Dis-sena kellna ngħaddu Randan b’sawm differenti mis-soltu – apparti dak tas-soltu! “Knisja magħluqa u mhawnx Quddies” – min jaf kemm qrajna avviżi bħal dan mal-bibien magħluqa tal-knejjes tagħna. Minħabba l-ħtieġa sanitarja gravi tal-mument, għaddejna u għadna għaddejjin minn żmien diffiċli ta’ sawm mill-Ewkaristija.
Meta ninsabu mċaħħda bir-raġun minn dan it-teżor tat-Tifkira tal-Mulej, jiġu quddiemna nies li ċaħħduhom bil-forza u bl-inġustizzja mill-quddiesa u mir-rabta tal-komunità nisranija. Żgur jitla’ mal-ewwel f’moħħna l- Venerabbli Kardinal Francis-Xavier Nguyễn Văn Thuận tal-Vjetnam li miet fis-16 ta’ Settembru 2002. Maqful il-ħabs mill-Komunisti għal madwar 13-il sena, hu stess jiddeskrivi kif iżolat kif kien kellu jirrimedja biex bil-moħbi jqaddes u jitqarben waħdu fiċ-ċella – ara l-ktieb tiegħu Testimoni della Speranza (2000).
Jew anki l-Pastor Luteran Dietrich Bonhoeffer maqtul min-Nażisti fid-9 ta’ April 1945 fil-kamp ta’ konċentrament ta’ Flussenbürg. F’waħda mill-ewwel ittri tiegħu, maħruġ mill-ħabs klandestinament, jesprimi l-weġgħa talli ilu xhur imċaħħad mill-qima u t-talb komunitarji, mill-Ewkaristija u mill-“consolatio fratrum”: dik l-ispalla ta’ sapport li l-aħwa joffru lil xulxin.
F’dan iż-żmien aħna wkoll dħalna xirka ma’ dawn ħutna li batew qabilna u taw xhieda b’sagrifiċċju ferm aqwa u akbar minn tagħna. Aħna lanqas ser niċċelebraw l-Alleluia tal-Għid il-Kbir bil-glorja tas-soltu. Imma għalina dan huwa wkoll żmien ta’ grazzja: naslu napprezzaw dak li forsi konna drajna noħduh bi dritt u mhux b’don, u naslu wkoll insaffu l-fehmiet tagħna dwar dawn it-teżori tal-fidi u l-prattika nisranija.
Forsi drajna nieħdu l-Quddiesa u l-Ewkaristija – biex ma nsemmix sagramenti oħra – wisq for granted bħala “servizzi” li għandna dritt għalihom. Forsi jaqblilna nerġgħu niskropruhom bħala għotja u don gratis, frott il-fidwa tal-Mulej Ġesù – bħalma nkantaw fil-Barka Sagramentali: “li nħossu fina bla heda dak li rebħitilna l-Fidwa tiegħek.”
Naslu nsaffu u nbiddlu l-lingwaġġ li nużaw: bħal meta ngħidu “nisma’ Quddiesa” – li turi attitudni ta’ spettatur passiv. Aħjar ngħidu “nieħu sehem f’Quddiesa” għax turi parteċipazzjoni attiva fil-liturġija sħiħa taċ-ċelebrazzjoni. Bħalissa qed “nisma’” il-Quddiesa fuq radju jew TV jew mobile, imma normalment “nieħu sehem” fiha fil-ġemgħa liturġika.
Ukoll l-espressjoni “nirċievi l-Ewkaristija” tista’ tagħti l-impressjoni ta’ passività, qiesek qed tirċievi servizz. Il-verb “nitqarben” huwa aktar attiv, u fil-kelma Maltija “tqarreb” joħroġ is-sens sabiħ ta’ qrubija lejn xulxin fil-komunità u lejn u ma’ Ġesù ħaj. Terġa’, ikun sabiħ ukoll jekk niskopru aktar it-tifsira attiva tal-Ewkaristija bħala radd il-ħajr – sens qawwi ta’ gratitudni li għandu jitkompla barra l-Quddiesa fil-ġurnata tagħna kollha.
Allura, iva ma nistgħux niltaqgħu fid-Dar t’Alla biex niċċelebraw, imma nistgħu nkomplu bir-radd il-ħajr tagħna kullimkien. Nistgħu nibqgħu nnisslu fina sens ta’ rabta bejnietna għax kliem Ġesù jqawwilna qalbna: “Fejn hemm tnejn jew tlieta miġbura f’ismi, hemm Jien stess f’nofshom” (Mt 18:20). Mela anki fil-familja hemm il-“knisja” bit-talb u bir-radd il-ħajr. Anki meta nagħmlu l-qalb lil xulxin bi Skype jew b’mezzi soċjali oħra nkunu nsaħħu l-komunjoni nisranija għax il-“knisja” hija ferm uża u akbar mit-tempju. F’kitba tal-ewwel seklu, id-Didache (4:1) l-ewlenin Insara kienu jemmnu li: “Kulfejn jissemmew il-kliem u l-għemejjel tal-Mulej, hemm il-preżenza tal-Mulej hemmhekk.”
Jalla wkoll li dan iż-żmien ikun ġabna aktar flimkien u nħossu aktar il-ħtieġa li nitolbu u nieklu flimkien fuq l-istess mejda. Nipprattikaw dak li għallimna San Pawl: “Siegħa tieklu jew tagħmlu xi ħaġa oħra, agħmlu kollox għall-glorja t’Alla,” (1Kor 10:31), u “roddu ħajr lil Alla l-Missier” permezz ta’ Ġesù. (Kol 3:17)
Kitba ta’ Joe Abdilla