jista’ jaċċettah jew jirrifjutah. In-nies li jafu kollox jgħidu: “Dan ma nafux minn fejn ġie.” Ir-raġel iwieġeb: “Hawn qiegħed l-għaġeb …… kieku mhux ġej minn Alla xejn ma kien ikollu ħila jagħmel.”  Il-Fariżej jgħaddu mill-insulti għall-vjolenza: rejazzjoni tipika tal-għedewwa tad-Dawl: “U qaċċtuh ‘il barra.”
  6. Ġesu sema’ b’dan u mar ifittxu. Sabu u staqsieh: “Temmen f’Bin il-Bniedem? Taċċetta din il-kwalita’ ta’ ħajja bid-dawl ġdid li rċevejt? Tafda ħajtek f’idejn dan il-bniedem il-ġdid li qed nipproponilek? Issa qed tara ċar għax ġejt imdawwal. Tibżax li qaċċtuk ‘il barra mis-sinagoga għax anki lili għamluli hekk.” Ir-raġel wieġeb: “Nemmen.”

Sors:  lachiesa.it/liturgia/omelie/fr fernando armellini

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d bloggers like this: