Illum il-Knisja tfakkar lil San Franġisku ta’ Paola


Fit-2 ta’ April l-Knisja tfakkar lil San Franġisku ta’ Paola, Eremit li għex bejn is-snin 1416 sa 1507.

Il-ġenituri ta’ San Franġisku li kienu joqogħdu f’Paola, f’Kalabrija, l-Italja, baqgħu bla tfal għal ħmistax-il sena. Imbagħad kellhom tlieta wara xulxin. Il-kbir fosthom, Robertu, twieled fl-1416.

Meta Robertu kien għadu żgħir, intefħitlu għajnu x-xellugija hekk li kien hemm periklu li kien ser jagħma minnha. Il-ġenituri tiegħu għamlu wegħda ma’ San Franġisk t’Assisi li jekk ifiq ilibbsuh il-libsa tal-Patrijiet Franġiskani u jibagħtuh għal sena jgħix f’kunvent tal-Ordni u fieq.

Din il-wegħda ħelisha meta kellu tlettax-il sena. Wara, flimkien mal-ġenituri tiegħu mar pellegrinaġġ, u żar Ruma, Assisi u Loretu.

Meta kellu ħmistax, bidel ismu f’Franġisku, u mar jgħix għalih waħdu fuq biċċa art ta’ missieru, sakemm sab għar u beda jgħix fih. Żewġ żgħażagħ saru jafu bih u marru jgħixu miegħu. Fl-1435, bnew kappella u tliet ċelel. Qassis mill-parroċċa kien imur iqaddsilhom.

In-numru ta’ żgħażagħ li bdew imorru jissieħbu miegħu baqa’ dejjem jikber, u fl-1454, bl-għajnuna tal-poplu bena kunvent u knisja, u l-membri bdew jgħixu f’Regola ta’ faqar, umiltà u sawm kuljum. San Franġisk semma din il-Komunità tiegħu, “L-Ordni tal-Minimi” (L-iċken fost l-iżgħar).

Fuq ix-xewqa tal-Papa Sistu IV, mar jassisti lir-Re Lwiġi XI ta’ Franza, li kien qed imut. Il-Papa offra li jordnah saċerdot biex jaqdi aħjar il-missjoni tiegħu, iżda Franġisku talbu minn qalbu jħallih lajk. Wara l-mewt tar-Re Lwiġi, Karlu VIII, u warajh Lwiġi XII, żammewh fi Franza, li bis-saħħa t’hekk, San Franġisk kiseb ħafna għajnuna min għandhom biex jibni kunventi ta’ l-Ordni tiegħu fi Franza u f’pajjiżi oħra fl-Ewropa.

Tliet xhur qabel miet, ħalla l-impenn li kellu mar-Re u mar jgħix fis-solitudni tal-monasteru fejn miet fil-Ġimgħa l-Kbira tal-1507, fl-età ta’ 91 sena, fTours, Franza. Il-Papa Ljun X għamlu Beatu fis-sena 1513 u sitt snin wara ddikjarah qaddis.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com