Illum il-Knisja tfakkar lil Santa Ġiljana minn Cornillon


Fis-6 ta’ April l-Knisja tfakkar lil Santa Ġiljana minn Cornillon, Verġni li għexet bejn is-snin 1193 sa 1258.

Santa Ġiljana minn Cornillon, verġni, twieldet Retinne, ħdejn Liege (il-Belġju), u wara li ta’ ħames snin tilfet ’l ommha u ’l missierha poġġewha fil-kunvent ta’ Mont-Cornillon, ħdejn Liege. Hawn mhux biss għamlet progressi kbar fil-qdusija, iżda wkoll qrat bil-pjaċir l-opri ta’ Santu Wistin u ta’ San Bernard.

Uriet sa minn ċkunitha mħabba kbira lejn il-Madonna, lejn il-passjoni, u fuq kollox lejn is-Sagramenti tal-Altar. Fl-1206, libset il-velu ta’ soru u pprofessat r-regola ta’ Santu Wistin, li kienet miżmuma f’dak il-kunvent.

Tawha f’idejha l-morda tal-isptar li kien immexxi mis-sorijiet. Kienet tiġbed fuqha l-qima ta’ kulħadd bl-umiltà, bil-karità, bl-ubbidjenza u bil-penitenza tagħha, hekk li fl-1230, is-sorijiet kollha tal-kunvent ħatruha bħala superjura tagħhom.

Għamlet li setgħet biex iddaħħal il-festa ta’ Corpus. Meta kienet tersaq titqarben kienet tħoss devozzjoni kbira u tirċievi ħafna grazzji. Ta’ sikwit kienet tmur tagħmel żjara lil Ġesù Sagramentat, tinxteħet għarkopptejha; u bl-eżempju tiġbed lill-oħrajn. Għalhekk Alla għażilha bħala strument umli tiegħu biex ixxandar id-devozzjoni lejn is-Sagrament, u biex tiġi magħżula ġurnata għas-solennità ta’ Corpus.

Robert, isqof ta’ Liege, bit-talb u l-parir ta’ Santa Ġiljana, daħħal din il-festa fid-djoċesi tiegħu, u mbagħad il-Papa Urbanu IV kabbar u xerred din is-solennità mad-dinja kollha. Wara l-mewt tal-Isqof Robert, Ġiljana kellha ssofri bosta persekuzzjonijiet. Ċertu Roger irnexxielu jxewwex lill-poplu kontriha u keċċiha mill-kunvent flimkien mas-sorijiet (1247). Flimkien mal-komunità, il-qaddisa sabet kenn wara bosta sofferenzi, l-ewwel Namur u mbagħad fil-Belt ta’ Fosse, fejn għaddiet l-aħħar snin ta’ ħajjitha fil-ġabra u fit-talb.

Wara li rċeviet bid-devozzjoni kollha l-aħħar sagramenti mietet fiċ-ċella tagħha, għajnejha fissi fuq l-Ostja Mqaddsa (fil-5 ta’ April, 1258). Difnuha, kif talbet, fil-monasteru taċ-Ċisterċensi tal-Belt ta’ Villiers. Qabarha sar post ta’ pellegrinaġġi għal għadd kbir ta’ mirakli li saru bl-interċessjoni tagħha. Il-Qdusija Tiegħu, il-Papa Piju IX, approva l-uffizzju u l-quddiesa tagħha (1869).

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.